- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

SOTTOMISSJONIJIET MGĦODDIJA LILL-MEPA DWAR ID-DOKUMENT PROPOST: FIREWORKS FACTORY COMPLEXES

Posted By admin On February 8, 2014 @ 2:36 pm In Press Releases | Comments Disabled

[1] fireworks.jpgIl-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tinnota b’sodisfazzjon il-prijorità li d-dokument Fireworks Factory Complexes maħruġ mill-MEPA jagħti lis-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min jista’ jkun involut kemm direttament kif ukoll indirettament f’dan il-kamp. Hija ssostni li għandu jiġi stabbilit in-numru ta’ kmamar tan-nar ġodda li jiflaħ pajjiżna, u jiġi aċċertat li s-siti li fihom jinbnew ma jsirx żvilupp ieħor fihom. Il-KA taqbel li kull applikazzjoni għandha tiġi diskussa fuq il-merti tagħha u li ma tistax tinforza soluzzjoni waħda għall-każijiet kollha. Iżda tinkwieta li, minkejja li fil-prinċipju dan ikollu għan tajjeb, spiss jispiċċa jintuża ħażin minn min ikollu intenzjonijiet ħżiena. Għalhekk, għas-sigurtà ta’ kulħadd, għandhom jiġu ippubblikati linji gwida ċari li jirregolaw id-disinn u kull żvilupp marbut mal-bini jew l-immodernizzar tal-kmamar tan-nar.

Dwar il-kumitat ad hoc, wieħed jittama li dan ikun magħmul min-nies tekniċi b’għarfien tajjeb tal-aspetti kollha relatati mal-qasam pirotekniku. Fuq kollox, ir-responsabiltà regolatorja ta’ dan il-kumitat (u tal-MEPA) ma tiqafx mal-ħruġ tal-permess. Bħal f’kull qasam ieħor, xejn ma jaħdem sew mingħajr infurzar tar-regolamenti. Hawnhekk, il-KA issemmi l-kontrolli fuq il-provvista tal-perklorat li jintuża fil-manifattura tan-nar. Il-ħtieġa tal-kontroll tal-eċċessi hija urġenti daqs in-nuqqas ta’ kmamar. Dan jgħin sabiex jonqsu mhux biss il-periklu u l-iskala tad-devastazzjoni meta jseħħ xi inċident, imma wkoll it-tniġġis ambjentali u l-impatti negattivi fuq is-saħħa.

Il-KA tikkonkludi billi tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ edukazzjoni formattiva li tgħin biex jiġu żviluppati l-attitudnijiet u l-valuri li jwasslu għal bidla fl-imġiba u l-operat ta’ min jikseb il-liċenzja. Importanti wkoll li jingħata taħriġ fl-immaniġġjar tal-kmamar tan-nar. Fl-aħħarnett, il-KA tawgura li tidħol mentalità ta’ riċerka anke f’dan il-qasam, u tħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati biex jiffaċilitaw ftehim ma’ pajjiżi u/jew organizzazzjonijiet li joffru għajnuna f’dan ir-rigward.

Għall-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent dan id-dokument huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, u tittama li titkattar il-ħidma sabiex l-industrija tal-piroteknika tkompli tiżviluppa permezz ta’ operat aktar responsabbli u sigur.

Niżżel id-dokument sħiħ minn hawn: [2] 16-ka-fireworks-factory-complexes-mlt.pdf


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/02/08/sottomissjonijiet-mghoddija-lill-mepa-dwar-id-dokument-propost-fireworks-factory-complexes/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/02/fireworks.jpg
[2] 16-ka-fireworks-factory-complexes-mlt.pdf: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/02/16-ka-fireworks-factory-complexes-mlt.pdf

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.