- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re

Posted By admin On November 26, 2013 @ 10:59 am In Press Releases | Comments Disabled

[1]

[2] kristu-re-24nov20132.jpg

[3] kristu-re-24nov20131.jpg

“Ġesù għandu mħabba kbira lejn min hu mqareb”
Kristu r-Re u Għeluq is-Sena tal-Fidi fir-Rotunda tax-Xewkija

“Ġesù għandu mħabba kbira lejn min hu mqareb”.  Hekk fetaħ u għalaq l-omelija tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fiċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re li nżammet il-lejla fir-Rotunda tax-Xewkija, hekk kif it-temp kiesaħ ħassar il-pjan oriġinali li l-għeluq tas-Sena tal-Fidi fid-Djoċesi ta’ Għawdex jinżamm fi Pjazza Santu Wistin fir-Rabat.

“F’mument fejn id-dixxipli kienu mħawda, il-ħalliel it-tajjeb joħroġ b’dik l-istqarrija kbira tal-fidi, li seta’ jagħmilha għax tefa’ għajnejh fuq il-Kurċifiss u daq il-ħniena infinita ta’ Alla”.

Fi tmiem il-Quddiesa, li fiha kkonċelebraw mal-Isqof Grech il-kappillani Għawdxin, hu għadda lil kull parroċċa salib tal-injam biex jitqiegħed f’nofs il-komunità, ħalli hekk l-Insara kollha jżommu ħarsithom fissa fuq Ġesù Kurċifiss.  Is-salib fih fuqu l-kliem “Niltaqgħu mal-Imħabba ta’ Alla”, li huma l-motto tal-Viżta Pastorali li qed issir bħalissa f’Għawdex.

Għall-Quddiesa kienu preżenti wkoll it-tfal li matul din is-sena ħa jkunu qed jirċievu l-Ewwel Tqarbina fil-parroċċi Għawdxin.  Wara l-omelija, dawn inġabru qaqoċċa madwar l-Isqof li talab fuqhom u ppreżentahom lill-ġemgħa li ħanqet ir-Rotunda.  L-Isqof ħa l-okkażjoni biex jirringrazzja lill-ġenituri, il-katekisti u s-saċerdoti li jgħinu lill-poplu ta’ Alla biex il-fidi fih ma tiġix nieqsa.

Bi tħejjija għal Kristu Re, nhar l-Erbgħa 20 ta’ Novembru, Jum Universali tat-Tfal, l-Uffiċċju Djoċesan għall-Pastorali fl-Iskejjel, taħt it-tmexxija ta’ Dun Joseph Bajada, organizzata ċelebrazzjoni ta’ fidi bħala għeluq tas-Sena tal-Fidi għall-istudenti tal-Forms 2-5 tal-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex; imbagħad, il-Ħamis 21 ta’ Novembru, il-Kumissjoni Liturġika, taħt id-direzzjoni ta’ Dun Injazju Borg, animat quddiesa-festa għat-tfal tad-Duttrina mir-4 sena sal-Griżma tal-Isqof. Dawn iż-żewġ attivitajiet saru fl-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II.  Il-Ġimgħa fil-għaxija, imbagħad, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ organizzat kunċert għall-adolexxenti bis-sehem tar-rock band ta’ ispirazzjoni Nisranija Footprints fl-Oratorju Don Bosco.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2013/11/26/celebrazzjonijiet-ta-kristu-re/

URLs in this post:
[1] : http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2013/11/kristu-re-24nov20131.jpg
[2] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2013/11/kristu-re-24nov20132.jpg
[3] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2013/11/kristu-re-24nov20131.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.