Sebaħ għalik jum mingħajr għabex
Omelija tal-isqof Mario Grech fil-funeral ta’ Mons Anton Gauci
Katidal, 17 ta’ Novembru 2013
Biex nifhmu dan il-passaġġ fil-Vanġelu tal-lum (Lq 21,5-19) irridu nżommu quddiem għajnejna l-kuntest storiku ta’ dak iż-żmien. Il-Lhud li kienu qed jisimgħu lil Ġesù kellhom maħżun fil-memorja esperjenza reġistrata fit-Tieni Ktieb tas-Slaten: meta sekli qabel il-qawwa tal-Assirja, wara li kinset għadd kbir ta’ bliet, waslet fuq l-għatba ta’ Ġerusalemm biex tassedjaha (2 Slat 19), għal-Lhud li kienu jgħixu f’din il-belt, il-lejl ta’ qabel l-attakk kien lejl twil ħafna għax kien wasal it-tmiem tagħhom. Imma l-għada mas-sebħ, il-Lhud skoprew li f’dak il-lejl kien ħareġ l-Anġlu tal-Mulej fil-kamp tal-Assiri u qered lill-għadu.
Għalhekk, meta Ġesu ħabbar it-tiġrif tat-tempju r-reazzjoni tal-Lhud ma kinitx waħda ta’ biża’ jew niket imma ta’ interess u eċċitament, għaliex fid-dawl tat-tradizzjoni, fil-mument li ħajja tal-poplu ta’ Alla tkun mhedda, Alla kien ser jagħmel lilu nnifsu preżenti u jsalvahom.
Illum ninsabu mnikkta minħabba l-mewt ħesrem ta’ Dun Anton. Huwa naturali li l-mewt tnissel fina sens qawwi ta’ telfa u falliment. Il-kulur iswed assoċjat mal-mewt huwa rifless tal-lejl mudlam mingħajr ebda sinjal ta’ żerniq! Però, fid-dawl tal-misteru ta’ Kristu Rxoxt, għal dawk li għandhom it-twemmin Nisrani l-mewt hija l-mument partikulari fl-istorja personali ta’ kull bniedem fejn Alla jagħmel lilu nnifsu preżenti għalina u jsalvana. Jekk mal-mewt jinżel għamad fuq għajnejna li jisseparana mid-dinja ta’ madwarna, fl-istess waqt jiċċarrat il-velu li jaħbi l-wiċċ ta’ Alla u nkunu nistgħu narawh wiċċ imb wiċċ.
Għalhekk il-fidi Nisranija li laqqgħetna flimkien illum tgħinna biex, filwaqt li ngħixu b’rispett dovut dawn il-mumenti ta’ firda minn Dun Anton, fl-istess ħin nitfarrġu bit-tama li mad-diżgrazzja tal-mewt Dun Anton irċieva l-grazzja li jara l-wiċċ ħelu ta’ Ġesù. F’dawn l-aħħar sentejn Dun Anton sejjaħli diversi drabi biex nitkellmu flimkien, ħafna drabi fil-preżenza ta’ oħrajn. Darba bqajt bla kliem meta b’ħarsa miksura, għax kien ser jgħidli ħaġa intima, stqarrli li ħafna drabi ma kienx jorqod bil-lejl għax kien joqgħod jikkontempla l-wiċċ ta’ Kristu! Fil-ġudizzju tiegħi bħala isqof din il-kontemplazzjoni ta’ dan is-saċerdot mhux biss tiżboq kull attività oħra li wettaq matul ħajtu, imma hija l-kuruna tal-ministeru saċerdotali tiegħu. Kemm nixtieq li s-saċerdoti jimitaw lil dan ħuna! Is-soċjetà tistenna minn dawk li jemmnu mhux biss li “jitkellmu” dwar Ġesù, imma f’ċertu sens li juruhulhom. Kif jikteb il-Papa Ġwanni Pawlu II, ix-xhieda tagħna tkun assolutament fqira jekk aħna qabel ma nkunux ikkontemplajna wiċċu (NMI 16).
Lil-Lhud li bħalna kienu mħeġġin biex jaraw il-ġdid, Ġesu jiftħilhom għajnejhom biex “ma jitqarrqux”. Fi kliem Ġesù, ħafna għad jiġu u jgħidu “jien hu”, fis-sens li jattribwixxu lilhom infushom l-isem ta’ Alla. Dawn huma dawk li jpoġġu lilhom infushom flok Alla u jassumu l-prerogattivi ta’ Alla. Dawn huma dawk li jaħsbu li jistgħu jwarrbu dak l-ordni li waqqaf Alla biex minfloku jippruvaw iwaqqfu ordni ġdid li jkun jikkuntrasta bis-sħiħ ma’ dak li jrid Alla! Huma dawk li jwarrbu lill-Assolut biex idaħħlu għadd ta’ assolutiżmi oħra. Minflok l-umanità mifdija minn Ġesù Kristu, dawn jintroduċu umaniżmu ġdid li jirriżulta li huwa diżumanizzanti.
Ġesù jappella lil-Lhud, li bħal bqija tal-bnedmin setgħu jinġarru minn dak kollu li jiġi mressaq quddiemhom bħala ġdid, biex joqogħdu attenti għal min jgħidilhom li “iż-żmien wasal”. B’din il-frażi Luqa qed jirreferi għal dak kollu li huwa ppreżentat bħala “opportunità” li ma għandhiex tintilef, irrispettivament jekk il-“ġdid” huwiex ta’ ġid jew ta’ dannu għall-bniedem u għas-soċjetà. Nifhem li hawnhekk għandna referenza għal dak kollu li jaqa’ fil-kategorija tal-“modernità” li, għaliex hija kkaratterizzata minn dak li huwa suġġettiv u awtoreferenzjali, ħolqot soċjetà b’ħafna inċertezzi.
Mingħajr ebda dubju Dun Anton, f’waqtu u barra minn waqtu, ipproklama l-primat ta’ Alla. Kien konvint u tħabat biex jikkonvinċi li “iż-żmien wasal”, fis-sens li aħna li twelidna f’din l-epoka mmarkata bil-miġja ta’ Kristu, qegħdin ngħixu fi żmien ta’ grazzja għax Kristu biss ġedded kollox – kif jgħid San Pawl: “meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid” (2 Kor 5,17). Bħala predikatur Dun Anton, kemm bil-kelma mitkellma kif ukoll bil-kitba, saħaq biex il-bniedem ma jħallix lilu nnifsu jiġi mqarraq mis-seħer ta’ dawk li llum qed jitkellmu u jaġixxu flok Alla, u ta’ dawk li jridu jfasslu l-ħajja mingħajr ma jqegħduha fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla. Wieħed jista’ ma jaqbilx mal-lingwaġġ u l-istil li kien iħaddem dan is-saċerdot ta’ 88 sena, imma kliemu sostanzjalment kien jisilfu mill-Evanġelju u mill-Maġisteru tal-Knisja.
Fis-silta tal-Vanġelu li smajna llum, meta fost ħwejjeġ oħra Ġesù jgħid li “ġens għad iqum kontra ġens u saltna kontra saltna u li l-art titħeżżeż bil-kbir”, hawnhekk Ġesù qed juża lingwaġġ drammatiku tipiku ta’ meta l-profeti kienu jħabbru tibdil soċjali kbir. Fi kliem Ġesù, il-kawża ta’ dan id-diżordni kien l-abbuż tas-setgħa, tant li Ġesù jsemmi l-awtorità reliġjuża (mexxejja tas-sinagoga), l-awtorità ċivili (slaten u gvernaturi) u l-awtorità fil-familja (ġenituri li jittradixxu u joqtlu membri tal-familja). Fi żmien Kristu dawn it-tliet pilastri tas-soċjetà ħassewhom mhedda mill-messaġġ ta’ mħabba u qadi li kien qed jipprietka l-Mulej, tant li ħafna drabi lil Ġesù ħassewh skomdu għalihom sakemm warrbuh.
L-istituzzjonijiet reliġjużi, il-politika u l-familja kienu temi għeżież għal Dun Anton. Għalkemm dawn huma temi delikati ħafna, tant li meta wieħed jittratta xi suġġett minnhom ikun qisu qed jimxi fuq ix-xafra tas-sikkina, in-Nisrani m’għandux jibqa’ lura milli jixgħel id-dawl tal-fidi fuq dawn ir-realtajiet, għax hekk ikun jgħin biex it-tibdil soċjali jsir b’kejl uman. It-tagħlim soċjali tal-Knisja huwa riżorsa tajba ħafna għal dawk li jħossuhom imsejħa biex joffru riflessjoni jew jipparteċipaw f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħidma politika u l-familja.
Ġesù jtemm id-diskors tiegħu b’wegħda: “Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom”. Inħoss li b’dan il-kliem jagħmlilna ħafna kuraġġ għaliex juri li Ġesù jaf bil-possibbiltà li f’ħajjitna mhux dejjem jirnexxilna nżommu sħiħ. Ġesù salvana imma aħna dejjem nibqgħu bnedmin midinba. Konvint li Dun Anton jikkonsenti bi tbissima jekk ngħidlu li ser napplika għalih il-motto li għażel il-Papa Franġisku: “Miserando atque eligendo” – il-Mulej baqa’ jagħżlek u jħenn għalik. U aħna llum, partikularment f’din l-Ewkaristija, irridu nkomplu ninterċedu quddiem Alla għalik u għall-mejtin kollha biex Alla jgħattik bil-mantar tal-ħniena bla qies tiegħu. Dan nitolbuh bl-interċessjoni ta’ Marija Assunta li ta’ kull sena fil-15 ta’ Awwissu niċċelebraw kemm jum it-Tlugħ tagħha fis-Sema kif ukoll jum it-twelid tiegħek – dakinhar li sebaħ għalik jum mingħajr għabex!