Iċċelebrat Jum Għawdex

Diskors fl-okkażjoni ta’ Jum Għawdex
Il-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, Għawdex
It-Tnejn 28 ta’ Ottubru 2013
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-EDUKAZZJONI: IL-MUFTIEĦ GĦALL-FUTUR TA’ GĦAWDEX

L-għadd ta’ dawk li jħaddnu viżjoni ċara dwar Għawdex bħala reġjun importanti fil-qafas tan-nazzjon Malti hemm bżonn li jikber mhux biss fost l-istess Għawdxin imma wkoll fuq livell nazzjonali.  Xejn ma huwa pożittiv kumment li għamel wieħed ambaxxatur residenti f’pajjiżna meta qal li fil-laqgħat li kellu ma’ diversi istituzzjonijiet f’pajjiżna fil-ftit xhur li ilu fostna, għadu ħadd ma semmielu lil Għawdex bħala destinazzjoni speċifika li jixirqilha investiment barrani!  Dan jikkonferma kemm huwa urġenti li ngħinu lil ħaddieħor jemmen tassew fil-potenzjal ta’ din il-Gżira tat-Tliet Għoljiet.  Persuni bħal Agius de Soldanis, Saver Cassar, Ġużè Aquilina u Ninu Cremona jistgħu jkunu ta’ stimolu qawwi biex titkebbes din l-imħabba lejn Għawdex bħala parti mill-qafas tan-nazzjon.

Għodda tajba biex din il-viżjoni dwar Għawdex tkun magħrufa u mħaddna minn firxa aktar wiesgħa ta’ persuni hija l-investiment fil-qasam edukattiv.  Huwa fatt li l-aqwa djamant fil-kuruna ta’ Għawdex huwa r-riżorsa umana, u jekk ma nieħdux ħsiebha bis-serjetà, ser tkompli titnaqqar.  Programm edukattiv maħsub bil-għaqal u b’miri għoljin jista’ jagħmel differenza lil din ir-riżorsa umana!  Għaliex il-proċess edukattiv jikkontribwixxi mhux biss biex wieħed jagħraf it-talenti moħbija li jkollu, imma fuq kollox biex joffri brain empowerment qawwi li kapaċi jwassal biex jinfetħu orizzonti ġodda.  F’dan il-każ, tassew li l-passat huwa mera għall-futur.  Kienu ħafna dawn l-Għawdxin li meta bdew jimirħu fl-oċean tal-qasam edukattiv, taw sehemhom fin-nisġa ta’ ċiviltà ġdida u hekk nisslu t-tama fil-kotra kemm f’pajjiżna u kemm barra.

L-edukazzjoni tħaddan tliet aspetti importanti.  L-ewwel u qabel kollox, kif kienu jemmnu l-Griegi, l-għan ewlieni tal-edukazzjoni huwa l-humanitas – il-formazzjoni tal-bniedem sħiħ.  Kif kien jgħid Socrate, il-proċess edukattiv ma jkunx sħiħ jekk joħloq biss kavallieri, baħrin u suldati; l-edukazzjoni trid tolqot lill-bniedem sħiħ – l-ispirtu, il-ġisem, l-intellett, ir-rieda, il-karattru, u l-bqija.

Imbagħad trid tkun edukazzjoni għall-professjonalità biex wieħed ikollu s-sodisfazzjon mhux biss li jikseb riżultati għolja imma wkoll li jkun qed jagħti l-aħjar servizz li jista’ joffri.  Il-professjonalità tegħleb kull tentazzjoni ta’ medjokrità.

L-edukazzjoni tirnexxi jekk jirnexxielha trawwem fil-bniedem sens ta’ ċittadinanza u hekk twasslu biex iħobb lis-soċjetà li jkun jgħix fiha għax issir għalih parti mill-identità personali tiegħu.  Għalhekk fiċ-ċirkustanza tat-tifkira li qegħdin nagħmlu ta’ Jum Għawdex, nistgħu ngħidu li l-edukazzjoni hija promotriċi ta’ mħabba lejn Għawdex.  L-isforzi edukattivi li nagħmlu ma jkunux effettivi jekk ma joffrux ukoll formazzjoni soċjali u għaldaqstant inisslu fil-bniedem interess ġenwin u determinazzjoni patrijottika lejn pajjiżu.

Verament ikollna vista qasira jekk meta nitkellmu dwar l-investiment fl-edukazzjoni, nieqfu naħsbu biss dwar l-edukazzjoni skolastika li noffru lit-tfal.  Ħadd ma jista’ jiċħad li dawn huma faxxa importanti fil-qafas edukattiv; imma rridu naħsbu wkoll fiż-żgħażagħ Għawdxin li jridu jkomplu l-edukazzjoni terzjarja.  B’sagrifiċċji mhux żgħar għalihom u għall-familji tagħhom, dawn ikollhom jittrasferixxu ruħhom lejn Malta.  Tkun tassew inġustizzja jekk żagħżugħ/a jitlef l-aptit li jkompli jitgħallem minħabba l-isfidi li jġib miegħu l-fliegu bejn il-gżejjer.  Huwa obbligu morali tas-soċjetà li ssaħħaħ is-sistema eżistenti biex tnaqqas kulma jista’ jaqta’ qalb l-istudenti Għawdxin li jixtiequ jkomplu jitħarrġu f’diversi dixxiplini li toffri s-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.  Imbagħad hemm l-edukazzjoni tal-adulti.  Illum il-formazzjoni kontinwata ma għandhiex tkun xi ħaġa fakultattiva, imma tappa obbligatorja għal kulħadd.  F’dan il-qasam tinħass il-ħtieġa ta’ pjan strateġiku b’miri espansivi li jiffaċilitaw il-formazzjoni kontinwata tal-aktar faxxa wiesgħa ta’ adulti.  F’ħafna każi din “l-iskola tal-kbar” mhux biss twaqqaf il-proċess deġenerattiv, imma tisfa ta’ qawwa riġenerattiva.

L-Istat jibqa’ l-aġent ewlieni responsabbli mill-proposta edukattiva li qed insemmu.  Anki l-Knisja toffri l-kollaborazzjoni tagħha f’dan il-proċess.  Imma wasal il-waqt li anki s-settur privat jibda jemmen li jekk irid li jkun hawn qawmien ekonomiku u soċjali, barra mill-pjanifikazzjoni ekonomika, industrijali u affarista, huwa importanti li jibda jinvesti fl-edukazzjoni mmirata li toffri formazzjoni kemm umana u kemm professjonali imma fuq kollox sens qawwi ta’ appartenenza lejn din il-gżira ta’ Għawdex.

Wieħed jawgura li dan l-impenn edukattiv kollettiv jgħin biex ikunu l-istess nies ħawtiela ta’ din il-gżira li jemmnu b’iktar qawwa li huma għandhom potenzjal biżżejjed biex jieħdu l-inizjattivi meħtieġa ħalli jpoġġu l-pedament għall-futur ta’ Għawdex.