- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Mons Isqof Mario Grech iżur il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Posted By admin On September 20, 2013 @ 1:17 pm In Homilies | Comments Disabled

AĦNA L-MAĦBUBIN TA’ ALLA

Omelija tal-Isqof Grech waqt quddiesa fil-kappella tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Raħal il-Ġdid, Malta, 11 ta’ Settembru 2013.

Anke jekk wieħed ikollu l-moviment tiegħu ristrett jew limitat, xorta waħda wieħed jista’ jkun ħieles f’qalbu. F’dan il-kuntest aħbar tajba li wasslilna Kristu hija li l-verità tagħmilna ħielsa! Għalhekk dak li huwa marbut ma’ siġġu tar-roti, jew huwa huwa mixħut f’qiegħ ta’sodda jew huwa fil-ħabs, jekk jagħraf u jaċċetta l-verità, dan jagħmel esperjenza tal-ħelsien minkejja li d-dritt tal-moviment ikun limitat!

Il-verità li nixtieq inwasslilkom hija li aħna l-magħżulin u l-maħbubin ta’ Alla. Alla, li huwa mħabba bla qies, isawwab din l-imħabba fuq kull wieħed minna. Jista’ jiġri li l-familja tagħna ma tibqx tħobbna jew li l-istess soċjetà tkun kiefra fil-konfront tagħna, imma Alla ma jafx ma jħobbniex. Jekk ngħidu li Alla ma jħobbniex, inkunu ngiddbu lil Alla.

Ta’ bnedmin li aħna faċli li jkollna dubju dwar din l-imħabba t’Alla, aktar u aktar jekk il-passat tagħna huwa ikrah minħabba xi żbalji li nkunu għamilna. Huwa minnu li aħna ma nistgħux nifhmu kif Alla jixħet il-ħarsa tiegħu kollha mħabba fuq il-“fqajrin”. Il-fqar mhumiex biss dawk li għandhom il-but battal, imma huma wkoll dawk li huma dgħajfin, dawk li għandhom karattru antisoċjali, dawk li ma jirnexxilhomx josservaw il-liġijiet, dawk li l-preżenza tagħhom tista’ tkun skomda għall-oħrajn… Filwaqt li ħafna drabi għas-soċjetà l-foqra huma ta’ min iwarrabhom mis-saqajn, għal Alla dawn huma l-mimmi t’għajnejh. Mhux għax Alla japprova l-imġiba ħażina tagħna, imma għax jaf li l-imħabba tiegħu hija mediċina li tfejjaq; għax jaf li l-imħabba tiegħu ssaħħan il-qalb bierda tagħna l-bnedmin. Għalhekk, nixtieq ninqeda b’din iż-żjara tiegħi fostkom illum biex nagħmlilkom kuraġġ ħalli, filwaqt li titfgħu l-imgħoddi wara spallejkom, tilqgħu din il-verità li tagħmilhom tassew ħielsa: “intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu” (Kol 3,12).  Meta ngħidu li Alla jħobbna nkunu ngħidu li Alla huwa kollu ħniena, mogħdrija u tenerezza magħna!

Meta nikkonvinċu lilna nfusna dwar din il-verità, aħna naċċettaw lilna nfusna, negħlbu n-nuqqas ta’ kuntentezza u neħilsu minn dik ir-rabja li jist’a jkollna lejn dawk li fil-fehma tagħna ma’ kienux ġusti magħna, jekk mhux ukoll lejn l-istess istituzzjonijiet u lejn is-soċjetà. Infatti, lil dawk li jaċċettaw li Alla jħobbhom, San Pawl jgħidilhom: “ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin u jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. Fuq kollox ilbsu l-imħabba li l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3,13-14).

Lil dawk li jħobb Alla jafdalhom missjoni jew ħidma! Ma nissorprendix ruħi jekk, wara li intom tilqgħu din il-verità u dduqu l-ħelsien interjuri, intom tkunu barka għas-soċjetà tagħna! Iż-żmien li tgħaddu f’din il-Faċilità jista’ jkun opportunità għalikom biex, fid-dawl tal-verità li ġejja minn Alla, intom tiksbu viżjoni ġdida tal-ħajja li tgħin biex ikun hemm riforma u tiġdid, mhux biss tal-individwi imma wkoll tas-soċjetà.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2013/09/20/mons-isqof-mario-grech-izur-il-facilita-korrettiva-ta-kordin/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.