- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Isqof Grech jitkellem dwar il-fenomenu tal-immigrazzjoni mil-lenti Nisranija

Posted By admin On September 2, 2013 @ 11:22 am In Homilies | Comments Disabled

[1] immigrants-in-mediterranean.jpg

Il-Poplu ta’ Alla għandu l-esperjenza migratorja fid-DNA tiegħu

Sintesi tal-omelija tal-Isqof Mario Grech waqt il-quddiesa tal-festa tal-Madonna ta’ Loretu, f’Għajnsielem, li saret il-Ħadd, 1 ta’ Settembru 2013.

“Is-soċjetà tagħna f’dawn l-aħħar snin qed ikollha taffronta l-fatt ta’ mijiet ta’ immigranti irregolari li jaslu fuq ix-xtut tagħna. In-numru ta’ dawk li waslu fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien id-doppju ta’ dawk li waslu fl-istess żmien is-sena l-oħra (600). Wieħed jifhem għaliex dan il-fenomenu kien u għadu suġġett ta’ ħafna diskussjoni: il-preżenza qawwija tal-immigranti mhux biss ħolqot bżonnijiet materjali ġodda, imma ġabet magħha ukoll xokk soċjali u kulturali. Għalhekk hija meħtieġa aktar riflessjoni matura dwar kif għandna ngħixu bil-galbu dan il-mument storiku.

Dan il-fenomenu migratorju jolqot ukoll lilna bħala Knisja. Għalkemm kemm il-Kummissjoni Emigranti tal-Knisja kif ukoll iċ-Ċentru tal-Ġiżwiti għar-Refuġjati għamlu u qed jagħmlu ħafna b’risq din il-kawża umanitarja, jibqa’ l-fatt li fadlilna ħafna passi x’nagħmlu kemm biex nadottaw ħidma pastorali mal-immigranti kif ukoll biex nedukaw il-qalb ta’ ħutna Maltin u Għawdxin li qed ikollhom jgħixu f’din is-sitwazzjoni soċjali ġdida. Ukoll għalina bħala Knisja f’pajjiżna, il-mewġa tal-immigrazzjoni irregolari kienet xokk religjuż qawwi. Ħafna minna l-Insara għadhom ma ntebħux li l-preżenża tal-immigranti irregolari tista’ tkun mument ta’ grazzja għalina daqskemm għalihom. Huwa fatt li l-attenzjoni tagħna l-Insara lejn dawn l-immigranti irregolari għadha tkun imbuttata mhux tant minn motivi umanitarji daqskemm minn ragunijiet ta’ fidi mdawla mill-Kelma ta’ Alla.

Illum ilkoll nafu li l-Knisja hija l-“Poplu ta’ Alla”, imma mbagħad mhux kulħadd jaf li bħala “Poplu ta’ Alla” aħna għandna storja miżgħuda b’esperjenzi ta’ immigrazzjoni, xi drabi anke irregolari! Bħala Poplu ta’ Alla, aħna poplu ta’ emigranti u immigranti. Infatti l-poplu l-magħżul jaf il-bidu tiegħu lil wieħed immigrant: “Missieri (Abraham) kien minn Aram, jiġġerra minn post għall-ieħor; imbagħad niżel fl-Eġittu u għammar hemm. Żgħir kien fil-għadd ta’ niesu, iżda hemmhekk sar poplu kbir, qawwi u kotran. L-Eġizzjani ħaqruna, għakksuna u għabbewna b’xogħol iebes, imma aħna għajjatna lil Alla ta’ missierijietna u l-Mulej sema’ l-għajta tagħna” (Dewt 25,5-7). L-istorja tal-Poplu ta’ Alla hija storja ta’ emigrazzjoni, immigrazzjoni u saħansitra deportazzjoni! Infatti għal darbtejn ġarrab l-esperjenza tal-eżilju – fl-Eġittu u fil-Babilonja. It-tbatija u l-moħqrija li l-poplu ta’A lla ġarrab fl-eżilju wasslet lill-awtur tal-Ktieb tal-Għerf jikteb hekk: “Huma (l-Eġizzjani) batew kif kien ħaqqhom, għal dnubiethom, għax urew mibgħeda mill-eqqel lejn il-barranin” (19,13).

Din l-esperjenza bħala “barranin” f’art barranija tant kienet fundamentali fil-memorja tal-Lhud, li ħalliet marka qawwija kemm fl-imġiba tagħhom mal-barranin kif ukoll fil-liġijiet li kellhom. Infatti fid-Dewterenomju naqraw hekk: “Meta tkun taħsad ir-raba’ u tinsa warajk xi qatta fl-għalqa, tergax lura biex tiġborha, imma ħalliha hemm għall-barrani, għall-iltim u għall-armla, biex ibierkek il-Mulej Alla tiegħek … U meta tfarfar iż-żebbuġ tiegħek, la tlaqqatx li jibqa’ fil-friegħi, ħallihom għall-barrani, għall-iltim u għall-armla. Meta tiġbor l-għeneb mid-dwieli tiegħek, la tiġborx li jifdal warajk, imma ħallihom għall-barrani, għall-iltim u għall-armla. Ftakar li inti kont ilsir fl-Eġittu; għalhekk jien qiegħed nordnalek dan.” (Dewt 24, 19-22)
U fil-Ktieb tal-Levitiku, il-Kelma t’Alla tgħidilna hekk: “Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-barrani, la taħqrux; ikun għalik il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu intom fl-art tal-Eġittu. Jien hu l-Mulej Alla tagħkom.” (19,33-34)

Għall-Poplu ta’ Alla tant kienet regola tad-deheb li joffri ospitalità lill-barrani, illi lanqas ma kien jeskludih mit-tempju, anke jekk dan kien ikun ta’ twemmin ieħor. F’dan is-sens hija indikattiva ħafna t-talba li Salamun jagħmel lil Alla fl-okkażjoni tad-dedikazzjoni tat-tempju ta’ Ġerusalemm: “Anke l-barrani, li mhux mill-poplu tiegħek ta’ Israel, meta jiġi minn art imbiegħda u jitlob f’dan it-tempju, isimgħu mis-sema li hi għamartek u agħmel kull ma jitolbok.” (1Re, 18,41-42)

Fid-dawl ta’ din il-viżjoni biblika tal-immigrant, il-Poplu ta’ Alla silet linji ta’ spiritwalità. Infatti fis-Salm 23 naqraw: “tal-Mulej hija l-art u kull ma fiha, u d-dinja u kull min jgħix fiha”. Ladarba kull min jgħix fuq l-art huwa tal-Mulej, ħadd ma huwa “barrani”, u għalhekk il-barrani ma jistax jiġi maqtugħ mill-komunità tal-Poplu ta’ Alla, u għandu d-dritt li jgawdi mill-frott tal-art. F’dan il-kuntest, meta l-barrani jasal f’art differenti minn pajjiżu, dan ma jkunx jinvadi fuq art ta’ ħaddieħor, imma jkun wasal f’art li hija tiegħu ukoll! Fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, huwa dmir tal-popli kollha li jaqsmu mal-barrani “il-mejda tal-ħolqien”. Fuq din il-mejda hemm mhux biss il-ġid materjali imma wkoll il-ġid edukattiv, kulturali, xjentifiku, teknoloġiku u artistiku!

Ġesù Kristu, li reġa’ ġabarna f’poplu ġdid ta’ Alla, ġarrab huwa nnifsu din l-esperjenza tal-emigrazzjoni u l-immigrazzjoni. Meta l-Iben ta’ Alla sar bniedem, huwa ħareġ minn “ħdan” il-Missier biex daħal fi “ħdan” l-umanità. San Ġwann fl-Evanġelju jgħidilna li Ġesù “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (1,11). Il-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù għaddieha jiġġerra minn reġjun għall-ieħor, tant li ma “kellux fejn imidd rasu”.

Ġesù mhux biss kien “barrani”, imma kien attent biex japprezza t-tajjeb li hemm f’min kien ġej minn kultura u reliġjon differenti. Infatti huwa jfaħħar lil Nagħman tas-Sirja li tfejjaq mill-profeta Eliżew u lill-armla ta’ Sarafta ta’ Sidon li laqgħet lill-profeta Elija – kemm Nagħman kif ukoll l-armla ta’ Sarefta t-tnejn kienu barranin! Ġesù jgħid li f’Israel kollu ma sabx fidi ikbar minn taċ-ċenturjun Ruman (Lk 7, 1-10)! U l-istqarrija li Kristu huwa l-Iben ta’ Alla ma ssirx min-nies tat-tempju ta’ Ġerusalemm, imma minn ċenturjun Ruman ieħor fuq il-Kalvarju.

Ħassejt li kelli nsemmi dawn l’esperjenzi bibliċi biex niftakru li aħna bħala poplu ta’ Alla llum għandna l-esperjenza migratorja fid-DNA tagħna! Għalhekk il-fidi tagħna tgħinna dwar kif nittrattaw mal-immigranti irregolari. Dak li jħassibni huwa li dwar ċerti suġġetti huwa faċli għalina li nsaħħu l-argument bil-Kelma t’Alla, imbagħad ma nirrealizzawx li l-istess Kelma ta’ Alla tkellemna b’daqshekk qawwa dwar dan il-fenomenu tal-immigrazzjoni. Din hija sfida u opportunità mhux biss għalina l-Maltin u l-Għawdxin, imma għall-Ewropa kollha – għalhekk għandna bżonn ta’ politika Ewropea serja ta’ kif ser nilqgħu lill-barranin.

Għandhom jibqgħu jidwu f’qalbna l-kelmiet li Papa Franġisku qal f’Lampedusa. Min hu responsabbli għall-mewt ta’ tant persuni li bit-tama li jibdew ħajja ġdida jippruvaw jaqsmu l-Mediterran imma ma jaslux fid-destinazzjoni għax jegħrqu? Min beka mal-ommijiet ta’ dawn l-immigranti li telqu minn pajjiżhom biex forsi jkunu jistgħu jaqigħlu l-għixien għalihom u għall-familja tagħhom?

Aħna l-Insara għandna dejn ma’ din is-soċjetà li, kif jgħid il-Papa, qed tgħix f’bużżieqa tas-sapun – bużżieqa sabiħa imma vojta: li nwaslulha l-messaġġ ta’ tama u solidarjetà fattiva mal-barranin, kif imnebbħin mill-fidi tagħna.

Proprju din il-ġimgħa saret l-ewwel laqgħa tal-Kummissjoni djoċesana li waqqaft dan l-aħħar bil-għan li tgħinna bħala Knisja nagħtu s-sehem tagħna f’dan il-waqt storiku ta’ pajjiżna. Jien tlabt li din il-Kummissjoni, immexxija minn Dun Manwel Cordina, biex fi żmien xahrejn tippreżenta relazzjoni. Għandi tama qawwija li bil-kollaborazzjoni ta’ ħafna minnkom, flimkien inkomplu nagħtu tweġiba evanġelika quddiem din l-esperjenza.”


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2013/09/02/l-isqof-grech-jitkellem-dwar-il-fenomenu-tal-immigrazzjoni-mil-lenti-nisranija/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2013/09/immigrants-in-mediterranean.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.