Saċerdot Għawdxi assenjat fil-Missjoni Permanenti tas-Santa Sede fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti

grech-joseph-2.jpgMedia Release
22 ta’ Lulju 2013

Wara tliet snin ta’ servizz fin-Nunzjatura Appostolika fiż-Żambja u l-Malawi, Dun Joseph Grech, saċerdot Għawdxi, ġie nominat fi ħdan il-Missjoni Permanenti tas-Santa Sede fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York.

Il-Missjoni Permamenti tas-Santa Sede fi New York issegwi b’attenzjoni u b’interess il-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti. Hawn is-Santa Sede twassal l-esperjenza sekolari tal-Knisja Kattolika lill-umanità, u tqiegħed din l-esperjenza għad-dispożizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tgħin fil-ħidma favur il-paċi, il-ġustizzja, ir-rispett tad-dinjità umana, il-koperazzjoni internazzjonali u l-assitenza umanitarja. Is-Santa Sede taħdem sabiex tiġi rispettata l-libertà reliġjuża ta’ kull min jemmen u tfittex li jiġu mħarsa id-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, li huma mnaqqxa fin-natura traxxendentali tal-persuna umana. Fil-ħidma tagħha fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, il-Missjoni tas-Santa Sede taħdem ukoll biex titħares il-qdusija ta’ kull ħajja umana – mill-konċepiment sal-mewt naturali – u għalhekk kull aspett ta’ żvilupp uman awtentiku li jinkudi, fost l-oħrjan, iż-żwieg u l-familja, ir-rwol primarju tal-ġenituri fl-edukazzjoni tal-ulied, impjieg adegwat, solidarjetà mal-foqra u mal-batuti, it-tmiem tal-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, u drittijiet fundamentali oħra bħall-ikel, il-kura bażika tas-saħħa u l-edukazzjoni għal kulħadd.

Fil-bidu ta-servizz il-ġdid tiegħu, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone kiteb lil Dun Joseph: “Dan ix-xogħol ġdid huwa sinjal ta’ fiduċja li s-Superjuri tiegħek għandhom fik, wara li raw ix-xogħol siewi li wettaqt fiż-Żambja. F’din il-ħidma ġdida huma jixtiequ joffrulek il-possibbiltà li taħdem f’kamp ġdid li, flimkien mas-servizz li jitlob, jista’ jservi wkoll ta’ għajnuna kbira fil-formazzjoni tiegħek.”