Insellmulkom mill-Brażil!
Aħna hawn sejrin tajjeb ħafna. Kull m’aħna 4 biss għalissa. L-ewwel għamilna 10 ijiem Rolandia fejn Mons. Agius mill-parroċċa tagħna tal-Munxar, li kien qed jospita l-grupp taż-żgħażagħ tal-Kdż ta’ Malta. Matul dawk il-jiem aħna ħadna sehem fil-ġimgħa missjunarja li organizzat il-parroċċa ta’ Agius, iltqajna mal-isqof awżiljarju ta’ Malta Mons. Charles Scicluna, kif ukoll mal-isqof Orlando Brandes ta’ Londrina, u sibna ħin biex naraw uħud mill-postijiet ta’ interess, fosthom l-aktar impressjonanti l-Iguacu Falls. Matul dawn il-jiem laqtuna ħafna l-ferħ, il-konvinzjoni u l-ħeġġa taż-żgħażagħ u nies Brażiljani waqt il-quddies u l-ħin tat-talb.
Il-Ħadd tlajna Rio, u kull fejn qed immorru qed niltaqgħu ma’ gruppi minn kull parti tad-dinja jkantaw u jxandru lil Kristu bil-kliem, bil-kant, bil-ferħ u bl-imgiba tagħħom. Esperjenza li sammritna kienet meta għaddejna xi ħin gewwa l-favela ta’ Santa Marta. Verament il-Brażil hu pajjiż ta’ kuntrasti kbar.
Qed nikteb dritt wara li ħadna sehem fil-quddiesa tal-ftuħ gewwa Copacabana beach. Għalkemm kienet nieżla x-xita, l-eluf ta’ dawk preżenti ma tħarrkux u kien hemm atmosfera ta’ ġabra u talb. Xħin tara dawk l-eluf ta’ żgħażagħ moderni maqgħudin flimkien jitolbu u jiddevertu, tissaħħaħ fil-fidi, tirringrazzja lil Alla u timtela b’kuraġġ ta’ sur li l-Knisja ta’ Kristu hija ħajja u għandha futur mill-isbaħ quddiemha.
Għada suppost li niltaqgħu ma’ grupp ieħor żgħir mix-Xewkija. Flimkien magħhom u ma’ dawn l-eluf ta’ żgħażagħ ser inkomplu ngħixu dawn il-jiem ta ċelebrazzjoni tal-fidi tagħna u nittamaw li meta nirritornaw lura fid-djoċesi nkunu verament dixxipli u missjunarji ta’ Ġesù Kristu.
d.Michael Said, Josephine Camilleri, Samuel Debrincat, Johanna Hili
(parroċċa Munxar)
Media Release
22 ta’ Lulju 2013
Wara tliet snin ta’ servizz fin-Nunzjatura Appostolika fiż-Żambja u l-Malawi, Dun Joseph Grech, saċerdot Għawdxi, ġie nominat fi ħdan il-Missjoni Permanenti tas-Santa Sede fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Il-Missjoni Permamenti tas-Santa Sede fi New York issegwi b’attenzjoni u b’interess il-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti. Hawn is-Santa Sede twassal l-esperjenza sekolari tal-Knisja Kattolika lill-umanità, u tqiegħed din l-esperjenza għad-dispożizzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tgħin fil-ħidma favur il-paċi, il-ġustizzja, ir-rispett tad-dinjità umana, il-koperazzjoni internazzjonali u l-assitenza umanitarja. Is-Santa Sede taħdem sabiex tiġi rispettata l-libertà reliġjuża ta’ kull min jemmen u tfittex li jiġu mħarsa id-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, li huma mnaqqxa fin-natura traxxendentali tal-persuna umana. Fil-ħidma tagħha fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, il-Missjoni tas-Santa Sede taħdem ukoll biex titħares il-qdusija ta’ kull ħajja umana – mill-konċepiment sal-mewt naturali – u għalhekk kull aspett ta’ żvilupp uman awtentiku li jinkudi, fost l-oħrjan, iż-żwieg u l-familja, ir-rwol primarju tal-ġenituri fl-edukazzjoni tal-ulied, impjieg adegwat, solidarjetà mal-foqra u mal-batuti, it-tmiem tal-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, u drittijiet fundamentali oħra bħall-ikel, il-kura bażika tas-saħħa u l-edukazzjoni għal kulħadd.
Fil-bidu ta-servizz il-ġdid tiegħu, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone kiteb lil Dun Joseph: “Dan ix-xogħol ġdid huwa sinjal ta’ fiduċja li s-Superjuri tiegħek għandhom fik, wara li raw ix-xogħol siewi li wettaqt fiż-Żambja. F’din il-ħidma ġdida huma jixtiequ joffrulek il-possibbiltà li taħdem f’kamp ġdid li, flimkien mas-servizz li jitlob, jista’ jservi wkoll ta’ għajnuna kbira fil-formazzjoni tiegħek.”
Għall-benefiċċju tal-morda u ta’ dawk li jduru bihom, għandna pjaċir ninfurmawkom li kull nhar ta’ Sibt TVM2 ser ixandar live l-Quddiesa tas-6.30pm mis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu. Dan is-servizz ser jibda minn nhar is-Sibt 20 ta’ Lulju 2013.