- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari tal-Isqof fil-bidu tas-Sena Pastorali

Posted By admin On September 24, 2012 @ 10:47 pm In Circulars | Comments Disabled

26/2012

Ittra Ċirkulari
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi, Persuni Kkonsagrati u Lajċi Nsara.

“Nixtiequ naraw lil Ġesù!”

Għeżież,

Jiena konvint li llum mhumiex ftit dawk li jħossu l-istess xewqa ta’ dawk il-Griegi li darba telgħu Ġerusalemm u marru għand Filippu, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù!” (Ġw 12:20-21). Il-bniedem jixtieq jara lil Ġesù, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, mhux għaliex hu mqanqal mill-kurżità jew minn xi twemmin superstizzjuż, imma għax fil-fond ta’ qalbu jixtieq isib it-tweġiba li tagħti tifsira lil ħajtu!

Din il-karba tal-bniedem tal-lum li jrid jara lil Ġesù waslet f’widnejn u f’qalb il-Knisja! Bħala Knisja, partikularment aħna s-saċerdoti, inkunu nonqsu quddiem Alla u quddiem l-istorja jekk fiċ-ċirkustanzi ma nagħmlux ħilitna kollha biex inpoġġu mill-ġdid lil Kristu “sħiħ” fil-kultura ta’ żminijietna! Meta ppreżenta ruħu quddiem il-Griegi li kienu qed jistaqsu għalih, kliem Ġesù kien qawwi u ċar: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu, jitlifha, imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja, iħarisha għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 12:24-25). Kif jiktbilna l-Papa Benedittu XVI fl-Ittra li bagħat dan l-aħħar lill-Knisja f’pajjiżna, “il-ħafna sfidi li ġabet magħha s-soċjetà kontemporanja jitolbu li l-messaġġ tal-ħajja tal-Vanġelu jiġi muri b’mod ċar”.

Din il-folla li għandha x-xewqa li tiltaqa’ ma’ Ġesù hija magħmula minn diversi kategoriji ta’ persuni.

Hemm dawk li, għalkemm għandhom kollox, iħossu ċertu baħħ f’ħajjithom. Hemm oħrajn li l-ħajja ma kinitx ġeneruża magħhom, bħal dawk li kellhom xi għamla ta’ falliment fil-ħajja tax-xogħol, tal-familja, jew tal-vokazzjoni. Ma’ dawn inżid lil dawk li, minkejja r-rieda tajba tagħhom, quddiem l-isfidi qed jaqtgħu qalbhom jaqdfu biex id-dgħajsa tkompli tofroq il-ħalel tal-ħajja. Hemm ukoll dawk li jħossuhom abbandunati mhux biss minn dawk ta’ madwarhom, imma wkoll minn Alla u mill-Knisja!

Imbagħad, meta nqis il-ħerba li qed iħalli r-riefnu tas-Sekulariżmu, jiġuni f’moħħi dawk li għandhom diffikultà biex jemmnu f’Alla ta’ Ġesù Kristu. Hemm ukoll dawk li tfixklu fil-mixja tal-fidi minħabba xi eżempji ħżiena li raw fil-Knisja! Ma jonqsux dawk li jixtiequ jaraw il-wiċċ ġdid ta’ Ġesù minħabba ċerta għeja u nuqqas ta’ ħeġġa fin-nies tal-Knisja!

Is-Sena tal-Fidi – sena ta’ grazzja
F’dan il-kuntest, tinħass tassew providenzjali l-proposta li qiegħed jagħmlilna l-Papa Benedittu XVI biex matul din is-sena li ġejja nfittxu li ngħaddu mill-“bieb tal-fidi” ħalli permezz tal-Knisja nerġgħu nidħlu f’għaqda ma’ Alla. Dan il-bieb huwa Ġesù Kristu! Għalhekk nistedinkom biex napprofittaw minn din is-sena ta’ grazzja ħalli mhux biss “naraw lil Ġesù”, imma ngħinu lil oħrajn jiltaqgħu miegħu. Hemm bżonn li bħal Filippu u Indrì nkunu “l-medjaturi” biex il-Griegi tal-lum jaslu għand Ġesù!

Għanijiet pastorali fis-Sena tal-Fidi
Biex inwieżnu lill-komunitajiet Insara jgħaddu minn dan “il-bieb tal-fidi”, qed nipproponu li matul din is-sena:
1. niskopru mill-ġdid il-ġmiel tal-Magħmudija, li hija l-“bieb” li minnu nidħlu għall-ħajja Nisranija;
2. peress li l-fidi tiġi mis-smigħ tal-Kelma, inkomplu nifirxu l-katekeżi tal-adulti, b’attenzjoni partikulari għall-koppji miżżewġa fl-ewwel snin taż-żwieġ tagħhom;
3. bħalma l-Griegi telgħu Ġerusalemm biex jaduraw lil Alla, aħna naduraw lil Ġesù fl-Ewkaristija – inħeġġeġ biex fid-djoċesi joktru l-adoraturi tal-Ewkaristija;
4. billi s-saċerdoti huma dawk li bil-ministeru tagħhom ilaqqgħuna ma’ Ġesù, id-djoċesi jkollha programm ta’ formazzjoni għalihom;
5. naraw il-ħtieġa li l-kultura tkun waħda mit-toroq biex tlaqqa’ l-bniedem ma’ Alla.

Billi f’ċertu sens din is-Sena tal-Fidi hija żmien ta’ grazzja biex nirċievu l-“konfermazzjoni” fil-fidi Kattolika tagħna, huwa f’waqtu li niffukaw ukoll fuq is-sagrament tal-Konfermazzjoni. Għalhekk, wara li smajt il-fehma tal-Kulleġġ tal-Kappillani, qed nipproponi li għal din is-sena fid-djoċesi tagħna ċ-ċelebrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof issir f’ġurnata waħda għal kulħadd. Din ser issir nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju 2013, fis-Santwarju Ta’ Pinu.

Ftuħ djoċesan tas-Sena tal-Fidi
Fil-ġimgħat ta’ Ottubru jien ser nattendi għas-Sinodu tal-Isqfijiet f’isem il-Konferenza Episkopali Maltija. Għalhekk fid-djoċesi tagħna ser niftħu din is-Sena tal-Fidi nhar il-Ħadd 30 ta’ dan ix-xahar b’ċelebrazzjoni li ser issir quddiem il-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu, ix-Xagħra, fil-5.00pm. Nistedinkom ilkoll biex dakinhar ningħaqdu flimkien, u f’ambjent ta’ talb quddiem Ġesù Ewkaristija niftħu dan il-bieb tal-fidi flimkien!

F’riġlejn Marija
Inqiegħdu din il-mixja tagħna matul is-Sena tal-Fidi taħt il-ħarsien ta’ Marija, il-mara li emmnet il-Kelma ta’ Alla u tat lid-dinja l-Verb magħmul bniedem! Inħeġġiġkom ilkoll biex matul din is-sena nitolbu lil Marija tgħinna nikbru fil-fidi f’Ġesù. Qed joqrob ix-xahar ta’ Ottubru, ix-xahar tar-Rużarju: ejjew ngħożżu aktar din it-talba, biex permezz ta’ Marija nersqu aktar lejn Ġesù.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat Għawdex, il-Ħamis 20 ta’ Settembru 2012.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċillier


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/09/24/cirkulari-tal-isqof-fil-bidu-tas-sena-pastorali/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.