“Isimgħu lilu”
Fl-okkażjoni tal-Festa tas-Salvatur ċċelebrata lbieraħ (it-Tnejn, it-Tnejn 6 ta’ Awwissu 2012) waqt quddiesa pontifikali li saret fil-bażilka ta’ San Ġorġ, Għawdex, fl-omelija l-Isqof Mario Grech fisser kemm huwa f’waqtu dak li qal il-Missier fuq l-għolja tat-Tabor fejn seħħet it-trasfigurazzjoni: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”.
“L-ikbar sfida li għandha l-Knisja llum hija kif ser tgħin lin-Nisrani jisma’ lil Kristu. Kull ma jmur dan qed isir diffiċli għax fostna hawn diversi ilħna kontra xulxin.
Fi kliem San Ġorġ Preca, l-Evanġelju huwa ‘leħen il-Maħbub’, u għalhekk min jixtieq ikollu din il-laqgħa personali ma’ Ġesù ma jistax ikun sajjem mill-Kelma t’Alla. Biex ikun żgur mill-awtentiċità ta’ dan il-leħen, in-Nisrani jrid jisimgħu fil-Knisja, li mhix istituzzjoni umana imma waqqafha Kristu nnifsu. Din hija waħda minn noti distintivi tal-Kattoliċi: li neħtieġu l-Knisja biex naslu għand Kristu.
Huwa Pietru fil-persuna tal-Papa li rċieva l-mandat mingħand Kristu biex jagħti l-interpretazzjoni tal-Kelma u jwettaqna fil-fidi. Ebda persuna lajka, teologu jew isqof ma għandu garanzija li qed jgħallem id-duttrina vera jekk dan ma jkunx f’komunjoni apostolika mal-Papa u l-isqfijiet magħqudin miegħu. Ikun hemm din il-komunjoni ekkleżjali jekk it-tagħlim li jasal lill-Insara jkun fi qbil mal-Maġisteru, jiġifieri d-duttrina uffiċċjali tal-Knisja kif ikkonfermata mill-Papa.
Dan infittxu li nagħmlu aħna l-Isqfijiet tagħkom meta bħala ragħajja spiritwali inwasslulkom il-verità, kif għamilna dan l-aħħar fl-Ittra Pastorali dwar il-ħajja umana. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, “fost id-dmirijiet prinċipali tal-isqfijiet jisboq fuq kollox dak tal-predikazzjoni tal-Evanġelju. Infatti huma l-ħabbara tal-fidi, dawk li jwasslu lil Kristu dixxipli ġodda; huma għalliema veri, jiġifieri mogħnija bl-awtorità ta’ Kristu, li jippritkaw lill-poplu fdat f’idejhom il-fidi li għandu jemmen u japplikawha għall-ħajja morali tiegħu” (LG 25).