Quddiesa fit-8 anniversarju mill-mewt ta’ Dun Mikiel Attard

IL-QADDEJ TA’ ALLA DUN MIKIEL ATTARD
IMSAĦĦAR MILL-ĠMIEL TA’ ALLA INKARNAT

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa fit-tmien anniversarju mill-mewt ta’ Dun Mikiel Attard
Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu – L-Erbgħa, 1 ta’ Awwissu 2012

Is-siġra ikona tal-ħajja
Rebbieħ tal-Premju Nobel, Aleksandr Solzhenitsyn, josserva li l-ħajja tal-lum qisha siġra li għanda diversi friegħi.

Hemm il-fergħa tal-liġijiet, inklużi dawk morali, li l-bniedem ta’ żmienna qaċċat għaliex iddejjaq jisma’ bil-liġijiet u jitnaffar x’ħin tiffaċċjah bir-regoli tal-ħajja. Huwa fatt li llum għandna t-tendenza li rridu nkunu ħielsa minn kollox u l-imġiba, anke tagħna l-Insara, qed issir imġiba amorali, jiġifieri mingħajr regola tal-morali. Infatti, misjuqin mill-utilitariżmu, naslu biex nammettu u niġġustifikaw kollox.

Imbagħad hemm fergħa tal-verità, li fit-twemmin tagħna nistgħu ngħidu li hija l-fergħa tal-veritajiet dommatiċi. Imma skont dan l-awtur, il-bniedem irnexxielu jqaċċat ukoll din il-fergħa li tarmi l-frott veru. Infatti llum hemm min jgħid li m’hemmx verità imma kollox jiddependi min-nuċċali li wieħed ikun libes fil-mument partikulari, u allura hemm dak li jissejjaġ relativiżmu. Għal xi wħud ma hemmx verità oġġettiva waħda. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex illum il-bniedem huwa mifxul u ma jafx fuq liema ħajt sod sejjer isserraħ!

Jibqa’ t-tielet fergħa: dik imlibbsa bil-ġmiel. Solzhenitsyn josserva li l-bniedem kontemporanju għadu msaħħar wara dak li huwa sabiħ! Tant il-ġmiel għandu qawwa li jsaħħar, illi xi darba naħsbu li xi ħaġa hija sabiħa imma fil-fatt tkun sabiħa biss minn barra: u dan huwa l-gwaj!

Dan id-diskors nistgħu napplikawh għal Alla l-Imbierek, għaliex Alla huwa dak li huwa tajjeb (il-Bonum), u allura jagħtina gwida ta’ kif għandha tkun l-imġiba morali tagħna; Alla huwa l-verità (il-Verum); u Alla huwa dak li huwa s-sabiħ (il-Pulchrum)! Alla qisu dik il-ġawhra li minnha jitkellem il-Vanġelu tal-lum, il-ġawhra li tilma diversi kuluri: it-tajjeb, il-veru, is-sabiħ!

Ladarba qaċċatna l-friegħi tat-tajjeb u tal-veru, allura baqalna l-fergħa tal-ġmiel. Nemmen li din tista’ tkun il-proposta tal-Kristjani llum: ladarba l-bniedem sar allerġiku għal-liġijiet li jindikaw x’inhu t-tajjeb u għas-sentenzi li jipproponu l-verità oġġettiva, almenu nistgħu nippropnulu dak li huwa sabiħ.

Il-ħajja tal-virtù
Aspett wieħed ta’ dan il-ġmiel huma l-virtujiet. Hemm il-virtujiet kardinali li huma l-pern li fuqhom iddur il-ħajja tal-bniedem. Dawn huma il-ħaqq, il-qies, il-qawwa u l-għaqal. Il-bniedem li jixxennaq ħalli jagħmel tiegħu dawn il-virtujiet, jiġifieri li jkollu sens ta’ ġustizzja, li jkun prudenti, li jkun għaqli u qawwi, ikun imlibbes bil-ġmiel! Liż-żgħar tagħna għandna nedukawhom fil-ħajja tal-virtù. Forsi jekk nordnawlhom, ma jagħtux każna, imma nibdew nedukawhom u nħeġġuhom biex jaspiraw biex ikunu mlibbsin b’dan il-ġmiel tal-ħajja tal-virtù, nikkonvinċuhom u hekk inkunu għamilna pass kbir ’il quddiem

Kif kienu jgħidu l-filosfi Griegi, dawn il-virtujiet naturali huma l-matriċi ta’ mġiba dinjituża! Imma n-natura dgħajfa u limitata tagħna mhux dejjem twassalna biex nagħmlu dak li huwa ġust, is-sens tal-qies u livell tal-għaqal. Tant huwa hekk li għaref ieħor ta’ żminijietna, Norberto Bobbio, jikteb li l-etika naturali li naslu għaliha bir-raġuni mhix etika soda biżżejjed, mhix etika raġjonevoli, mhix etika li tikkonvinċi biżżejjed! Mela x’se jikkonvinċina? Jibqa’ biċċa oħra biex ikollna l-ġmiel sħiħ tal-ħajja tal-virtù. Dan huwa dak li jagħtina t-twemmin tagħna, jiġifieri dawk li nsejħu l-virtujiet teologali: il-fidi, it-tama u l-imħabba.

Il-virtujiet l-oħra li semmejt huma espressjoni tal-karità, il-virtù reġina. Huwa għalhekk li fl-ittra tiegħu lill-Efesin San Pawl jgħid li “Hu (Alla) għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiem fl-imħabba” (1,4). Fi kliem ieħor, Alla ħalaqna biex fi Kristu ngħixu l-milja tal-virtù!

Min għandu l-virtù imbagħad jagħmel opri tajbin. Il-ħajja tal-virtù għandha l-aspett prattiku tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar dak li jgħid San Ġakbu: “Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi.” (Ġak 2,19). Huwa fl-opri li aħna nirriflettu l-virtù li jirnexxielina nilbsu.

Il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard
Kif smajtu fl-Editt li nqara fil-bidu ta’ din il-quddiesa, jiena nara żewġ motivi prinċipali għaliex il-Knisja għanda tieqaf u tapprezza dan id-don li l-Mulej tana f’Dun Mikiel Attard, li mil-lum ’il quddiem nsejħulu Qaddej ta’ Alla. L-ewwel nett, min ressaqli t- talba għal dan il-proċess għandu l-konvinzjoni li dan is-saċerdot kien saċerdot tajjeb. Dan ifisser li għandna l-għatx għal Alla! Minn dawn hawn ħafna. Nisimgħu ħafna bil-ħażen madwarna, imma jiena ngħidilkom li għadna ħafna għatxanin għal Alla. Jiena nemmen li b’dan l-eżerċizzju li ser nagħmlu, aħna mhux biss ser infaħħru lil Alla għal dak li għamel fil-qaddej tiegħu Dun Mikiel, imma wkoll ser naraw kif Alla għadu jaħdem fil-ġnien tiegħu – f’kull wieħed u waħda minna. Dan huwa l-iskop li l-Knisja tagħraf lil xi wħud minn uliedha għall-qdusija.

Imma mbaghad semmejt aspett ieħor. Għidt li qed ngħixu f’soċjetà li fiha donnu qed jikber in-numru ta’ dawk li huma imneżżgħin mill-ħajja tal-virtù. M’għadniex nitkellmu fuq il-virtù. Staqsu lit-tfal tagħkom u araw jafux x’inhuma l-virtujiet! Aħseb u ara kemm qegħdin jissieltu biex jilbsu l-libsa tal-virtù. Jekk m’għandniex ħajja tal-virtù, imbagħad anke l-imġiba tagħna ser tkun difettuża.

Meta l-Knisja tistħarreġ lil xi ħadd għall-ħajja tal-qdusija, il-Knisja tfittex biex tara kemm dik il-persuna tkun għexet il-virtujiet b’mod erojku. Dan huwa li nixtieq għal din il-figura kontemporanja li ħallietna tmien snin ilu u li ħafna minna jafuha. Aħna li għexna u ħdimna ma’ Dun Mikiel nistgħu nixhdu li kien qaddej ta’ Alla mlibbes bil-virtujiet kardinali u iktar u iktar bil-virtujiet teologali. Biex norbot mal-eżempju li tajtkom fil-bidu, nista’ ngħid li, bħala direttur spiritwali tagħna s-Seminarju, Dun Mikiel ma kienx jiddelitta bil-moraliżmi, lanqas kien bniedem dommatiku, imma kien il-bniedem li kien jissaħħar quddiem dan il-ġmiel inkarnat u fl-istess ħin kien iħeġġeġ lill-bniedem biex jilbes il-glorja ta’ Alla li hija l-qdusija. Dun Mikiel kien dak li lilna ispirana biex nitħeġġu biex inkunu nies tal-virtù.

Dun Mikiel u l-Madonna Ta’ Pinu
Għeżież tiegħi, mhuwiex b’kumbinazzjoni li aħna qed nagħmlu din il-liturġija u dan l-att partikulari fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu. Min jaf lil Dun Mikiel jaf kemm kien marbut mal-Madonna u ma’ dan is-santwarju tagħha. Kien jgħidilna li hawnhekk “il-Madonna tkellmet bl-Għawdxi ma’ Karmena Grima”. Nafu kemm l-attività tiegħu kienet imdawra ma’ dan is-santwarju: hemm il-‘Gym’ ta’ talb, il-Grupp Madonna Ta’ Pinu, il-Velja tal-Assunta, l-esperiment monastiku marbut mas-Santwarju: Dun Mikiel kien jgħid li xtaq imut “monaku” ta’ Ta’ Pinu! Naħseb li waħda mir-raġunijiet għaliex Dun Mikiel kien marbut mal-Madonna Ta’ Pinu kienet il-konvinzjoni tiegħu li Marija hija l-mara tal-virtù, il-mara mlibbsa b’dan il-ġmiel ta’ Alla. Għalhekk, bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu nitlob lil Alla ħalli b’din l-esperjenza li ser nagħmlu matul dan il-proċess tal-beatifikazzjoni joħorġu fid-dieher dawk il-virtujiet tal-Qaddej ta’ Alla, mhux biss biex nammirawh imma wkoll biex fil-qaddisin aħna nsibu l-eżempju biex nimitawh.

Nagħlaq din ir-riflessjoni billi ngħid kelma ta’ apprezzament lil dawk li s’issa għenuni u qed jaħdmu biex, jekk Alla jrid, niftħu dan il-proċess. Insellem lil tliet saċerdoti: il-Postulatur Dun Anton Sciberras MSSP, il-Viċi Postulatur Dun Daniel Xerri - ir-Rettur tas-Seminarju, u Mons Ġużeppi Gauci. Nirringrazzja lis-saċerdoti li għamlu din il-petizzjoni u nitlob li dan kollu jiswa għall-qdusija.