- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Stqarrija tal-Isqfijiet dwar il-mewt ta’ Mamadou Kamara

Posted By admin On July 5, 2012 @ 11:33 am In MEC Communications | Comments Disabled

Uffiċċju Komunikazzjoni
Arċidjoċesi ta’ Malta

5 ta’ Lulju, 2012
84/2012

IL-MEWT TA’ MAMADOU KAMARA

Aħna l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex irridu nuru n-niket profond u t-tħassib tagħna għall-mewt traġika tal-immigrant mill-Mali, Mamadou Kamara. F’isem il-komunità Nisranija f’pajjiżna noffru l-kondoljanzi lill-familja u l-ħbieb tieghu. F’dan il-mument, nixtiequ nesprimu s-solidarjetà tagħna mal-komunità tal-immigranti, speċjalment dawk mill-Mali, li tinsab fostna.

Il-mewt ta’ Mamadou Kamara tqajjem mill-ġdid mistoqsijiet serji ħafna. X’wassal għal dan il-qtil ta’ persuna li kienet taħt il-kontroll tal-forzi tal-ordni? Nistennew kemm jista’ jkun malajr il-ġudizzju tal-persuni u istituzzjoni kompetenti biex iserrħu ras il-poplu Malti u l-komunità tal-immigranti. Mistoqsija oħra hija jekk dan il-fatt għandux ikun okkażjoni biex terġa’ ssir riflessjoni fuq il-politika attwali tad-detenzjoni kif ukoll fuq is-sitwazzjoni u l-ambjent li jgħixu fihom dawk li jkunu detenuti. Jistgħu jeżistu alternattivi għal sitwazzjonijiet differenti li jkunu fihom l-immigranti? Il-prinċipju fundamentali li jmexxina, wkoll f’dawn il-każi, għandu jkun ir-rispett sħiħ għad-dinjità ta’ kull persuna.

Din hja wkoll okkażjoni biex is-soċjetà tagħna kollha kemm hi tgħarbel l-attitudnijiet tagħha lejn il-persuni li qed ifittxu l-ażil f’pajjiżna. Għandna f’moħħna nsemmu l-politiċi, il-media, l-opinjonisti, it-taħdit u t-tgergir li jsir bejnietna fuq il-postijiet tax-xogħol, għand tal-ħanut, fil-kummenti fuq il-ġurnali online jew f’siti oħra fuq l-internet kull meta tasal xi dgħajsa oħra, saħansitra fil-Knisja fejn iktar nagħtu widen ta’ xi jgħid dak u l-ieħor milli ta’ kif se nġibu ruħna tassew skont l-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù, ukoll meta dan ikun jiswielna xi forma jew oħra ta’ tbatija. Kummenti, diskorsi u mġiba  ta’ natura razzista jew ta’ disprezz huma kemm kontra d-dinjità tal-bniedem kif ukoll kontra t-tagħlim tal-Evanġelji.

Aħna żguri li hemm ħafna persuni involuti li jagħmlu ħilithom biex jifhmu u jgħinu lil dawk li huma maqfula fiċ-ċentri tad-detenzjoni. Insemmu lill-uffiċjali tas-Servizz tad-Detenzjoni, membri tal-Korp tal-Pulizija u tal-Forzi Armati, ħaddiema mediċi u paramediċi, ħaddiema soċjali u oħrajn. Hekk ukoll nirrikonoxxu l-ħidma dedikata ta’ diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi kif ukoll ta’ aġenziji u dipartimenti tal-gvern li jagħtu servizz siewi lill-persuni li qed ifittxu l-ażil u l-immigranti li ma jistgħux jirritornaw lejn pajjiżhom.

+ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta

+ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/07/05/stqarrija-tal-isqfijiet-dwar-il-mewt-ta-mamadou-kamara/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.