- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Mons Isqof Mario Grech jiċċelebra l-festa mal-komunità parrokkjali tal-Għasri

Posted By admin On June 12, 2012 @ 9:01 am In 2012 | Comments Disabled

L-Ewkaristija għall-bniedem

Sintesi tal-omelija li l-Isqof Mario Grech għamel illum 10 ta’ Ġunju 2012 fl-okkażjoni tal-festa tal-Corpus Domini ċċelebrata fl-Għasri, Għawdex.

Illum is-solitudini mhix biss riskju gravi għall-bniedem, imma wkoll għal Ġesù fl-Ewkaristija għax nafu nħalluh waħdu! Filwaqt li ntenni l-istima kbira lejn dawk il-Kattolċi li huma adoraturi ta’ Ġesù Ewkaristija, inħoss li maż-żmien il-kult Ewkaristiku qiegħed jonqos.

Fl-Aħħar Ċena, Ġesù tana ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb. Kull darba li niltaqgħu madwar l-altar-mejda fil-quddiesa, aħna mistiedna nieħdu sehem f’din l-ikla qaddisa. Wieħed jista’ jagħmel dieta biex jieħu ħsieb is-saħħa fiżika tiegħu, imma għall-pellegrini fil-mixja tal-fidi f’din id-dinja ma hemmx lok għal dieta Ewkaristika! Is-sawm mill-Ewkaristija jwassal għall-mewt spiritwali – kif jikteb San Pawl lill-Korintin li kienu jittraskuraw l-Ewkaristija: “għalhekk ħafna fostkom huma bla saħħa u morda u oħrajn mejta” (1Kor. 11:30).

Matul iż-Żjara ad limina li għamilna dan l-aħħar, kienu diversi dawk fid-dikasteri Rumani li nnutaw b’sodisfazzjon li f’pajjiżna għandna parteċipazzjoni għolja ta’ dawk li jieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd. Però, huwa fatt li n-numru ta’ dawk li qed jittraskuraw il-quddiesa, partikularment dik tal-Ħadd, qed jiżdied. Huwa minnu li għandna tant impenji li l-ġurnata qsaret għal kulħadd, imma huwa l-waqt li nieqfu biex nirranġaw il-lista tal-prijoritajiet tagħna! Nifhem li għandna bżonn ta’ aktar freskezza liturġika fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, imma din mhix skuża biex inpoġġu fil-ġenb il-quddiesa li hija l-ogħla talba li għandha l-Knisja.

Imbagħad hemm dawk li jattendu għall-quddiesa imma jibqgħu lura milli jersqu għat-tqarbin. Forsi minħabba skrupli jew nuqqas ta’ ħeġġa. Ma neskludix li mbagħad fost dawk li jersqu biex jirċievu l-Ewkaristija, issib min, kif jgħid San Pawl, ma jagħżlux il-ġisem tal-Mulej minn ikel ieħor – “jekk xi ħadd ikun bil-ġuħ, ħa jiekol id-dar”. Oħrajn jippretendu li jirċievu l-Ewkaristija mingħajr ma jkunu spiritwalment disposti. Fost dawn hemm dawk li, minkejja li jagħżlu li jgħixu ħajja li tikkuntrasta ma’ dak li jitlob Ġesù fl-Evanġelju, xorta jippretendu li għandhom ikunu ammessi għat-tqarbin.

Imma l-Ewkaristija mhix biss ikla, imma hija wkoll il-preżenża ta’ Ġesù fostna. It-tabernaklu huwa “it-tinda” li Ġesù waqqaf fostna biex ikun qrib tagħna u joffrilna l-wens ta’ Alla magħna! Fl-Ewkaristija ma għandniex “tifkira” jew “simbolu” ta’ Ġesù, imma Hu stess huwa preżenti realment bid-divinità u l-umanità tiegħu. Fil-preżenża tiegħu, il-bniedem jaf li hemm Alla jisimgħu u jħobbu. Quddiem l-Ewkaristija d-distanza bejn Alla u l-bniedem tgħib. F’dawk il-waqtiet ta’ adorazzjoni, jista’ jkollna ħjiel tal-Ġenna! Jekk ma noqogħdux attenti t-twemmin Protestant jista’ jinfluwenzana u nibdew ninsew li l-Imgħallem huwa hemm taħt l-ispeċi Ewkaristiċi. Il-prattika donnha tindika li xi wħud minna resqin lejn din il-mentalità, tant li llum l-adorazzjoni Ewkaristika ma għadhiex proposta pastorali ewlenija u naqsu sewwa dawk li jieħdu ġost fil-preżenza siekta ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Hemm bżonn li l-Ewkaristija terġa’ ssib iċ-ċentralità tagħha fil-ħajja tal-komunità ekkleżjali. Kollox jitlaq minnha u jwassal għandha. Filwaqt li nara l-ħtieġa ta’ aktar tagħlim dwar in-natura u l-valur tal-Ewkaristija, inħeġġeg biex kull komunità parrokkjali fid-djoċesi jkollha “il-kappella tal-Ewkaristija”, li possibbilment tkun miftuħa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum ħalli hekk il-bieb tad-dar fejn jgħammar Ġesù jkun miftuħ beraħ għal kulħadd, ħadd eskluż! L-adorazzjoni Ewkaristika hija l-antiporta li tiddisponi lill-bniedem biex jersaq għat-tqarbin imqaddes u għalhekk għal għaqda personali ma’ Ġesù Kristu”.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/06/12/mons-isqof-mario-grech-jiccelebra-l-festa-mal-komunita-parrokkjali-tal-ghasri/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.