Ittra Pastorali tal-Isqof Mario Grech dwar il-Familja

Ittra Pastorali 24/2012

ITTRA PASTORALI
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

INSAĦĦU L-FAMILJA

Lis-Saċerdoti, Reliġjużi, Persuni kkonsagrati u Lajċi Nsara.

Fostna hawn ħafna li jemmnu li l-familja hija l-aqwa teżor li għandhom il-Knisja u l-pajjiż. Il-familja hija riżorsa umana, soċjali, ekonomika u spiritwali. Ma nsibx kliem biex nuri l-apprezzament tiegħi għas-sens ta’ dedikazzjoni u l-ispirtu ta’ sagrifiċċju li hemm fil-parti l-kbira tal-familji tagħna. Huwa verament il-każ li d-demm qatt ma sar semm. Il-poplu tagħna tant għadu jgħożż il-familja li, għal ħafna, l-inkwiet fil-familja huwa l-ikbar diżgrazzja li jista’ jkollhom! Mhux rari li meta jitfaċċa xi saram familjari, il-familji jgħaqqdu l-forzi tagħhom biex jaraw kif isolvuh.

Konsultorju tal-Familja

Bl-għan li takkumpanja u twieżen lil kull familja, b’mod speċjali lil dawk li jogħtru matul il-mixja tagħhom, bi pjaċir ngħarrafkom b’inizjattiva ġdida li qed tieħu l-Knisja f’Għawdex. Wara li f’dawn l-aħħar snin il-Kummissjoni Djoċesana Familja organizzat programmi ta’ formazzjoni kemm għall-għarajjes u kemm għall-koppji li jinsabu fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa, f’dawn il-jiem inawgurajna l-Konsultorju tal-Familja. Fil-futur qarib f’dan iċ-ċentru, li jinsab fil-kumpless tas-Santwarju Ta’ Pinu, ser ikun hemm servizzi ta’ għajnuna spiritwali, psikoloġika, medika, legali u fit-tmexxija amministrattiva. Hija x-xewqa tagħna li permezz ta’ din l-għajnuna l-Knisja tkun għal darb’oħra qed tagħti sehemha fit-tisħiħ tal-familji tagħna. Dan ikompli ma’ u jikkumplimenta dak li l-Knisja ilha għal ħafna snin tagħmel biex issaħħaħ il-familja.

Dan iċ-ċentru tal-familja huwa providenzjali, meta wieħed iqis li f’dawn l-aħħar snin f’Malta jidher li twieled moviment li qed jitfa’ dubji kemm dwar it-tifsira tal-familja u kemm dwar il-funzjoni u l-missjoni tagħha fis-soċjetà. Il-verità dwar in-natura u l-identità tal-familja kulma jmur qiegħda dejjem tiċċajpar. Inqas ma jkollna definizzjoni preċiża ta’ x’inhi l-familja, aktar jikber it-taħwid. Ħadd ma jitkellem direttament kontra l-familja, imma jingħad jew jitwettaq ħafna li bħala effett fil-prattika jhedded lill-familja bħala ċ-ċellula fundamentali tas-soċjetà. Id-dħul tad-divorzju fil-liġi taż-żwieġ ta’ pajjiżna hu biss sinjal wieħed ta’ dan il-moviment.

Quddiem din it-theddida, mhux il-familji kollha jġibu ruħhom l-istess. Hemm dawk li jibqgħu passivi għax mhumiex konxji ta’ dak li qed jiġri jew jaħsbu li dak li qed jiġri qatt mhu se jolqot lilhom. Oħrajn huma konvinti li huwa biżżejjed li jgħixu l-ħajja tagħhom u ma jimpurtahomx minn dak li jiġri lil familji oħra jew lill-familji tal-ġejjieni. Hemm oħrajn li joftmu l-kompassjoni mill-verità, u taħt il-pretest tal-ħniena jċedu ċerti valuri fundamentali. Hemm oħrajn li jaħsbu li ma għandhom bżonn jagħmlu xejn għax hemm ħaddieħor li jiddefendi l-familja, bħalma huma l-Knisja, xi għaqda reliġjuża, jew xi grupp ta’ nies bħal dawk li ħadu l-inizjattiva biex jipperswadu kontra d-dħul tad-divorzju f’Malta. Imbagħad jista’ jkun hemm oħrajn li qatgħu qalbhom. Kull waħda minn dawn l-attitudnijiet turi li jew il-familja ma għandhiex għarfien biżżejjed dwar l-identità u l-missjoni tagħha fis-soċjetà, jew li l-familja qed titlef it-tama fiha nfisha.

Ir-responsabbiltà soċjali u politika tal-familja

Minbarra l-missjoni fi ħdanha, il-familja għandha wkoll responsabbiltà soċjali. Qabel kollox il-familja hija msejħa biex turi solidarjetà mal-foqra u l-minsija. “Il-familji jistgħu u għandhom jagħtu ruħhom għal ħafna ħidmiet ta’ servizzi soċjali, speċjalment favur il-foqra jew almenu dawk in-nies u dawk il-każijiet li s-servizzi soċjali u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma jirnexxilhomx jilħquhom… Ta’ min isemmi l-importanza li qiegħda tikseb dejjem aktar fis-soċjetà tal-lum l-ospitalità, fis-suriet kollha tagħha, sew jekk tiftaħ darek, u wisq aktar qalbek, għall-ħtiġijiet tal-aħwa, u sew jekk tħabrek b’mod konkret ħalli kull familja jkollha d-dar tagħha” (Familiaris Consortio, 44). Imma li tillimita r-rwol tal-familji għal dan biss, huwa riduttiv u jxejjen ukoll l-identità vera tal-familja!

Illum, frott tal-mentalità individwalistika, minflok “soċjetà ta’ familji” qed nimbuttaw ’il quddiem “soċjetà ta’ individwi”, u għaldaqstant aktar ħsiebna biex nipproteġu d-drittijiet tal-individwu milli d-drittijiet tal-familja! F’dan il-kuntest soċjali, hemm bżonn li l-familja tiġi indirizzata bħala istituzzjoni! Imma kif l-individwi jħossu l-bżonn li jingħaqdu biex jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, l-istess jgħodd għall-familji tagħna. Il-bini ta’ soċjetà aktar umana ma jistax ikun xogħol ta’ familji waħedhom. Dan jitlob intervent politiku u pubbliku min-naħa tal-familja. “Il-familji għandhom ikunu l-ewwel li jħabirku biex il-liġijiet u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhux biss ma jmorrux kontra, imma jsostnu u jiddefendu bil-qawwa kollha d-drittijiet u d-dmirijiet tal-familja… B’hekk huma jaslu biex jagħrfu li għandhom ikunu ‘protagonisti’ ta’ dik li hija magħrufa bħala l-politika tal-familja” (Familiaris Consortio, 44). Min-naħa l-oħra s-soċjetà, jew aħjar l-Istat għandu jagħraf li l-familja, bħala soċjetà bid-dritt li joħroġ min-natura oriġinali tagħha stess (Dignitatis Humanæ, 5), għandha vuċi fil-kor nazzjonali. Minn dan tidher ċara l-importanza ta’ għaqdiet ta’ familji bħal unions tal-familji li, waqt li jirbħu l-“etika individwalista”, ikollhom il-possibbiltà li jkunu protagonisti fil-politika għall-familja. Għaqdiet ta’ din ix-xorta jkunu jistgħu jgħassu ħalli l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ikunu jirrispettaw id-drittijiet naturali ta’ din is-soċjetà naturali li hi l-familja.

Din l-għaqda tal-familji ma għandhiex tkun konfessjonali, għax ir-realtà tal-familja hija waħda naturali. Il-ħarsien tal-familja huwa valur universali. Hija l-qagħda prekarja preżenti tal-familja li qiegħda tiddetta din il-ħidma kordinata favur id-drittijiet tal-familja. L-Insara għandhom ħafna x’joffru f’dan il-kamp. Fil-fatt il-valuri Nsara dwar iż-żwieġ u l-familja fil-qofol tagħhom jaqblu mal-valuri umani u jipperfezzjonawhom.

Huwa minnu li għandna diversi koppji miżżewġa u familji impenjati fil-ħajja tal-Knisja, partikolarment fil-pastorali tal-familja. Din hija konferma li bil-mod il-mod għaddejjin minn fażi fejn il-familja mhix biss l-“oġġett” imma wkoll is-“suġġett” tal-pastorali. Imma li l-familji jieqfu hawn u ma jmorrux lil hinn miz-zuntier tal-Knisja, jista’ jkun sinjal li xi wħud għadhom ma fehmux li l-Kristjaniżmu għandu rilevanza soċjali u pubblika. Dan il-fenomenu jista’ jfisser ukoll illi l-familji m’għandhomx biżżejjed kuxjenza dwar il-vokazzjoni tal-familja bħala protagonista fis-soċjetà, kemm fil-kamp kulturali u kemm fil-kamp soċjali u politiku.

Fil-preżent hemm diversi temi li huma ta’ rilevanza għall-familji tagħna…

Definizzjoni tal-familja

L-ewwel nett huwa importanti li jiġi ċċarat x’qegħdin nifhmu b’familja. B’familja aħna nifhmu dik is-soċjetà naturali ta’ persuni mibnija fuq relazzjoni bejn mara u raġel, ibbażata fuq iż-żwieġ bħala rabta dejjiema immirata għall-għaqda u l-imħabba ta’ xulxin u għat-tnissil, it-trobbija u l-edukazzjoni tal-ulied. Għalkemm din id-definizzjoni ta’ familja tidher li hija “Kattolika” , fil-verità hija msejsa fuq ir-raġuni. Ix-xjenzi umani jikkonfermaw li din l-għamla ta’ familja hija dik il-forma li tikkostitwixxi l-aqwa riżorsa għas-soċjetà.  Dan ifisser li l-familja qatt ma għandha tiġi ridotta għal sempliċi għarfien ta’ persuni li jgħixu taħt l-istess saqaf (household) jew ta’ relazzjonijiet oħra. Ladarba naqblu fuq x’inhi l-familja, tajjeb naraw jekk dan hux rifless fil-liġijiet, fil-politika u fil-qafas ekonomiku.

Billi huwa aċċettat minn kulħadd li l-familja hija l-bażi tas-soċjetà, jeħtieġ illi l-familja tingħata tassew rikonoxximent privileġġjat mill-Istat. Ebda relazzjoni oħra ma għandha tiġi ekwiparata mal-familja. Huwa fatt li fl-istess istituzzjonijiet politiċi kif ukoll f’dawk ekonomiċi u fid-dinja tal-midja hemm min irid jagħti t-tikketta ta’ familja lil kull esperjenza fejn persuni jiddeċiedu li jgħixu flimkien għax jinħabbu. Dan mhux ħlief għama sistematiku tal-qafas soċjali fir-rigward tal-familja. Filwaqt li dawk il-persuni li jgħixu flimkien imma mhumiex familja għandhom kull dritt li l-Istat jirrispetta d-drittijiet individwali li dawn għandhom bħal kull individwu ieħor, huwa wkoll dmir tal-Istat li jirrikonoxxi l-familja bħala tali u jiżviluppa politika favur il-familja li tassew tkun iffukata fuqha bħala unità soċjali.

Il-familja s-santwarju tal-ħajja umana

Il-familja hija s-santwarju fejn titnissel u titrawwem il-ħajja umana. Ir-rispett assolut lejn id-dinjità tal-ħajja umana jitlob mhux biss illi l-abort u l-ewtanasja ma jkunux permessi, imma wkoll li l-metodi ta’ tnissil ma jkunux ta’ theddida għall-ħajja umana jew għad-dinjità tagħha. Meta nqisu li r-rata tat-twelid hija baxxa, tajjeb nistaqsu jekk l-ambjent soċjali tagħna huwiex qed jgħin lill-familja tkun ġeneruża mal-ħajja. Il-piżijiet finanzjarji, il-prekarjetà tax-xogħol, l-akkwist tad-dar, eċċ…, jistgħu jkunu fost ir-raġunijiet għaliex illum il-koppji żgħażagħ qed idumu ma jidħlu għaż-żwieġ jew biex jibdew jiffurmaw familja. Wieħed sewwa jikkunsidra jekk huwiex il-każ illi tingħata attenzjoni akbar mill-Istat biex iħajjar u jgħin lill- familji jkollhom aktar tfal, u dan b’dinjità li tixirqilhom. Huwa f’waqtu li ssir aktar riflessjoni biex il-miżuri tajba eżistenti jitjiebu, ħalli s-soċjetà tkompli tgħin il-koppji ż-żgħar mhux b’karità, imma, filwaqt li jkomplu jinħolqu dawk il-kundizzjonijiet tax-xogħol li jkunu family friendly, il-familja li qed trabbi jkollha retribuzzjoni li tgħinha ma taqtax qalbha tibni familja. Flimkien ma’ dawn il-fatturi materjali, jista’ jkun hemm ukoll motivi psikoloġiċi u kulturali, bħalma huma l-inċertezza tar-relazzjoni, il-biża’ li l-koppja ma tkunx taf teduka lil uliedha, u r-riskji tal-futur, li spiss jaqtgħu qalb il-koppji fil-bidu tal-ħajja miżżewġa. L-Istat, il-Knisja u l-imsieħba soċjali għandhom ir-responsabbiltà u l-missjoni li jgħinu lil dawn il-koppji miżżewġin żgħar jiskopru u jwettqu s-sbuħija tal-ħajja miżżewġa.

Il-familja u l-edukazzjoni tal-ulied

Hija prerogattiva tal-familji li jagħtu l-edukazzjoni lil uliedhom skont it-twemmin reliġjuż jew filosofiku tagħhom. Dan id-dritt għandu jiġi rrispettat sal-aħħar, speċjalment fil-każ ta’ dawk il-familji li ma jkollhomx l-opportunità li jibagħtu lil uliedhom fi skola tal-għażla tagħhom. Huwa xieraq illi t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-kurrikulu jkunu jirrispettaw dan id-dritt tal-familji. Il-familji jibqgħu dejjem l-edukaturi oriġinali tal-ulied u l-iskola għandha tirrispetta u tkompli fuq dak li l-ġenituri jridu jagħtu lil uliedhom. L-istess jingħad għall-Istat meta jkun qed ifassal il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.

Il-familja u x-xogħol

Tkun verament ħasra jekk, frott tal-mentalità individwalistika, jew inkella frott ta’ tellieqa bla rażan għal aktar effiċjenza fl-intrapriżi pubbliċi u privati tagħna, il-fattur “familja” ma jingħatax importanza biżżejjed fit-tfassil tal-liġijiet tas-suq. Tajjeb insostnu sforzi li joħolqu spazju biex membri ta’ familji li għadhom qegħdin irabbu l-ulied jiddeċiedu huma minn rajhom fuq iż-żmien li fih u l-forma li biha huma jħossu li huma ppreparati jipparteċipaw formalment fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż. Għaldaqstant ma tkunx il-familja li jkollha ġġorr, waħidha, il-piż li joħloq l-adattament għall-istrutturi ekonomiċi. Narah ukoll ir-rwol tal-istituzzjonijiet li jiġbru taħt saqaf wieħed lill-imsieħba soċjali u lill-Gvern, biex dan il-bilanċ tant delikat bejn it-tisħiħ mixtieq tal-familji tagħna u l-ambizzjoni li jittejjeb il-livell tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna jintlaħaq aħjar. Jeħtieġ nirnexxu f’din ix-xewqa tagħna, għax inkella nkunu pass eqreb lejn sitwazzjoni fejn il-bniedem u l-familja jkunu għax-xogħol minflok ma x-xogħol għall-qadi tal-bniedem u tal-familja! Tiddgħajjef il-familja, jiddgħajfu l-pilastri tal-ekonomija, u jiddgħajjef il-bniedem!

Il-familja u l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali

Meta wieħed iqis il-qawwa tal-midja, ikun opportun li l-midja lokali tikber aktar fl-istima tagħha lejn il-familja, u li dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni jkunu strumentali biex isiru kampanji li jgħarrfu lill-pubbliku kemm dwar l-esperjenzi pożittivi tal-ħajja tal-familja u kemm dwar il-valuri li fuqhom għandha tinbena l-familja, bħalma huma l-fedeltà dejjiema, is-sagrifiċċju, l-għotja sħiħa, is-sabar, il-maħfra kontinwa u l-karità.

Il-familji jridu jkunu proattivi

Dawn huma biss ftit mit-temi li jitolbu analiżi u azzjoni kontinwa, għax jolqtu l-familji Maltin u Għawdxin fil-laħam il-ħaj, u jekk nittraskurawhom jistgħu jfaqqru l-familja u n-nazzjon. Imma dan jitlob li l-familji tagħna ma jibqgħux siekta jew passivi u li, bi dritt u b’responsabbiltà, jingħaqdu f’assoċjazzjonijiet tal-familji biex jintervjenu fil-qasam pubbliku bħala protagonisti u jsemmgħu leħinhom biex jiddefendu l-familja. Hemm bżonn li l-familja tiġi rikonoxxuta bħala suġġett u interlokutur, li fi djalogu kontinwu mal-Istat tgħin fil-ħarsien tal-ġid komuni.

Għalhekk, għal dawk kollha li jemmnu fil-familja mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, it-twaqqif ta’ din ix-xorta ta’ assoċjazzjoni tal-familji joffri opportunità għat-tisħiħ tal-ġid komuni fejn l-istituzzjoni tal-familja tibqa’ rrispettata bħala kisba għad-dinjità tal-bniedem u għall-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Peress li bejn it-30 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju l-Knisja Kattolika ser tiċċelebra f’Milan is-Seba’ Laqgħa Dinjija tal-Familji bit-tema “Familja, Xogħol u Mistrieħ”, permezz ta’ din l-Ittra Pastorali nappella lill-Knisja lokali biex issegwi din il-ġrajja speċjali u biex noffru talb u penitenza għas-suċċess ta’ din il-Laqgħa.

Fuq l-eżempju tal-Mulej Ġesù, li qabel ma tela’ s-Sema ordna lill-Appostli jmorru fid-dinja kollha jxandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu, inħeġġeġ lill-familji Nsara biex iħabbru l-Vanġelu tal-Familja lill-familji u lis-soċjetà tagħna.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat Għawdex, illum il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju 2012.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċellier