MONS. MARIO GRECH
ISQOF TA’ GĦAWDEX
________________________________________________________
Messaġġ lill-Ommijiet fl-okkażjoni tat-Tberik tat-Trabi fil-Ġuf
Għeżież ommijiet,
Din il-laqgħa tal-lum fis-Santwarju Ta’ Pinu tfakkarni fil-ġrajja ta’ meta Marija marret għand qaribtha Eliżabetta. Dakinhar, malli semgħet lil Marija ssellmilha, Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu, nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (Lq 1,44).
Illum, flok ma Marija ġiet id-dar tagħkom, intom ġejtu d-dar tagħha! Kif seħħ dakinhar fid-dar ta’ Eliżabetta, hawnhekk ukoll taslilkom it-tislima ta’ Marija Omm tagħna!
Illum, bl-interċessjoni ta’ Marija, il-barka ta’ Ġesù tinżel fuqkom u t-tarbija li għandkom fil-ġuf taqbeż bil-ferħ! Il-moviment fil-ġuf huwa konferma li dak li hemm fil-ġuf mhux massa ta’ ċelluli imma huwa bniedem, u għalhekk jixraqlu r-rispett għad-dinjità tiegħu. Infatti, illum ix-xjenza titkellem minn “fetu kompetenti”, fis-sens li sa mill-ewwel ġimgħat tat-tnissil tiegħu l-bniedem diġà għandu kapaċità li jġarrab is-sentimenti! Psikjatra ta’ żminijietna jgħid li l-ġuf mhux biss huwa l-ewwel benniena għat-tarbija, imma huwa l-ewwel dinja għaliha, tant li li dak li tgħaddi minnu jħalli marka fuq il-personalità futura tagħha.
Kif sa minn din il-fażi tat-tqala l-ħoss tal-kelma tagħkom jew ta’ żwieġkom joffri wens lit-tarbija u jista’ jikkalmaha daqskemm jista’ jaġitaha, hekk ukoll il-Bxara t-Tajba ta’ Kristu li tasal għandkom għandha qawwa li tqaddes lill-wild tagħkom! Inħeġġiġkom biex f’dan iż-żmien partikulari tfittxu aktar li tirriflettu dwar il-Kelma t’Alla – hija l-Kelma li meta tasal f’widnejn it-tarbija din taqbeż bil-ferħ.
Nitlob lill-Madonna Ta’ Pinu, Sultana tal-Familja, tħaddankom taħt il-mant tagħha.
Illum il-Ħadd, 13 ta’ Mejju 2012, Jum l-Omm.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex