Nota Pastorali tal-Kulleġġ tal-Kappillani

Djoċesi ta’ Għawdex

Kulleġġ tal-Kappillani

NOTA PASTORALI
DWAR IL-LOGĦOB TAN-NAR FIL-FESTI

Il-festi li niċċelebraw fil-parroċċi u fi knejjes oħra huma esperjenza sabiħa fil-mixja liturġika tal-komunità Nisranija.  Huma mumenti speċjali fejn il-komunità tinġabar flimkien biex tiċċelebra l-Misteru tal-Fidi tagħna, permezz tal-liturġija u x-xandir tal-Kelma ta’ Alla.  Il-festi joffru okkażjoni qawwija ta’ volontarjat u ġesti ta’ karità u solidarjetà, joħolqu komunjoni u identità.

Nemmnu li l-festi tal-ibliet u l-irħula tagħna, minbarra li huma espressjoni esterna tad-devozzjoni popolari tal-poplu tagħna, huma parti importanti mill-ħajja soċjali u kulturali tagħna bħala poplu.  Għaldaqstant inħossuna fid-dmir li nipproteġu dan il-wirt reliġjuż, soċjali u kulturali minn dak kollu li jipprova jbiegħdu mill-iskop ewlieni tiegħu.

Element mhux indifferenti tal-festi esterni tagħna huwa l-logħob tan-nar, kemm dak tal-art u kemm tal-ajru.  Permezz ta’ din in-Nota Pastorali, aħna l-Kappillani nixtiequ noffru proposti, rakkomandazzjonijiet u linji ġenerali dwar il-logħob tan-nar fil-festi tagħna.  Dan qed nagħmluh biex:

1. nedukaw u nsaħħu l-metodi ta’ prevenzjoni biex niżguraw li l-ħajja u s-saħħa ta’ dawk kollha involuti f’din il-ħidma jkunu mħarsa mill-perikli li jistgħu jġarrbu huma u t-tbatijiet li jgħaddu minnhom il-familjari meta jseħħu inċidenti gravi jew traġedji;

2. ngħinu ħalli jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi tal-logħob tan-nar, u hekk il-poplu tagħna u l-barranin li jiġu fostna jibqgħu jgawdu l-festi f’aktar sigurtà, inqas periklu għall-ħajja u għas-saħħa, u aktar sensibbiltà lejn il-proxxmu u l-ambjent.

Bħala għajnuna rajna d-Dokument Pastorali “Is-Sens Nisrani tal-Festi” tat-Tieni Sinodu ta’ Għawdex, ir-“Regolamenti dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi esterni fil-parroċċi u knejjes oħra” (approvati mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi fl-4 ta’ Ottubru 2004), il-konklużjonijiet ta’ Seminar tal-Kappillani dwar il-Festi (14 ta’ Mejju 2008), flimkien ma’ diversi interventi ta’ Mons. Isqof Mario Grech.  Barra minn hekk, ikkonsultajna diversi dokumenti u papers maħruġa mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Konferenza Episkopali ta’ Malta li jittrattaw din il-materja.  Rajna wkoll il-pariri tal-Kummissjoni Festi Esterni u tal-Kunsill Pastorali Djoċesan.

1. Inħossuna fid-dmir, qabel xejn, li neżortaw lill-partijiet interessati li jiġu dejjem osservati l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż, li għandhom bħala għan il-ħarsien tal-ġid komuni.  Nistqarru, għalhekk, li:

1.1. ebda Parroċċa*  ma tippossiedi Kamra tan-Nar;

1.2. ebda Parroċċa ma tinkariga jew tqabbad lil xi persuna jew persuni biex f’isimha jaħdmu n-nar għall-festa;

1.3. għall-ebda raġuni jew ċirkustanza ma jista’ jinħaraq l-ebda tip ta’ nar minn fuq il-bjut tal-knejjes jew bini ieħor tal-Knisja.

2. Billi l-logħob tan-nar hu parti mill-festi tagħna, inħossu l-ħtieġa li:

2.1. nenfasizzaw aktar il-gravità tar-responsabbiltajiet morali u ċivili marbuta mal-produzzjoni u mal-ħruq tal-logħob tan-nar;

2.2. jikber aktar il-kordinament mal-partijiet kollha li jirrappreżentaw l-elementi l-oħra li jikkostitwixxu l-festa, b’mod partikulari mal-Kappillan/Arċipriet, rigward il-ħinijiet u l-post tal-ħruq tal-logħob tan-nar;

2.3. l-aspett liturġiku-pastorali tal-festa jingħata prijorità fuq il-logħob tan-nar, bħal fil-każ tal-purċissjoni li ma għandhiex tkun suġġetta għall-ispettaklu tal-ħruq tan-nar billi jitwal b’mod mhux xieraq l-ammont tal-ħin tal-ħruq tan-nar.

3. Biex ngħinu ħalli jkun hemm aktar edukazzjoni f’din il-materja, nixtiequ li:

3.1. ikun hemm iżjed kontroll fl-infiq ta’ logħob tan-nar biex jiġu evitati l-eċċessi, li ħafna drabi huma motivati minn piki.  Ikun il-Kappillan flimkien mal-Kummissjoni tiegħu li jiddetermina l-budget tal-parroċċa għal-logħob tan-nar.  Fil-każ tar-Rabat, din hi responsabbiltà tal-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċjetajiet Mużikali rispettivi.  Fi żmien ta’ ħafna sagrifiċċji ekonomiċi li l-familji jridu jagħmlu, mhux ġust li jintefqu tant flus fil-logħob tan-nar;

3.2. inkomplu bil-prassi li jingħata rendikont tal-flus li ta’ kull sena jinġabru u jintefqu fil-logħob tan-nar;

3.3. ikun hemm aktar moderazzjoni fil-qawwa tal-ħsejjes ikkawżati mill-ħruq tan-nar.  Dawn mhux biss m’għandhomx jaqbżu l-limiti mitluba mil-Liġi, imma jeħtieġ tintwera sensibbiltà akbar lejn kategoriji vulnerabbli tas-soċjetà li jistgħu jintlaqtu aktar minn oħrajn mill-ħsejjes qawwija tal-isparar, bħal persuni li jużaw strumenti ta’ amplifikazzjoni tal-ħoss, anzjani u morda, trabi, nisa tqal u tfal.  Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-effetti li ħsejjes qawwija tan-nar għandhom fuq l-annimali.

4. Biex inħarsu aktar is-saħħa fiżika u s-sigurtà ta’ kull min għandu x’jaqsam mal-logħob tan-nar, hu neċessarju li:

4.1. ikun hemm iżjed ħarsien tal-miżuri ta’ sigurtà kemm waqt il-produzzjoni u kemm waqt il-ħruq tan-nar; għalhekk neżortaw li jkun hemm mhux biss ħarsien tal-liġi imma wkoll xi forma ta’ awtoregolamentazzjoni li tgħolli l-livell tas-sigurtà;

4.2. ikun hemm iżjed kontroll biex il-logħob tan-nar jew materjal esplussiv ma jinħażinx bla permess tal-Liġi;

4.3. persuni li m’għandhomx liċenzja biex jaħarqu n-nar ma jitħallewx ikunu preżenti la fil-kmamar tan-nar u lanqas fil-postijiet fejn jinħaraq in-nar; b’mod assolut għall-ebda raġuni persuni taħt l-età ma għandhom jitħallew jersqu lejn in-nar;

4.4. jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji ta’ sigurtà mhux biss għall-persuni involuti waqt il-ħruq tan-nar imma wkoll għal terzi persuni, waqt il-manifattura, ġarr u ħruq tal-logħob tan-nar;

4.5. ikun hemm iżjed infurzar tar-regolamenti u kontrolli anki għall-għarrieda mill-awtoritajiet konċernati.

5. Fid-dawl ta’ dan, nissuġġerixxu li:

5.1. kull kamra tan-nar taħtar uffiċċjal għas-sigurtà fuq il-post tal-ħidma biex jiżgura li l-proċeduri wżati waqt il-ħidma piroteknika ma jmorrux kontra l-prinċipji u r-regolamenti tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

5.2. ma jkunx hemm esperimentazzjonijiet fuq kimiċi u prodotti ġodda mingħajr riċetti awtorizzati;

5.3. tittieħed attenzjoni dwar minn fejn jiġi akkwistat il-materjal pirotekniku u dwar l-effetti tiegħu;

5.4. jiġu kkundannati produzzjonijiet illegali ta’ logħob tan-nar u la jintużaw u lanqas jiġu akkwistati;

5.5. dawk li jimmanifatturaw in-nar jipparteċipaw f’korsijiet regolari ta’ aġġornament immexxija minn persuni kompetenti.

Nixtiequ, fl-aħħar nett, nuru l-apprezzament tagħna lejn il-Forzi tal-Ordni u lejn dawk il-persuni kollha li qed jaħdmu biex, filwaqt li nkomplu nsebbħu l-festi, niżguraw li jkunu mħarsa l-liġijiet u hekk insostnu l-ħidma ta’ prevenzjoni biex jiġu evitati inċidenti jew diżgrazzji marbuta mal-produzzjoni u l-ħruq tal-logħob tan-nar.

Din in-Nota Pastorali ġiet approvata llum, il-Ħamis 10 ta’ Mejju 2012, waqt laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kappillani, fil-preżenza ta’ Mons. Isqof Mario Grech.

Arċipriet Tarcisio Camilleri
Segretarju tal-Kulleġġ tal-Kappillani

______________________________

* Dak li jingħad għall-parroċċi japplika għall-knejjes kollha tad-Djoċesi ta’ Għawdex.