Messaġġ tal-Isqof Mario Grech għal Jum il-Ħaddiem
1 ta’ Mejju 2012
IL-ĦADDIEM U L-FAMILJA
Filwaqt li llum is-soċjetà ċivili tiċċelebra Jum il-Ħaddiem, il-Knisja tistedinna nitfgħu ħarsitna fuq San Ġużepp Ħaddiem bit-tama li dan jagħtina ftit aktar dawl dwar id-dinjità tax-xogħol. Huwa fatt li l-Mulej Ġesù kien identifikat bħala “iben Ġużeppi l-mastrudaxxa”. Dan jixhed li kien hemm rabta bejn Ġesù u x-xogħol ta’ missieru! Min-naħa l-oħra, dan jikkonferma wkoll li fil-ħanut tal-mastrudaxxa Ġużeppi ma kienx “waħdu” – bħala raġel tal-familja hu kellu f’moħħu u f’qalbu lil martu Marija u lil ibnu Ġesù!
Ix-xogħol għall-qadi tal-familja
Dan il-ħsieb jispirani biex nirrifletti dwar il-ħaddiem fid-dimensjoni tal-familja. Għax kif jikteb il-Papa Ġwanni Pawlu II, “il-familja hija wieħed mill-fatti l-aktar importanti li rridu nqisu dejjem meta niġu biex infasslu l-ordni etiku-soċjali tax-xogħol tal-bniedem” (Laborem Exercens, 10). Għaldaqstant huwa importanti li min għandu s-setgħa u r-responsabiltà jfassal u jorganizza d-dinja tax-xogħol, ma jittraskurax il-familja – “għax il-familja hija komunità li tista’ sseħħ permezz tax-xogħol” (ibid.). Min-naħa l-oħra, xieraq ukoll li meta l-ħaddiem jitkellem dwar dan il-qasam, huwa jħares lejn ix-xogħol mil-lenti tal-familja. Tkun verament ħasra jekk, frott tal-mentalità individwalista, jew inkella frott ta’ tellieqa bla rażan għal aktar effiċjenza fl-intrapriżi pubbliċi u privati tagħna, ma tingħatax importanza biżżejjed lill-familja.
Tajjeb insostnu sforzi li joħolqu spazju biex membri ta’ familji li għadhom qegħdin irabbu l-ulied jiddeċiedu huma minn rajhom fuq iż-żmien li fih u l-forma li biha huma jħossu li huma ppreparati jipparteċipaw formalment fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-pajjiż. Għaldaqstant ma tkunx il-familja li jkollha ġġorr, waħedha, il-piż li l-adattament għall-istrutturi ekonomiċi joħloq. Nara wkoll rwol tal-istituzzjonijiet li jiġbru taħt saqaf lill-imsieħba soċjali u lill-Gvern, biex dan il-bilanċ tant delikat bejn it-tisħiħ mixtieq tal-familji tagħna u bejn l-ambizzjoni li jittejjeb il-livell tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna jintlaħaq aħjar. Jeħtieġ nirnexxu f’din ix-xewqa tagħna għax altrimenti nkunu pass eqreb lejn sitwazzjoni fejn il-familja tkun għax-xogħol minflok ma jkun ix-xogħol għall-qadi tal-familja!
Huma diversi r-raġunijiet għaliex ix-xogħol u l-familja huma marbuta flimkien u jinfluwenzaw sewwa lil xulxin.
Il-familja ssostni s-soċjetà
L-ewwel nett il-familja hija neċessarja biex tipproduċi soċjetà b’saħħitha f’sens wiesa’. Meta tnissel l-ulied, il-familja mhux biss tkun qed tibni lilha nnifisha, imma tkun qed taħseb f’ġenerazzjonijiet futuri. Fejn hemm rata baxxa ta’ twelid, kif hawn f’pajjiżna, ikun aktar diffiċli li l-familja tikkontribwixxi għat-tqassim ekwu tal-ġid u tal-piżijiet bejn ġenerazzjonijiet differenti. Rata baxxa ta’ twelid x’aktarx ikollha riżultat li l-piżijiet, li jeħtieġ jinġarru biex tingħata kura u attenzjoni għal membri tas-soċjetà li mhumiex ekonomikament attivi, jikbru ħafna b’mod li jsiru piż kbir għall-ġenerazzjoni l-aktar attiva tas-soċjetà. Għal soċjetà li tkun qed tixjieħ bħal tagħna jkun bil-wisq aktar diffiċli li ssostni working force ta’ daqs neċessarju biex tassigura sistemi ta’ welfare u ta’ sostenn finanzjarju għal dawk il-persuni li mhumiex fl-istadju l-aktar produttiv ta’ ħajjithom.
Soċjeta li ssostni familji bi tfal żgħar
Għalhekk huma f’waqthom dawn il-miżuri min-naħa tas-soċjetà biex isostnu l-familji, speċjalment dawk li għadhom irabbu. Inħoss li huwa f’waqtu li ssir aktar riflessjoni biex il-miżuri tajba eżistenti jitjiebu ħalli s-soċjetà tkompli tgħin il-koppji ż-żgħar mhux b’karità, imma filwaqt li jkomplu jinħolqu dawk il-kundizzjonijiet tax-xogħol li jkunu family friendly, il-familja li qed trabbi jkollha retribuzzjoni li tgħinha ma taqtax qalbha milli tibni familja. Żgur li waħda mir-raġunijiet għaliex it-twelid tbaxxa hi l-piżijiet li l-istil tal-ħajja li qed ngħixu qed jiġġenera! Huwa minnu li d-deċiżjoni li koppja jkollha wild hija għażla personali ħafna, imma huwa fatt ukoll li din id-deċiżjoni jkollha effett fuq livell kollettiv.
Il-familja ssostni l-membri tal-istess familja
Iċ-ċellola tal-familja toffri għadd ta’ vantaġġi ekonomiċi u aktar serħan il-moħħ lill-istess membri. Hija tista’ tgħin biex ikun hemm integrazzjoni u parteċipazzjoni tal-qliegħ u l-infieq li jkollhom il-membri fi ħdanha. Altru persuna taqsam ma’ oħrajn fl-istess unità familjari, altru tkun trid taħseb għaliha waħida! F’dan il-kuntest, il-familja sservi bħala sostenn ekonomiku kemm vis-a-vis il-membri fi ħdanha kif ukoll f’relazzjoni mas-soċjetà.
Il-familja ssostni l-persuni dgħajfin tas-soċjetà
Aktar minn kull istituzzjoni oħra, il-familja toffri kenn u kura lil persuni dgħajfin – kemm meta l-persuna tkun għadha f’età żgħira u kemm meta tikber u titlef l-awtonomija tagħha. Fin-nuqqas tal-familja li normalment tibqa’ ddur bil-marid jew l-anzjan, dawn is-servizzi jkollhom jinxtraw mis-“suq”, bil-konsegwenzi negattivi li dan iħalli fuq ir-riżorsi finanzjarji tal-familji tagħna. Ikun dnub jekk dawk il-ħafna familji tagħna li qed jerfgħu dan il-piż soċjali jieqfu jkunu daqshekk ġenerużi għax l-attività tax-xogħol ma tkunx imfassla biex tippermettilhom isostnu din l-attività tant utli tagħhom.
Il-familja toffri kapital uman u soċjali lill-membri tagħha. L-iskejjel u l-programmi edukattivi huma akwist tajjeb, imma l-ambjent familjari jgħin lill-istudent jintegra dak li jitgħallem l-iskola. James Heckman, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-ekonomija fis-sena 2000, josserva li “good families promote cognitive, social, behavioural skills; bad families do not”.
Il-familja hi riżorsa ewlenija tas-soċjetà
Dan kollu jikkonferma kemm huwa opportun li kull riflessjoni dwar il-ħaddiem għandha tieħu f’kunsiderazzjoni l-familja. Meta l-familja tirċievi l-attenzjoni u l-għajnuna li jixirqilha bħala suġġett soċjali u ekonomiku, dan jissarraf f’ġid kemm għall-istess familja kif ukoll għas-sistema ekonomika inġenerali.
* Omelija fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, il-Qala, Għawdex, it-Tlieta 1 ta’ Mejju 2012.