Archive for May 2nd, 2012

Messaġġ għal Jum il-Ħaddiem 2012

Messaġġ tal-Isqof Mario Grech għal Jum il-Ħaddiem
1 ta’ Mejju 2012

IL-ĦADDIEM U L-FAMILJA

Filwaqt li llum is-soċjetà ċivili tiċċelebra Jum il-Ħaddiem, il-Knisja tistedinna nitfgħu ħarsitna fuq San Ġużepp Ħaddiem bit-tama li dan jagħtina ftit aktar dawl dwar id-dinjità tax-xogħol. Huwa fatt li l-Mulej Ġesù kien identifikat bħala “iben Ġużeppi l-mastrudaxxa”. Dan jixhed li kien hemm rabta bejn Ġesù u x-xogħol ta’ missieru! Min-naħa l-oħra, dan jikkonferma wkoll li fil-ħanut tal-mastrudaxxa Ġużeppi ma kienx “waħdu” – bħala raġel tal-familja hu kellu f’moħħu u f’qalbu lil martu Marija u lil ibnu Ġesù! Continue reading >>

Permanent link bejn Għawdex u Malta

Stqarrija għall-istampa

Il-Kulleġġ tal-Kappillani t’Għawdex, imlaqqa’ taħt il-presidenza tal-Isqof Mario Grech fit-2 ta’ Mejju 2012:

1. jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati pożittivi li ħarġu fir-rapport  prelimari dwar il-possibilità ta’ permanent link bejn Għawdex u Malta, u jfakkar li hu diġà esprima ruħu favur studju li jista’ jwassal biex jintlaħaq dan il-għan;

2. jinnota li jeżisti qbil bejn il-partiti politiċi u gruppi kostitwiti favur li dan l-istudju jgħaddi għal fażi oħra;

3. jemmen li dan il-proġett ikompli jsaħħaħ u jgħin fl-iżvilupp kulturali, soċjali, ekonomiku u reliġjuż tal-gżira ta’ Għawdex.