- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

STEDINA GĦAT-TALBA TAR-RUŻARJU
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Posted By admin On April 28, 2012 @ 5:17 pm In Circulars | Comments Disabled

 [1] Verzjoni PDF - Ċirkulari 23/2012

 Ċirkulari 23/2012

Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes u Superjuri Reliġjużi

STEDINA GĦAT-TALBA TAR-RUŻARJU

Min minna ma jitgħaxxaqx b’dan iż-żmien tar-rebbiegħa? Il-fjuri bl-ilwien u l-fwejjaħ tagħhom jawguraw ħajja ġdida! Ir-raġġi sbieħ tax-xemx jistednuna niftħu t-twieqi ta’ djarna biex tinbidel l-arja xi ftit immuffata li tkun inġemgħet bl-għeluq tax-xitwa!

Kieku din ir-rebbiegħa nixtequha wkoll f’oqsma oħra, bħal fil-każ tal-familja, tax-xjenza, tal-kultura u tal-politika. Imma qed niktbilkom din in-nota biex nagħti leħen lil dawk li jixtiequ jaraw ir-rebbiegħa fil-ħajja Kristjana. Għandna bżonn niftħu t-twieqi ta’ qalbna biex inħallu l-imħabba ta’ Kristu ssuqna. Huwa urġenti li niftħu t-twieqi tal-komunitajiet Insara, bħalma huma l-komunità ċkejkna tal-familja, il-komunitajiet reliġjużi u l-komunitajiet parrokkjali tagħna, biex inħallu r-riħ li ġab Kristu Rxoxt itajjar ir-riħa tal-għeluq li xi kultant qiegħda tifgana.

F’dan il-kuntest inħeġġiġkom idduru lejn Marija, Omm Ġesù. Marija ta’ Nazaret hija l-isbaħ fjura li qatt fetħet fil-ħolqien. Hija dik ir-“roża mistika” li warrdet fil-milja taż-żmien meta Alla bagħat lil Ibnu biex jinawgura rebbiegħa ġdida! Flimkien ma’ dan l-appell li qed nagħmel fil-bidu ta’ Mejju, xahar li sa minn żmien antik ħafna l-Knisja tiddedikah lill-Madonna, nixtieq irrodd lura r-Rużarju lil kull familja tagħna bit-tama li matul dan ix-xahar tal-Madonna l-familja terġa’ tibda tinġabar flimkien biex titlob b’dan “il-brevjar tal-poplu” f’idejha.

Għax meta r-Rużarju jingħad bil-ġabra, aħna nirriflettu fuq id-diversi tappi tal-ħajja ta’ Ġesù u nintebħu kemm hu jħobbna. Meta naħsbu fuq il-Misteri tal-Ferħ, tad-Dawl, tat-Tbatija u tal-Glorja, flimkien ma’ Marija Ommu, aħna ndawru qalbna lejn il-misteru ta’ Ġesù. Hekk naslu biex inpoġġu lil Ġesù fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, tal-familja tagħna, ta’ raħalna u ta’ beltna biex dawn ikomplu jwarrdu!

Nhar l-Erbgħa li ġejja nerġgħu nibdew id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna. Hu ta’ konsolazzjoni kbira għalija li matul dawn l-Erbgħat nara tant pellegrini jżuru s-santwarji Marjani tagħna, partikularment is-Santwarju Ta’ Pinu. Kif għamilt f’dawn l-aħħar snin, anki din is-sena qed nieħu l-impenn li, issa li ser jibdew l-Erbgħat tal-Madonna, kull nhar ta’ Erbgħa fit-8.30pm inkun fis-Santwarju Ta’ Pinu biex nitlob ir-Rużarju mal-familji tagħna. Filwaqt li nirrikkmanda li din id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna tibqa’ tiġi mħarsa, nistedinkom biex filgħaxija ninġabru nitolbu r-Rużarju flimkien.

Billi llum, ir-Raba’ Ħadd tal-Għid, qegħdin niċċelebraw Jum il-Vokazzjonijiet, nagħlaq billi nagħmel sejħa lill-poplu ta’ Alla ħalli jkollu għal qalbu l-vokazzjonijiet u biex flimkien naħdmu ħalli niżguraw li fil-familji, fl-iskejjel, fl-għaqdiet u fil-parroċċi jkollna ambjent fejn tista’ tinbet iż-żerriegħa ta’ vokazzjoni saċerdotali, reliġjuża jew ikkonsagrata.

Maħruġa mill-Kurja Veskovili, il-Belt Victoria, Għawdex, illum il-Ħamis 26 ta’ April 2012, tifkira tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb.

+ Mario Grech Mons.
Isqof ta’ Għawdex

Salv Debrincat
Kanċellier


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/04/28/stedina-ghat-talba-tar-ruzarju-ittra-cirkulari-tal-et-mons-mario-grech-isqof-ta%e2%80%99-ghawdex/

URLs in this post:
[1] Verzjoni PDF - Ċirkulari 23/2012: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2012/04/23-2012-stedina-ghat-talba-tar-ruzarju.pdf

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.