NAGĦTU ĊITTADINANZA PUBBLIKA LIT-TWEMMIN TAGĦNA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa Liturġika ta’ San Ġorġ Martri
Parroċċa San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex – It-Tnejn 23 ta’ April 2012
Nistħajjel illi ma tobsrux kemm is-solennità tal-lum ta’ San Ġorġ Martri timlieni b’kuraġġ, sew bħala Nisrani u bħala saċerdot, imma iktar u iktar bħala isqof. U dak illi nġarrab jien, nixtiequ lil kulħadd: lill-komunità Ġorġjana u lill-Knisja kollha f’Għawdex.
Diskriminazzjoni kontra l-Insara llum
Ħafna, meta jitkellmu fuq l-istorja tal-martri, jaħsbu illi l-persekuzzjonijiet tal-Knisja huma xi ħaġa ta’ tant u tant żmien ilu. Imma mhux hekk! Propju ftit tal-ġimgħat ilu, organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-bażi tagħha fl-Awstrija ħarġet rapport dwar il-persekuzzjoni tal-Insara llum, mhux fil-Lvant Nofsani – u naħseb smajtuhom id-drammi tal-Insara fl-Eġittu, fl-Iraq… tal-bieraħ dawn! –, lanqas fl-Asja, imma fl-Ewropa, dak il-kontinent illi ġieli nsejħulu “il-benniena tal-Kristjaneżmu”.
Biex nagħtikom ħjiel, dan ir-rapport illi ħareġ dan l-Osservatorju dwar l-intolleranza u d-diskriminazzjoni tal-Insara tal-lum, jirrapporta ħwejjeġ li ġraw is-sena l-oħra. Jgħid illi 74% ta’ dawk intervistati fir-Renju Unit, jgħidu illi aktar saret diskriminazzjoni negattiva kontra l-Insara milli kontra persuni ta’ twemmin ieħor. Fi Franza, “il-bint prediletta tal-Knisja”, 84% jgħidu illi qed jikber il-vandaliżmu kontra l-postijiet tal-kult Nisrani. U fl-Iskozja, 95% tal-atti vjolenti fi sfond reliġjuż saru kontra l-Insara.
Imbagħad dan l-istess Rapport isemmi ċerti inċidenti partikulari. Ngħidu aħna, li f’Mejju li għadda l-Papa saritlu akkuża ta’ krimini kontra l-umanità. Tafu għaliex? Minħabba t-tagħlim tiegħu, jiġifieri tal-Knisja, fuq il-moralità li għandha x’taqsam mas-sesswalità! Fi Granada, Spanja, hemm università tajba, u għaddej moviment biex bil-pretest illi l-istat huwa lajk u newtrali, għandhom iqaċċtu l-Fakultà Teoloġika minn din l-università statali. Fil-Ġermanja, is-sena l-oħra, l-Insara ġew miċħuda mid-dritt tal-assoċjazzjoni biex jiddifendu veritajiet illi huma daqstant Insara daqskemm huma umani; ngħidu aħna, meta jorganizzaw irwieħhom fi gruppi biex jagħmlu kampanja kontra l-abort, kontra ż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess. F’Berlin, is-sena l-oħra spiżjar jattakkawlu l-ispiżerija għax minħabba l-konvinzjonijiet tiegħu irrifjuta li jbigħ dik li tissejjaħ il-morning after pill, illi hija abortiva. F’Jersey, l-Ingilterra, riedu jqassmu l-Vanġelu ta’ San Mark lil kull familja bil-posta; b’pagament, imma l-pustieri rrifjutaw li jqassmuh.
Alla mwarrab
Din hi r-realtà tal-Insara l-lum fl-Ewropa tagħna, biex ma nsemmix l-intolleranza iktar sottili illi għaddejja fil-palazzi tal-poter, fiċ-ċentru tal-Ewropa. U allura mhux bir-raġun li l-Missier tagħna l-Papa, propju f’Jannar, meta jindirizza dikasteru li waqqaf huwa stess ftit ilu għal dik li hu sejħilha l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, jinnota li llum Alla qed jiġi mwarrab mill-ħajja! Huwa jgħid li l-fidi Nisranija llum hija mhedda u miġġielda. Il-Papa jsemmi li tant hawn indifferenza f’konfront mal-fidi f’Ġesù Kristu li hawn proċess ta’ emarġinazzjoni tal-fidi mill-ħajja pubblika! Illum kulħadd għandu ċ-ċittadinanza, anki l-gidba u l-iżball… imma Alla ma għandux! Il-fidi Nisranija m’għandhiex dritt taċ-ċittadinanza u għalhekk hemm pjan biex din tiġi emarġinata!
Il-persekuzzjoni – mhux biss dik ta’ Valerju u Djoklezjanu, li għalina huma preżenti għaliex hemm l-istorja ta’ Ġorġi tagħna – imma tal-Insara ta’ kull żmien hija l-istorja tal-Knisja għal dejjem; imma donnu dan il-biża’ minn Kristu – Kristofobija – illum qiegħed jinfirex iżjed. U aħna m’aħniex esklużi minn din il-mewġa.
Qed tifhmu għaliex fil-bidu għamilt stqarrija magħkom meta għidt kemm din is-solennità tal-lum lili timlieni bil-kuraġġ, meta noqgħod naħseb fuq San Ġorġ? U dan li nawgura anki lilkom. Dan hu s-sens Nisrani tal-festi; u ara xi ħadd jgħarrilu u jaħseb illi aħna rridu nħassru mill-kalendarju tal-ħajja ekkleżjali dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Għażla favur Alla
San Girgor Nazjanzenu jgħid illi l-martri huma kolonna animata, messaġġiera siekta u xhieda ħajjin. Dan nista’ napplikah għal San Ġorġ tagħna: huwa kolonna animata tal-Knisja, messaġġier silenzjuż tal-Evanġelju u xhud ħaj ta’ Kristu. Għaliex f’dan il-kuntest ta’ persekuzzjoni u intolleranza, f’soċjetà li tiftaħar li hija demokratika, aħna rridu lil min jagħmlilna kuraġġ, irridu lil min ikun għalina ta’ ispirazzjoni, irridu l-mudelli fil-ħajja tagħna llum. Dan irridu jien u jridu kull wieħed u waħda minna. Irridu ngħixu t-twemmin tagħna fi Kristu, minkejja l-ħalel tal-ħajja u l-kontrakurrent li qegħdin u ħa nkomplu niltaqgħu miegħu.
X’inhu jgħidilna San Ġorġ? San Ġorġ qed jgħidilna: “Agħmlu lil Alla ċentru ta’ ħajjitkom. Innamraw ma’ Ġesù Kristu u komplu saħħu r-rabtiet tagħkom miegħu”. Naħseb li dan il-messaġġ neħtiġuh illum iktar minn qatt qabel, fejn hemm ir-riskju li l-ħajja Nisranija tagħna ma tkunx, bħalma kienet għal San Ġorġ, għażla konxja, responsabbli, personali, imma tkun frott ta’ kultura, għax iwritniha. Kieku writna xi ħaġa tajba; imma hemm bżonn dan il-wirt Kristjan nagħmluh tagħna billi nagħmlu għażla favur Alla, ngħidu iva għal Kristu. U ma nikkuntentawx li dan l-għażla nagħmluha biss aħna, imma wkoll jimpurtana minn ħutna li forsi huma għajjenin fil-mixja Nisranija tagħhom, biex ngħidulhom kelma ta’ kuraġġ ħalli ma jaqtgħux qalbhom. Jekk Alla jkun iċ-ċentru ta’ ħajjitna, bħalma kien għal San Ġorġ tagħna, kapaċi nagħmlu rivoluzzjoni kbira.
San Ġorġ qed jgħidilna biex nimtlew b’kuraġġ ħalli nkunu deċiżi fl-għażliet li nagħmlu, sew fuq livell personali, fuq livell ta’ familja Nisranija, kif ukoll fuq livell ta’ soċjetà, ladarba aħna ċittadini ta’ din il-“belt”. Qegħdin ngħixu f’soċjetà illi s-soċjologi jiddeskrivuha bħala waħda fluwida: xejn mhu ċert, kollox superfiċjali, xejn solidu. Għaldaqstant il-bniedem qed jagħmel għadd ta’ kompromessi mal-post-Modernità. Ma nħallux din il-mentalità ddakkar it-twemmin tagħna fi Kristu. Bħalma għamel Ġorġi tagħna, aħna wkoll, jekk aħna tassew devoti tiegħu, irridu nkunu sodi u deċiżi biex nagħmlu għażliet radikali u kuraġġjużi li jaqblu mal-identità tagħna bħala mgħammdin. Ħa jħabbat il-baħar, hu x’inhu l-prezz li aħna rridu nħallsu jew li jġagħluna nħallsu. Għax xi darbi hemm it-tentazzjoni li nirtiraw minħabba l-prezz personali, politiku u soċjali li niġu mitluba nħallsu u nagħmlu dak li m’għamilx San Ġorġ tagħna: naduraw idoli oħra, noħolqu pedestalli li fuqhom inpoġġu allat oħra…
Ħarsa mimlija tama
Imbagħad San Ġorġ kellu viżjoni mimlija tama. Hu kien jaf dak li jgħid is-Sinjur tagħna Ġesù Kristu: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, ma tistax tagħti l-ħajja”. San Ġorġ, qamħa dehbiena, ma beżax jaqa’ fl-art; huwa xarrab l-art b’demmu u ndifen ġewwa l-art. Imma ma baqax hemm: dik il-qamħa mhux biss tat il-ħajja, imma tat qamħ bnin u kotran, kif tixhed din il-komunità Ġorġjana tagħna.
U dak li nixtequh għalina, nixtequh għan-nies kollha ta’ rieda tajba. Hemm bżonn li minkejja l-kampanja ta’ intolleranza u l-Kristjanofobija li semmejtilkom fil-bidu, ma naqtgħux qalbna, imma nibqgħu nittamaw: it-tama tagħna mhix fiergħa, għax hija tama f’Ġesù Kristu li rebaħ il-mewt, li kienet it-tama ta’ Ġorġi ta’ Lidda.
Ċittadinanza pubblika lit-twemmin
Ftit tax-xhur ilu, dak li kien il-Patrijarka ta’ Venezja u issa qiegħed Arċisqof ta’ Milan, il-Kardinal Angelo Scola, qal li huwa urġenti illi bħala Nsara ninterrogaw lilna nfusna dwar x’inhi l-modalità ta’ kif aħna ser nagħtu dimensjoni pubblika lill-fidi tagħna. Għaliex hemm min irid jagħlaqna fis-sagristija; hemm min qed jgħidilna biex it-twemmin tagħna nżommuh għalina, imma ma nippronunzjawhx fil-pjazez tagħna.
Jien nagħmel tiegħi dan l-appell li għamel il-Kardinal Scola: hu urġentissmu li aħna nsibu l-mod kif nagħtu ċittadinanza u dimensjoni pubblika lill-fidi tagħna, mhux biex nimponu u nkunu konfessjonali, imma għax aħna nemmnu li min għandu kuxjenza Nisranija għandu kuxjenza umana. Aħna nemmnu li Ġesù Kristu u l-Vanġelu tiegħu huma għajnuna kbira li ġġib ’il quddiem id-dinjità ta’ kull bniedem, irrispettivament mit-twemmin tiegħu.
Imma nixtieqkom tkunu konvinti iktar minn dan, biex aħna l-Insara ma nċedux għal din il-mewġa ta’ intolleranza, naqgħu fil-muta u ndoqqu l-irtirata! Allaħares San Ġorġ tagħna ċeda quddiem Djoklezjanu u waqa’ fil-muta, tilef ilsienu, irtira… Imma San Ġorġ ried jagħti din iċ-ċittadinanza u dimensjoni pubblika lit-twemmin f’Ġesù Kristu.
Hija l-missjoni tagħna bħala Knisja, u dan ngħidu lill-Knisja tagħna kollha, li nagħtu ċittadinanza pubblika lit-twemmin tagħna. Dan jimplika li aħna ġustament irroddu r-ruħ lis-soċjetà tagħna. Meta ngħid ruħ nifhem li nagħtu dimensjoni etika u morali lis-soċjetà tagħna, dik is-soċjetà li għandha strutturi li jagħmlu liġijiet u japplikaw dawn ir-regoli tal-ħajja soċjali. Mhux kumbinazzjoni li f’dawn l-oqsma, għall-grazzja ta’ Alla, hemm preżenza tagħna l-Insara.
Nawgura li San Ġorġ tagħna jagħtina ftit mill-ispirtu tiegħu ħalli f’dawn iċ-ċirkustanzi, li huma sbieħ għax għalina huma opportunità biex aħna nagħtu xhieda tat-twemmin tagħna f’Ġesù Kristu, aħna nagħtu din ir-ruħ lis-soċjetà tagħna. Dan ikun is-sehem tagħna lill-ħajja pubblika biex tassew ikollna qafas soċjali li jkun ta’ ġieħ għal kull bniedem u għal Alla l-Ħallieq.