Archive for April 28th, 2012

STEDINA GĦAT-TALBA TAR-RUŻARJU
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

 Verzjoni PDF - Ċirkulari 23/2012

 Ċirkulari 23/2012

Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes u Superjuri Reliġjużi

STEDINA GĦAT-TALBA TAR-RUŻARJU

Min minna ma jitgħaxxaqx b’dan iż-żmien tar-rebbiegħa? Il-fjuri bl-ilwien u l-fwejjaħ tagħhom jawguraw ħajja ġdida! Ir-raġġi sbieħ tax-xemx jistednuna niftħu t-twieqi ta’ djarna biex tinbidel l-arja xi ftit immuffata li tkun inġemgħet bl-għeluq tax-xitwa!

Kieku din ir-rebbiegħa nixtequha wkoll f’oqsma oħra, bħal fil-każ tal-familja, tax-xjenza, tal-kultura u tal-politika. Imma qed niktbilkom din in-nota biex nagħti leħen lil dawk li jixtiequ jaraw ir-rebbiegħa fil-ħajja Kristjana. Għandna bżonn niftħu t-twieqi ta’ qalbna biex inħallu l-imħabba ta’ Kristu ssuqna. Huwa urġenti li niftħu t-twieqi tal-komunitajiet Insara, bħalma huma l-komunità ċkejkna tal-familja, il-komunitajiet reliġjużi u l-komunitajiet parrokkjali tagħna, biex inħallu r-riħ li ġab Kristu Rxoxt itajjar ir-riħa tal-għeluq li xi kultant qiegħda tifgana. Continue reading >>

Festa liturġika ta’ San Ġorġ martri

NAGĦTU ĊITTADINANZA PUBBLIKA LIT-TWEMMIN TAGĦNA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa Liturġika ta’ San Ġorġ Martri
Parroċċa San Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex – It-Tnejn 23 ta’ April 2012

Nistħajjel illi ma tobsrux kemm is-solennità tal-lum ta’ San Ġorġ Martri timlieni b’kuraġġ, sew bħala Nisrani u bħala saċerdot, imma iktar u iktar bħala isqof.  U dak illi nġarrab jien, nixtiequ lil kulħadd: lill-komunità Ġorġjana u lill-Knisja kollha f’Għawdex.

Diskriminazzjoni kontra l-Insara llum
Ħafna, meta jitkellmu fuq l-istorja tal-martri, jaħsbu illi l-persekuzzjonijiet tal-Knisja huma xi ħaġa ta’ tant u tant żmien ilu.  Imma mhux hekk!  Propju ftit tal-ġimgħat ilu, organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-bażi tagħha fl-Awstrija ħarġet rapport dwar il-persekuzzjoni tal-Insara llum, mhux fil-Lvant Nofsani – u naħseb smajtuhom id-drammi tal-Insara fl-Eġittu, fl-Iraq… tal-bieraħ dawn! –, lanqas fl-Asja, imma fl-Ewropa, dak il-kontinent illi ġieli nsejħulu “il-benniena tal-Kristjaneżmu”. Continue reading >>