- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Jum il-Premjazzjoni fis-Seminarju Minuri ta’ G]awdex

Posted By admin On April 21, 2012 @ 9:30 pm In 2012 | Comments Disabled

SEMINARJU MINURI TAL-QALB TA’ ĠESÙ
JUM IL-PREMJAZZJONI GĦAS-SENA 2010-2011
20 ta’ April 2012

Diskors tas-Surmast Dun Emmanuel Saliba

Eċċellenza Reveredissima Mons. Mario Grech, Dr Rose Anne Cuschieri Direttur tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, rapprezentanti mill-Kulleġġ t’Għawdex, mistednin distinti, għalliema, ġenituri, studenti u ħbieb li ġejtu tifirħu magħna: Għal darb’ohra nagħtikom merħba u nilqagħkom għal din l-attività ta’ Jum il-Premjazzjoni.

Għaddiet sena oħra ta’ ħidma u studju, u llum bix-xieraq nifirħu ma’ dawn l-istudenti li għamlu ħilithom kollha u kkoperaw kemm setgħu mhux biss biex jikbru fl-aspett akkademiku imma wkoll fil-formazzjoni umana u spiritwali tagħhom. Jum il-Premjazzjoni jservi sabiex min ħadem jikseb il-ġieħ li jistħoqqlu, u fl-istess waqt l-istudenti l-oħrajn ikollhom mira lejn x’hiex iħarsu, u jekk forsi din is-sena ma mmeritawx premju, jkomplu jistinkaw ħalli sena oħra jkunu fost dawk li se jiġu ppremjati.

F’Jannar ta’ din is-sena, f’pajjiżna ġiet approvata liġi bl-iskop li tħares il-minuri minn kull abbuż. Nemmen li kienet liġi f’direzzjoni tajba, għaliex toffri qafas legali li jħares lill-minuri minn tbatija li għandha tiġi evitata u minn ħsara serja li tħalli effetti negattivi fuq l-iżvilupp tat-tfal u l-istudenti. Nittama li din il-liġi ma tkunx sempliċement organiżmu li jżid il-burokrazija f’pajjiżna, imma tkun strument li verament iħares il-ġid ta’ kull persuna, speċjalment meta tkun għada żgħira u allura tkun aktar vulnerabbli.

Il-fatt li issa għandna din il-liġi ma jserrħilniex moħħna li l-istudenti se jkunu eżenti minn kull periklu. Min-naħa tal-iskola tagħna, qegħdin nagħmlu kull ma nistgħu sabiex id-dritt li l-istudenti jirċievu l-aqwa edukazzjoni jiġi mħares. Imma nixtiequ wkoll li l-minuri jkunu ħielsa mill-abbuż tat-traskuraġni min-naħa tal-adulti; li jkunu ħielsa minn kull vjolenza fiżika, psikoloġika, verbali u morali. Nappella lill-ġenituri kollha, edukaturi, professjonisti u adulti, huma min huma, biex fl-ebda mument ma nħallu li t-tfal jiġu sfruttati jew imġiegħla jbatu minħabba kapriċċi, egoiżmu jew nuqqas ta’ ħsieb minn dawk ta’ madwarhom.

Fl-istess waqt irridu ngħinu lill-istudenti jifhmu li fil-ħajja mhux kollox ward u żgħar, u rridu ngħinuhom jifhmu li kull ħaġa tajba hija frott is-sagrifiċċju.

Kif nagħmel ta’ kull sena f’Jum iċ-Ċelebrazzjoni, din is-sena wkoll nixtieq nagħtikom rendikont tal-ħidma li wettaqna matul din l-aħħar sena skolastika, biex filwaqt li pubblikament nirringrazzja lill-Istaff kollu tas-Seminarju Minuri, għax dak kollu li twettaq sar bil-koperazzjoni sħiħa ta’ kull wieħed u waħda minnhom, fl-istess waqt fi ftit ħin nirrealizzaw kemm xogħol qiegħed isir ħalli bħala skola tal-Knisja f’Għawdex noffru din l-Edukazzjoni għall-ġid tal-Familji, l-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ Għawdxin.

L-ewwel nett nagħti ħarsa ħafifa lejn it-tibdil li sar din is-sena fl-Istaff tas-Seminarju Minuri. Nibda biex nirringrazzja lil Mons. Renato Borg, li għal dawn l-aħħar snin kien jgħallem ir-Reliġjon u l-P.S.D., kif ukoll lil Mrs. Angela Abela Refalo li kienet Complimentary teacher tal-Ingliż, u li issa m’għadhomx jgħallmu fl-iskola tagħna minħabba impenji oħrajn. Grazzi ieħor jimmeritah Mr. Ryan Mercieca, li temporanjament kien jgħallem l-Istudji Ambjentali u l-Istudji Soċjali, sakemm Mrs. Adriana Terribile waqfet għal ftit xhur wara li kellha tarbija.

Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika tajna merħba lil Mr. Stefan Sultana bħala għalliem tal-Kimika u l-P.E. u lil Mr. Christopher Camilleri bħala għalliem tal-Ġografija, Studji Soċjali u P.S.D. Ingħaqdu wkoll mal-Istaff tagħna, bħala Għalliema Shared mal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof: Mr. Eric Portelli bħala għalliem tad-Design & Technology; Mr. Manuel Mizzi li huwa Technician tad-Design & Technology lab.; Ms. Maria Haber hija għalliema tal-Malti u l-Franċiż; u Mrs. Tatsiana Cauchi li hija għalliema tar-Russu u l-P.E.

Barra minn dawn, ilqajna wkoll lil Mrs. Kylie Grech u lil Mr. Victor Said bħala L.S.A.s ma’ studenti ġodda bi bżonnijiet specjali li daħlu fl-Iskola tas-Seminarju Minuri.

Ma’ din il-lista ta’ membri ġodda fl-Istaff tagħna żdied ukoll Fr. Tonio Galea li huwa d-Direttur Spiritwali tas-Seminarju Minuri, li bl-għajnuna tal-Pastoral Care Team tagħna qiegħed joffri servizz mitqlu deheb kemm lill-Istudenti kif ukoll lill-membri tal-Istaff tal-Iskola tas-Seminarju.

Dan l-aħħar ingħaqad magħna wkoll Mr. Egor Glebov, li huwa student mill-Fillandja li qiegħed jistudja fl-Università ta’ Malta u ġie magħna sabiex jagħmel esperjenza ta’ sitt ġimgħat Teaching Practice, waqt il-lezzjonijiet tal-P.E. u tal-Mużika. Din l-esperjenza hija opportunità tassew sabiħa kemm għal Mr. Glebov personalment, u anke’ għall-istudenti tagħna. Nirringrazzjawh u nawgurawlu kull suċċess fil-karriera tiegħu.

L-identità tal-Iskola tas-Seminarju Minuri tissawwar bil-Formazzjoni Spiritwali u Reliġjuża li tingħata lill-istudenti u lill-għalliema tagħna. Il-prattika fil-virtujiet Teologali tal-Fidi, tat-Tama, tal-Imħabba, tal-virtujiet kardinali tal-Għaqal, tal-Ħaqq, tal-Qawwa u l-Qies mgħixa mill-membri kollha tal-Istaff tgħin fil-binja tas-sinsla tat-trawwim tal-karattru sod u tal-personalità umana u Nisranija tal-istudenti tagħna. F’dan kollu qegħdin insibu l-għajnuna tal-Pastoral Care Team li joffri kontribut siewi bl-aħjar mod, taħt il-gwida għaqlija tad-Direttur Spiritwali.

F’rabta ma’ dan nixtieq insemmi l-Jum memorabbli u sinifikattiv fl-iskola tagħna meta l-E.T. Mons. Isqof Mario Grech ġie kważi ġurnata sħiħa fl-iskola, fejn mexxa ċelebrazzjoni tal-Kelma t’Alla għall-istudenti ta’ Form 1, u ltaqa’ mal-istudenti l-oħrajn f’kull klassi fejn kellimhom dwar diversi aspetti soċjo-reliġjużi. F’din l-okkażjoni l-istudenti ressqulu wkoll xi domandi dwar suġġetti varji b’tema morali u reliġjuża, u Mons. Isqof wieġeb għal dawn il-mistoqsijiet kollha li sarulu. Kienet laqgħa tassew sabieħa fejn ir-Ragħaj Spiritwali tad-Djoċesi ltaqa’ mal-merħla ċkejkna ta’ Kristu. Ma naqsitx ukoll laqgħa qasira mal-membri tal-istaff.

Din is-sena, f’okkażjoni oħra, Mons. Isqof mexxa laqgħa ta’ formazzjoni għall-membri tal-Istaff tagħna fejn ħeġġiġna biex inkunu promoturi tal-Ħajja b’integrità sħiħa u b’responsabbiltà lejn l-Umanità. Huwa dmir tal-Għalliema fl-Iskejjel li jdawlu x-xjenzi u s-suġġetti profani bid-dawl tal-Fidi Nisranija, sabiex noffru servizz lis-Soċjetà kollha kemm hi, minflok nitkaxkru mal-kurrenti ta’ żmienna u nħallu s-sekularizzazzjoni tbattina jew naslu li nibnu Soċjetà bla ruħ li tkun minaċċja għall-istess eżistenza tal-bniedem.

F’Settembru 2011 kellna l-ewwel grupp ta’ studenti li daħlu fis-Seminarju mingħajr l-Eżami Komuni għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja. Għall-ewwel darba kellna tliet klassijiet fil-Form 1 minflok żewġ klassijiet, b’total ta’ sebgħin student. F’Settembru 2012 se jkollna tliet klassijiet ukoll fil-Form 2. Dan ifisser li minn sena għall-oħra rridu nadattaw is-sistema sabiex noffru l-aqwa edukazzjoni skond il-ħiliet tal-istudenti li qegħdin nirċievu. Minħabba l-eżiġenzi tal-istudenti li issa beda jkollna, qegħdin nippruvaw nintroduċu suġġetti ġodda li jgħinu lill-istudenti skond il-ħiliet tagħhom, u li jgħinuhom jagħżlu l-karriera li jkunu jixtiequ. Fil-fatt introduċejna diġà s-suġġett tad-Disinn u t-Teknoloġija, u qegħdin nippjanaw biex fil-futur qarib, hekk kif jinbnew il-klassijiet il-ġodda, nintroduċu suġġetti oħrajn vokazzjonali bħalma huma l-Engineering, il-Health Care, l-I.T. Practitioner u n-Nutrition. Dawn ikunu abbinati ma’ suġġetti akkademiċi diġa’ eżistenti fl-iskola tagħna, u li huma l-Fiżika, il-Bijoloġija, l-Istudji tal-Kompjuter u l-Home Economics rispettivament.

Fil-preżent qegħdin nistennew li joħroġ il-permess mill-MEPA sabiex nibnu erba’ laboratorji ġodda għas-suġġetti vokazzjonali, sitt klassijiet sabiex jakkomodaw iż-żieda tal-istudenti, peress li minn 250 student sas-sena 2016 se nitilgħu għal 360 student, kif ukoll Librerija u Multi-purpose Hall. F’dan il-proġett hemm inkluż ukoll entratura xierqa għall-iskola u faċilitajiet sanitarji, kif ukoll għamilna attenzjoni akkurata ħafna sabiex ikollna sigurtà u aċċessibbilità għal kulħadd f’kull parti tal-iskola. Dan il-proġett ifisser investiment ta’ madwar €800,000.

Tajjeb tkunu tafu li kull student fl-iskola tagħna jiswielna madwar €3,600 kull wieħed fis-sena. Tafu wkoll li, minkejja dawn l-ispejjeż kollha, aħna qatt ma nitolbukom fees, u lanqas nobbligawkom toffru donazzjonijiet. Madanakollu, inħoss l-obbligu li nirringrazzja lil dawk il-ġenituri jew qraba tal-istudenti li minn jeddhom, mill-qalb u b’mod regolari, toffru donazzjonijiet sabiex is-Seminarju Minuri jkun jista’ jlaħħaq ma’ dawn l-ispejjeż. Grazzi wkoll lil dawk il-familji li qegħdin toffru €1,000, jew skont kemm dik il-familja tkun tista’ toffri, bħala rigal lill-iskola b’risq dan il-proġett. Grazzi wkoll li dawk li qegħdin toffrulna self mingħajr imgħax għaliex b’dan il-mod tkunu qegħdin tevitawlna li nżidu spiża oħra ta’ ħlasijiet tal-imgħax fuq il-loans.

Għal darb’oħra rrid nirringrazzja minn qalbi lill-Għaqda tal-Ġenituri-Għalliema (il-P.T.A.) li ħadet ħsieb torganizza diversi attivitajiet sabiex jgħinu lill-Iskola f’dawn l-ispejjeż kbar. Minn issa nappellalkom sabiex tattendu bi ħġarkom għall-ikbar Attività Annwali organizzata mill-P.T.A., jiġifieri l-Wine & Pizza, li din is-sena se ssir il-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju. Grazzi ukoll lil dawk kollha li tattendu għall-attivitajiet imtella’ mill-P.T.A. u toffru kull għajnuna li tistgħu minn qalbkom.

Huwa ta’ soddisfazzjoni kbir għall-Knisja f’Għawdex meta tara li s-sistema li bdejna ħames snin ilu fis-Seminarju Minuri, dwar l-installazzjoni tal-interactive white boards fil-klassijiet kollha minn din is-sena skolastika ġiet adottata fuq livell Nazzjonali. B’hekk, issa l-istudenti kollha jistgħu jitgħallmu b’metodu differenzjat u b’teknoloġija li l-istudenti huma mdorrijin biha. Għalhekk din is-sena wkoll, bil-għajnuna tagħkom il-ġenituri, żidna interactive white-boards fil-klassi tal-Ġermaniż, fil-Laboratorju tad-Disinn u t-Teknoloġija u fil-Laboratorju tal-Kimika.

Iċ-Ċentru tal-ECDL tagħna kompla jħejji lil ħafna studenti, mhux biss mill-iskola tagħna, kif ukoll adulti, sabiex jakkwistaw ċertifikati rikonoxxuti fil-korsijiet tal-Web-Starter, tas-CISCO (I.T. Essentials One), tal-Image-Maker u l-CAD. Barra minnhekk, issa wasalna biex inwettqu wkoll dak li konna wegħdniekom, jiġifieri minn din is-sena stess qegħdin nintroduċu wkoll l-ECDL fuq Livell Avvanzat, kors li jikkonsisti f’erba’ modules. Din ser tkun opportunità għal dawk l-istudenti jew adulti li jkollhom aktar ħin disponibbli fix-xhur tas-Sajf u li jistgħu jinvestuh f’korsijiet li ser isibuhom utli aktar ‘il quddiem f’ħajjithom.

Din is-sena ntroduċejna l-Home Economics fil-Form 5 ukoll u b’hekk ressaqna l-ewwel grupp ta’ studenti mill-iskola tagħna sabiex jagħmlu l-eżami tal-Matsec fil-Home Economics. Nawguraw li dawn l-istudenti jmorru tajjeb ħalli jkomplu miexja ‘l quddiem fil-karriera li jixtiequ jaqbdu fil-qasam tat-Turiżmu jew f’oqsma oħra relatati.

L-istorja twila ta’ 146 sena, minn kemm ilu mwaqqaf is-Seminarju t’Għawdex, tindika li din l-Istituzzjoni Edukattiva f’Għawdex ippruvat dejjem tħares lejn l-iżvilupp u l-ġid tal-Bniedem sħiħ, f’rabta mal-Ġid Komuni tas-Soċjetà. Għalhekk f’din l-iskola ma kienux jgħallmu biss ir-reliġjon u t-teoloġija, imma wkoll suġġetti oħrajn bħal-lingwi u x-Xjenzi. Kien bis-saħħa t’hekk li minn din l-iskola ġew iffurmati kemm Saċerdoti qaddisin u ħabrieka, imma wkoll Professjonisti għaqlin u ta’ kuxjenza, bħal għalliema, politiċi, maġistrati u avukati, kif ukoll professuri, tobba u kirurgi ta’ ħila imma fuq kollox onesti. Biex inkomplu nibnu fuq dan, din is-sena ippruvajna nagħtu spinta lit-tagħlim tax-Xjenzi, b’mod partikolari il-Fiżika, il-Kimika u l-Bijoloġija. Għalhekk investejna f’ħames Mikroskopji sofistikati, erbgħa minnhom għall-użu tal-istudenti, u l-ieħor għall-użu tal-għalliema. Dan li jintuża mill-għalliema jista’ jiġi mqabbad mal-interactive white board sabiex dak li wieħed ikun jista’ jara bil-mikroskopju, jkun jista’ jidher b’mod imkabbar fuq il-white board (biex issir l-ispjega għall-istudenti) u jista’ jiġi ssejvjat fuq kompjuter. Barra minn dan, qegħdin nistennew numru ta’ slides xjentifiċi li huma utli ħafna fit-tagħlim tax-xjenzi.

Matul ir-Randan ta’ din is-sena, bl-għajnuna tal-Istudenti tas-Seminarju Maġġuri t’Għawdex, organizzajna attività karitattiva sabiex ngħinu lil wieħed mill-missjunarji Għawdxin, lil Fr. Anton Grech, li qiegħed fil-Gwatemala. Din l-attività kienet tikkonsisti filli jinġabru fondi minn fost l-istudenti tagħna ħalli Dun Anton ikun jista’ jkabbar il-flieles u joħloq ix-xogħol u fl-istess ħin jipprovdi l-għixien fl-art tal-missjoni fejn qiegħed jaqdi l-missjoni tiegħu. B’hekk, minbarra li nkunu ngħinu fil-ħidma missjunarja tal-Knisja, nkunu qegħdin nedukaw lill-istudenti tagħna sabiex ikunu ġenerużi, u jidraw japprezzaw aktar dak li l-Mulej jipprovdilhom.

Diversi studenti tas-Seminarju Minuri jistinkaw mhux ftit kemm fil-programm skolastiku kif ukoll f’attivitajiet oħrajn barra mill-iskola. Fost dawn din is-sena kellna student li rebaħ l-ewwel premu f’kompetizzjoni internazzjonali ta’ pittura ta’ poster, organizzata bil-parteċipazzjoni tal-Eko-Skola. Inizjattivi bħal dawn ta’ min jinkoraġġiehom ħalli l-istudenti jkomplu jizviluppaw il-hiliet taħħhom u joffru kontribut għall-ġid tal-oħrajn.

L-orkestra tas-Seminarju Minuri issa daħlet fil-ħames sena tagħha. Kull meta din l-orkestra ħadet sehem f’attivitajiet tal-iskola, kull min attenda dejjem kellu kliem ta’ tifħir għall-mod kif is-siltiet mużikali li ġew eżegwiti. Il-lejla, intom ukoll xhud ta’ dan. L-orkestra qegħda toffri sfida sabiħa, motivazzjoni, kif ukoll opportunità fejn dawn l-istudenti ikunu jistgħu jiżviluppaw t-talenti tagħhom. Għalhekk din is-sena akkwistajna Drum Kit komplut għall-użu tal-Orkestra tas-Seminarju Minuri. Minn hawn nirringrazzja lill-ġenituri ta’ żewġ studenti mill-iskola tagħna li ħallsu dan id-drum kit li jiwa’ kważi €900. Din l-orkestra ġiet mistiedna tieħu sehem fil-Musical Għawdex Matul iż-|mien li ser jittella’ mill-Iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, kif ukoll ġiet mistiedna mill-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex biex tieħu sehem fil-ftuħ uffiċjali tal-Villa Rundle waqt l-attività tan-Notte Gozitana.

Peress li matul ix-xhur tas-sajf il-bini tas-Seminarju Minuri is-soltu kien ikun kapital mejjet, ħsibna sabiex minn dan is-sajf li ġej, nibdew nilqgħu l-ewwel mitejn student ġejjin mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea sabiex jitgħallmu l-Ingliż fis-Seminarju t’Għawdex. Minn hawn nirringrazzja lill-iskola tat-TEFL li kienu strumentali sabiex din l-inizjattiva tibda titwettaq.

Qabel nikkonkludi, nixtieq, f’isem is-Seminarju Minuri, nirringrazzja minn qalbi lill-Chev. Frank Gatt, il-Prinċipal tal-Kulleġġ t’Għawdex li rtira f’Jannar li għadda wara diversi snin ta’ ħidma fl-istituzzjonijiet edukattivi f’Għawdex. Lil Chev. Gatt nawgurawlu ħafna aktar snin u saħħa u nawguraw ukoll lil min se jidħol għal din il-kariga. Grazzi lilek ukoll, Eċċ. Mons. Isqof Mario Grech, tal-koperazzjoni u l-għajnuna kollha tiegħek b’risq l-istudenti Għawdxin, lir-Rettur tas-Seminarju Maġġuri Dun Daniel Xerri, lill-Viċi Rettur Dun Michael Curmi u lis-Seminaristi, lill-Għalliema, Form Teachers u lil-Learning Support Assistants, lill-Minor Staff, lill-Pastoral Care Team, lill-PTA, lill-Ġenituri, lill-benefatturi u lill-istudenti. Grazzi partikolari lil Fr. Michael Said, l-Assistant Head, lid-Direttur Spiritwali Fr. Tonio Galea, lill-Orkestra tas-Seminarju taħt id-direzzjoni ta’ Mr. Ivan Farrugia, lill-Kor taħt id-direzzjoni ta’ Mrs. Nataline Attard, lill-istudenti tad-Drama taħt it-tmexxija ta’ Mrs. Irene Meilak, u lid-Direzzjoni tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex, li joffrulna din is-Sala mingħajr l-ebda ħlas kull meta jkollna bżonn. Grazzi wkoll lil dawk kollha li għenu biex setgħet tittella’ din l-attività tal-lejla u, fl-aħħar iżda mhux l-inqas, grazzi wkoll lilkom ilkoll li attendejtu tant numrużi. Is-Seminarju Minuri t’Għawdex jista’ joffri din l-edukazzjoni ta’ kwalità grazzi għall-ħidma u l-koperazzjoni sħiħa ta’ dawn kollha li semmejt.

Grazzi.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/04/21/jum-il-premjazzjoni-fis-seminarju-minuri-ta-gawdex/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.