- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -
Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut
Posted By admin On April 14, 2012 @ 10:04 pm In 2012 | Comments Disabled
IS-SAĊERDOT JIFTAĦ IL-KTIEB TAS-SEWWA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut
Knisja Katidrali – Il-Ħamis 6 ta’ April 2012
Il-Kelma ta’ Alla saret laħam
Il-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna jeħodna Nazaret. Kemm nixtieq li nixxennqu biex aħna wkoll ngħammru f’Nazaret, għaliex hemm seħħ il-Misteru tal-Inkarnazzjoni: il-Kelma ta’ Alla, jiġifieri l-Verb, sar bniedem u għammar fostna. Hekk Nazaret saret depożitarja tal-verità, għax hemm Alla ried ipoġġi u jiddepożita l-verità. Għalhekk tifhmuni jekk dalgħodu nesprimi din ix-xewqa illi s-soċjetà tagħna u pajjiżna jixxennqu biex ikunu bħal Nazaret fil-kuntest kulturali, xjentifku, soċjali u politiku li qed ngħixu fih illum, fejn il-verità hija nieqsa u mkissra biċċa biċċa.
Imma l-Vanġelu jgħidilna wkoll li l-Mulej Ġesù jmur Nazaret, jagħtuh il-ktieb u hu jiftħu. F’din iċ-ċelebrazzjoni solenni, li fiha qegħdin niċċelebraw is-Saċerdozju Kattoliku, irrid insellem lil dawn ħuti fis-saċerdozju li huma msejħa biex, kif insibu fl-Atti tal-Appostli, bħala “ministri tal-Kelma” (Lq 1:4) iħallu ħafna mill-attivitajiet tagħhom ħalli jkunu dawk li jamministraw il-Kelma (Atti 6:4). Bħal Ġesù Kristu, is-Saċerdot il-Kbir, il-presbiteri huma kontinwament imsejħa biex jilqgħu l-Ktieb; mhux biex “jieħdu” jew jippossedu l-Ktieb, għax dan mhux “propjetà privata” tagħna s-saċerdoti imma huwa fdat u mgħoddi lilna ħalli, filwaqt li nilqgħuh, niftħu “il-Kelma ta’ Alla”.
Naqraw il-Ktieb ta’ Alla fid-dawl ta’ Kristu
Dan ifakkarni f’dik is-silta tal-Apokalissi li titkellem dwar il-ktieb li għandu “is-seba’ siġilli” imma ħadd ma jista’ jiftħu. Anzi, kif jgħid il-Profeta Isaija, dan il-ktieb huwa “magħluq għal min jaf jaqra u miftuħ għal min ma jafx jaqra” (29:11). Hija ferm interessanti din it-tixbiha! Il-Ktieb tas-Sewwa huwa magħluq għal min jippretendi li jaf jaqra u miftuħ għal min ma jafx jaqra! Għeżież tiegħi, jidher li fostna dan il-ktieb għandu s-siġilli magħluqin sewwa! Ippruvajna niftħuh b’interpretazzjonijiet ġodda, bil-filosofiji u t-teknoloġiji moderni, imma ma rnexxilniex.
Qed nirreferi għall-Ktieb li jitkellem dwar Alla. Propju għax ma nistgħux niftħuh, qed ngħixu f’dak li l-filosfu Heidegger isejjaħlu “id-deżert ta’ Alla”. Fostna dan id-deżert qiegħed javvanza kuljum: huwa d-deżert tal-ateiżmu. Hawn jinsab l-għerq tal-injoranza tagħna, ladarba għandna l-Ktieb magħluq.
Il-“Ktieb” huwa dwar il-bniedem. Billi huwa magħluq, aħna mifxulin u kontinwament qegħdin ninfixlu u jfixkluna. Għandna ħafna kliem sabiħ dwar dik li tissejjaħ id-dinjità tal-bniedem. Imma min huwa l-bniedem? Il-bniedem huwa biss dak li għandu l-maturità għax mgħobbi biż-żmien, jew huwa wkoll dak li jieħu l-ħajja sa mill-bidu nett tat-tnissil? Ladarba l-Ktieb għadu ssiġillat u ma nafux min huwa l-bniedem, allura nibdew inħawdu dwar x’inhi l-familja, x’inhu ż-żwieġ, xi rwol għandha l-mediċina u x’inhuma d-drittijiet u d-dmirijiet tal-bniedem, bħal fil-każ tal-bilanċ fil-ħin tax-xogħol u l-mistrieħ. F’dan kollu aħna konfużi għax il-Ktieb huwa magħluq!
Dan il-ktieb huwa l-ktieb tal-kuxjenza. Hemm min qed jipprova jisforza biex jiftaħ il-kuxjenza kif irid hu. Qed isiru diversi żbalji f’isem il-libertà tal-kuxjenza. Il-kuxjenza hija ħielsa imma mhix ħielsa mill-verità! Anki hawnhekk qed nagħmlu żball wara l-ieħor għax mingħalina ftaħna dan il-ktieb u nafuh, imma fis-sewwa l-Ktieb għadu magħluq!
L-awtur tal-Apokalissi jgħid illi nstab min kien jistħoqqlu jieħu dan il-ktieb u jkissirlu s-siġilli: il-Ħaruf (5:2). Jiena norbot dan mal-esperjenza ta’ Nazaret, fejn Kristu jidħol fis-sinagoga biex jiftaħ u jkisser is-siġilli ta’ dan il-Ktieb tas-Sewwa. Il-bniedem ma jistax jaqra dan il-ktieb jekk mhux f’riferiment għal Ġesù Kristu. Anki l-bniedem li ma jemminx, peress li huwa naturalment miftuħ għal Kristu, jista’ jiftaħ dan il-ktieb bl-għajnuna ta’ Kristu!
Il-Presbiteri huma Ministri tal-Kelma
Għeżież ħuti fis-saċerdozju, b’umiltà imma fil-verità rridu ngħidu li l-Mulej ħa grazzja magħna u fdalna dan “il-Ktieb tal-Ħajja”. Aħna ġejna misjuba li jistħoqqilna li nieħdu dan il-ktieb u nkissru s-siġilli tiegħu. Għalhekk is-saċerdot huwa l-ministru per eccellenza tal-Kelma. Huwa dak li rċieva l-mandat minn Kristu u l-Knisja biex jevanġelizza. Din il-missjoni mhix ħafifa, għaliex hemm ir-riskju li aħna ma nwasslux il-Kelma li hemm fil-“Ktieb”, imma minflok inwasslu l-kelma tagħna! Hemm il-periklu li ma nwasslux dak li jgħidilna Kristu imma dak li jidhrilna li jiswa għas-soluzzjonijiet pastorali tal-lum! Misjuq mill-ermenewtika kreattiva, ġieli jiġri li s-saċerdot jinterpreta dan il-“Ktieb” kif ifettillu, u flok il-Kelma jipprietka l-fehmiet u l-filosofiji maħluqa minnu nnifsu!
Niftakru li Kristu nnifsu ħass li kellu jafferma: “Din id-duttrina mhix tiegħi imma ta’ Dak li bagħatni” (Ġw 7:16). Kristu ma jippritkax lilu nnifsu, imma huwa l-leħen u l-Kelma tal-Missier. Issa jekk Kristu nnifsu jgħid din il-kelma, għaliex m’għandux jgħidha wkoll is-saċerdot? Għaliex bħala saċerdot għandi nistħi jew nibża’ nistqarr quddiem il-bnedmin li din il-kelma mhix tiegħi imma ta’ Alla u tal-Knisja, u li ladarba mhix tiegħi, irrid inwassalha b’fedeltà u fl-integrità tagħha? Inkella, jekk aħna s-saċerdoti ma jkollniex dan ċar f’moħħna, naslu biex ninnegozjaw “il-Kelma ta’ Alla” jekk mhux ukoll nipprostitwixxuha. Is-saċerdot li jiftaħ fommu biex jgħallem x’tgħid il-Kelma ta’ Alla u l-fidi tal-Knisja, għandu b’wiċċu minn quddiem jistqarr li hu ma jgħixx għalih innifsu imma jgħix ma’ Kristu u fi Kristu, u għalhekk dak li qal Kristu jagħmlu tiegħu anki jekk mhux tiegħu! Il-presbiteru qatt ma huwa sid tal-“Kelma”, imma qaddej tagħha. Hu mhux il-Kelma imma l-leħen tagħha.
Profezija u djalogu
Veru li ħafna drabi aħna s-saċerdoti nkunu vuċi tgħajjat fid-deżert – id-deżert ta’ Alla li semmejt qabel. Imma din hija l-karatteristika tal-profeta. F’ħinu u barra minn ħinu hemm bżonn niftħu dan il-ktieb li aħna ġejna misjubin li jistħoqqilna nkissrulu s-siġilli tiegħu u nikkomunikawh. Tibżgħux tkunu l-profeti tal-lum! Anzi, huwa nuqqas kbir illi l-Knisja taqa’ fil-muta u ma tagħtix dan is-servizz profetiku lill-bniedem tal-lum. Il-qawwa tal-profeta tinsab propju f’li jkun “leħen” distint, fis-sens li ma jħallix li l-messaġġ tiegħu jiġi mittiefes mill-kultura jew mentalità dominanti; mhux b’sens ta’ suppervja, imma għax il-kelma tiegħu hija Kelmet Alla, anzi l-kelma tiegħu hija l-persuna ta’ Ġesù Kristu li huwa t-triq u l-ħajja tal-umanità.
Il-Knisja ma tistax ma tiddjalogax mad-dinja. Imma hemm min, bil-pretest tad-djalogu, jasal biex jikkomprometti l-Ktieb fdat lilu! Il-Papa Pawlu VI fl-enċiklika Ecclesiam Suam jinterpellana biex dan id-djalogu tal-Knisja mad-dinja nikkurawh. Imma Pawlu VI jgħidilna biex noqogħdu attenti, għaliex minħabba r-relattiviżmu l-ħeġġa biex inkunu qrib tal-bniedem ma għandhiex tirriduċi ruħha għal xi għamla ta’ attenwazzjoni jew tqassis tad-duttrina morali u dommatika tal-Knisja. Id-disponibbiltà għad-djalogu ma għandhiex iddgħajjef ir-rispett li għandu jkollna lejn il-fidi tagħna! Ma nistgħux nagħmlu mill-appostolat tagħna xi għamla ta’ kompromess ambigwu f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħsieb u l-azzjoni li jikkwalifikaw it-twemmin Nisrani! Il-Papa Pawlu VI jiftħilna għajnejna biex noqogħdu attenti minn dak li huwa jsejjaħ “iriniżmu” u “sinkretiżmu”, meta, biex inżommu paċi ma’ kulħadd jew biex ikollna reliġjon li tħaddan lil kulħadd, naslu biex nittradixxu l-Ktieb.
Fedeltà għall-Maġisteru tal-Knisja
Fil-kuntest ta’ dan kollu jolqotni l-vanġelu tal-lum meta jgħid li Ġesù mar Nazaret! Ejja mmorru Nazaret aħna wkoll biex nagħmlu s-soċjetà tagħna depożitarja ta’ dan il-Ktieb. Nifhem li għandna bżonn l-għajnuna biex naqrawh u nfissruh. Għandna l-għajnuna tal-Knisja li hija l-vera depożitarja tal-Ktieb. Ħasra li llum nitnaffru xħin wieħed isemmi l-Maġisteru tal-Knisja. Mhux in-nies biss titnaffar, imma anki xi wħud mis-saċerdoti. X’inhu l-Maġisteru jekk mhux għajnuna żgura lill-kuxjenza biex toqgħod għal dik il-verità li diġà hemm miktuba fiha? Kif jgħallem il-Papa Ġwanni Pawlu II, “il-Maġisteru tal-Knisja joffri dik il-verità Kristjana li mhix barranija għall-kuxjenza, għax iqiegħed f’dawl aktar ċar dik il-verità li l-kuxjenza diġà tħaddan”. Aħna s-saċerdoti ma nistgħux nibqgħu lura milli nwasslu d-duttrina għax nibżgħu li jikkritikawna li aħna qisna “pappagall” li nirripetu x’jgħid il-Papa. Qabel ma għandu jkollna d-djalogu mad-dinja, irid ikollna d-djalogu ma’ dak li Kristu poġġa biex iwettaqna fil-fidi u fis-sewwa: is-suċċessur ta’ San Pietru!
Ninbnew fuq il-Kelma ta’ Alla
Qabel ma nafdalkom mill-ġdid “il-Ktieb tal-Kelma” u nfakkarkom f’dak li smajna jidwi f’widnejna dakinhar tal-Ordinazzjoni Presbiterali tagħna – “Ħu l-Vanġelu: emmen dak li taqra, xandar dak li temmen u għix dak li xxandar” –, ma nistax ma ninqediex b’dak li jgħid Pawlu lill-presbiteri ta’ Efesu f’Mileto: “Nitlaqkom f’idejn Alla u l-Kelma tal-grazzja tiegħu li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehem fost dawk li huma kkonsagrati lilu” (Atti 20:32). Ħuti fis-saċerdozju, nitlaqkom f’idejn il-Kelma, mhux tant biex ixxandruha, imma biex tagħmluha mal-Kelma, għax il-fidi tiġi mis-smigħ (Rum 10:17). Ġeremija juri biċ-ċar li s-smigħ tal-Kelma jiġi qabel kull azzjoni oħra tal-kult. Il-profeta jikteb: “Dwar sagrifiċċji u vittmi ma ordnajtilhom xejn meta ħarġu mill-Eġittu. Għidtilhom biss: ‘Isimgħu minn kliemi u jien inkun Alla tagħkom’” (Ġer 7:22-23). L-istess nistgħu ngħidu għall-“Qaddej Sofferenti” li kien ikkonsagrat biex iwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin (Is 61:1) u mibgħut “biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus” (Is 42:1): “Ta kull filgħodu jqajjimli ’l widinti biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem. Sidi l-Mulej fetaħli widinti u jien ma webbistx rasi…” (Is 50:4-5). Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan kollu li qed nirrifletti fuqu magħkom illum, nirrikkmandalkom l-istudji teoloġiċi, il-meditazzjoni fuq il-Kelma ta’ Alla u t-talb.
Nagħmel sejħa lill-poplu ta’ Alla biex issostnu bit-talb tagħkom lil dawn is-saċerdoti u lili bħala ragħaj spiritwali tagħkom, peress li l-Ispirtu tal-Mulej ikkonsagrana biex inwasslu (mhux nimponu) il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin.
Marija ta’ Nazaret, int li kont depożitarja tal-Kelma u tajtna l-Kelma, ifrex il-mant tiegħek fuq il-presbiterju djoċesan tagħna, biex ilkoll nibqgħu fidili għas-sejħa u l-missjoni tagħna. Ammen.
Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org
URL to article: http://gozodiocese.org/2012/04/14/quddiesa-tat-tberik-taz-zjut/
Click here to print.
Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.