- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

INAWGURAT ĊENTRU TA’ AKKOLJENZA F’GĦAWDEX

Posted By admin On March 5, 2012 @ 11:38 am In 2012 | Comments Disabled

INAWGURAT ĊENTRU TA’ AKKOLJENZA F’GĦAWDEX

F’Għawdex ġie inawgurat Ċentru ta’ Akkoljenza li ser ikun joffri kenn alternattiv, sakemm jinstabu soluzzjonijiet oħra, lil persuni jew familji li minħabba problemi diversi jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Wara li l-Kurja ta’ Għawdex identifikat u offriet il-post, il-Ministeru għal Għawdex beda xogħol ta’ ristrutturar u mmodernizzar, bil-għan li ċ-Ċentru joffri ambjent akkoljenti. Dan iċ-Ċentru ġie inawgurat illum, il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu 2012 mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, u ġie mbierek mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

Fil-messaġġ tiegħu l-Isqof Mario Grech qal: “Huwa ta’ sodisfazzjon li llum qegħdin ninawguraw dan iċ-Ċentru li l-bżonn tiegħu kien ilu jinħass f’Għawdex. B’din l-inizjattiva konġunta bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Knisja qegħdin inwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni li, għalkemm jista’ jkollhom il-mezzi, huma nieqsa mill-imħabba. Dawn huma wħud mill-foqra l-ġodda tas-soċjetà ta’ żminijietna. Dun Mikiel Borg, li hu responsabbli mill-Caritas Djoċesana, u għandu jdejh fuq dawn il-każijiet, jikkonfermalna kemm dan il-faqar affettiv qed jikber! Huwa importanti li quddiem il-bniedem maħbut, misruq mill-imħabba u mitluq ma’ ġenb it-triq, ma nibqgħux għaddejjin indifferenti imma bħas-Sammaritan it-tajjeb nieqfu biex noffrulu kura u “dar” għall-kenn.

Però b’dan il-proġett aħna qegħdin nindirizzaw is-sintomi u mhux il-kawża ta’ dan il-faqar! Il-każi li jkollhom bżonn is-servizz ta’ dan iċ-Ċentru ħafna drabi huma dawk li huma neqsin mill-għożża tal-familja! Aktar ma jiżdied il-għadd ta’ dawk li ser jistkennu f’dan iċ-Ċentru, ifisser li aktar ser ikollna familji mifnija bil-problemi! Għalhekk, inizjattiva ta’ din ix-xorta ma tistax ma tkunx akkumpanjata minn rieda politika qawwija biex insaħħu l-għaqda fil-familja. Tkun kontradizzjoni jekk l-istat jimplimenta miżuri li direttament jew indirettament idgħajfu s-saħħa tal-familja, imbagħad jidħol għal inizjattivi bħal din tal-lum!


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2012/03/05/inawgurat-centru-ta%e2%80%99-akkoljenza-f%e2%80%99ghawdex/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.