Premju “Qalb tad-Deheb”

ASSOĊJAZZJONI TAL-FAMILJA

Messaġġ tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-għoti tal-Premju “Familja Qalb tad-Deheb” organizzat mill-Moviment ta’ Kana f’Għawdex, nhar is-Sibt 11 ta’ Frar 2012.

Il-kura ta’ persuni fil-bżonn tal-għajnuna
Il-familja għandha sehem importanti ħafna fis-soċjetà. B’sens qawwi ta’ gratitudni insellem lil dawk il-familji li għażlu li jibqgħu jieħdu ħsieb lill-membri fi ħdanhom li huma morda, diżabbli jew anzjani. Mhux faċli li wieħed jikkwantifika kemm tiswa din il-kura fil-familja; però huwa żgur li meta l-familja ma tibqax toffri dawn is-servizzi, il-piż fuq l-Istat ikun enormi!

L-ewwel ambjent ta’ formazzjoni bażika
Imma mbagħad hemm servizz ieħor imprezzabli li toffri l-familja: il-formazzjoni tal-persuni fi ħdanha. Il-familja hi l-ambjent fejn ir-relazzjonijiet umani jitwieldu u jikbru fil-libertà u, minħabba f’hekk, hija l-post fejn il-“jien” jifforma ruħu u kontinwament jiġġedded fir-relazzjoni mal-“oħrajn”, il-post fejn il-bniedem jagħraf lilu nnifsu u d-dinjità umana tiegħu. Kif osserva ftit ġimgħat ilu l-Prof. Carlo Bresciani fid-diskors li għamel waqt il-Konferenza Djoċesana dwar il-Familja, il-bniedem “huwa ġġenerat minn familja mhux biss fis-sens fiżiku, imma wkoll fis-sens psikoloġiku, kulturali, emozzjonali, komportamentali u spiritwali. Il-familja toffri lill-bniedem l-ewwel kuntatt mad-dinja, hija dik li tati l-ewwel kriterji biex il-bniedem jinterpreta l-esperjenza sabiħa tal-ħajja u tar-relazzjonijiet diversi li minnhom hi minsuġa, fosthom ir-relazzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ sesswalità (ir-raġel u l-mara) li minnhom hi magħmula n-natura umana”.

Paternità u maternità (ir)responsabbli?
Dan il-kontribut tal-familja huwa insostitwibbli, tant li ebda istituzzjoni oħra ma tista’ toffri l-istess kwalita ta’ ambjent ta’ umanità li toffri l-familja f’dan ir-rigward. Għalhekk bir-raġun għandna nitħassbu meta llum kważi terz tat-trabi qegħdin jitwieldu barra miż-żwieġ! Dan ifisser li fi żmien għoxrin sena oħra, ser ikollna terz tal-ġenerazzjoni żagħżugħa mċaħħda mill-esperjenza ta’ familja sħiħa! Kollox juri li min verament irid ikollu viżjoni fit-tul għal pajjiżna, irid jaħdem bis-serjetà biex il-familja tagħna ma tiddgħajjifx u biex nibqgħu ngħożżu s-sens tal-familja.

Assoċjazzjoni favur il-familja
F’dan il-kuntest nissuġġerixxi li almenu nibdew nirriflettu dwar jekk huwiex il-waqt li f’pajjiżna titwaqqaf assoċjazzjoni tal-familja bil-għan li tħares id-drittijiet tal-familja fid-diversi oqsma tal-ħajja, bħalma huma fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-ekonomija, fid-dinja tax-xogħol, fid-divertiment, fil-politika, eċċ. Il-familja hija “suġġett” bid-drittijiet u r-responsabiltajiet proprji tagħha. Kif illum nitkellmu mid-drittijiet tal-irġiel, tan-nisa u tal-ulied, irridu nitkellmu wkoll mid-dritt tal-familja bħala “soċjetà”. Jekk sal-lum il-familja Maltija dejjem ħalliet lil ħaddieħor jitkellem dwarha, wasal iż-zmien li l-familja jkollha vuċi fid-dibattitu soċjali u politiku. Il-familji huma l-“protagonisti” fil-politika tal-familja. Ma jistgħux ifarfru r-responsabiltà li jkunu l-vuċi tad-drittijiet inaljenabbli tal-familja. Bħalma jeżistu l-għaqdiet li ġustament jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema, tal-konsumatur, tal-annimali, għaliex ma għandux ikollna għaqda li tirrappreżenta lill-familji biex tgħasses ħalli l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ikunu jirrispettaw id-drittijiet naturali ta’ din is-soċjeta naturali – il-familja? Kif fostna hawn diversi gruppi bil-għan li jagħmlu pressjoni pubblika – bħalma huma dawk favur l-ambjent jew dawk kontra ċ-ċensura –, għaliex ma għandniex nikkunsidraw li jkollna grupp ta’ familji li jaħdem favur il-familja?

Din l-għaqda tal-familji ma għandhiex tkun konfessjonali, għax ir-realtà tal-familja hija waħda naturali. Il-ħarsien tal-familja huwa valur lajk (mhux reliġjuż) u hija l-qagħda prekarja preżenti tal-familja li qiegħda tiddetta din il-ħidma koordinata favur id-drittijiet tal-familja. Dan ma jfissirx li l-Insara ma għandhomx x’joffru f’dan il-kamp. Infatti l-qofol tal-valuri Nsara dwar iż-żwieġ u l-familja jaqblu mal-valuri umani. Għalhekk għal dawk kollha li jemmnu fil-familja mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, it-twaqqif ta’ din ix-xorta ta’ assoċjazzjoni joffri opportunità biex l-istituzzjoni tal-familja tibqa’ rrispettata bħala kisba għad-dinjità tal-bniedem u għall-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri.