“GĦASSIES, FIEX INHU L-LEJL?”
Diskors ta’ Mons Isqof Mario Grech
Laqgħa tal-bdil tal-awguri mas-saċerdoti
Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù – Is-Sibt 7 ta’ Jannar 2012
Sfidi u tiġdid
“Għassies, fiex inhu l-lejl?” (Is 21,11) staqsew ħerqana l-Edomiti li kienu mxekla fl-eżilju tal-Babilonja. Din l-istess mistoqsija qed jagħmlu l-Insara ta’ rieda tajba li qed jaħbtu jaqtgħu qalbhom minħabba l-lejl mudlam li għaddejja minnu l-Knisja bħalissa! Huwa minnu li l-prattika reliġjuża qed tonqos. Il-Maġisteru sikwit qed jiġi kkuntestat. Stili ta’ ħajja li huma f’kuntrast mal-Liġi t’Alla huma aċċettati. Skandli minn nies tal-Knisja. Individwi li qed jabbandunaw il-fidi. Quddiem dawn il-fenomeni bir-raġun tasal f’widnejna l-mistoqsija: għassies, fiex inhu l-lejl?
Għall-opinjonisti u s-soċjoloġi tagħna dawn huma sinjali ta’ Knisja li nieżla fil-qiegħ! Imma min jemmen ma jistax ma jagħtix interpretazzjoni differenti ta’ dawn il-ġrajjiet. Infatti, jien nemmen li llum il-Knisja għaddejja minn fażi fl-istorja tagħha fejn l-Ispirtu t’Alla jrid iġeddidha biex terġa’ tikseb il-ġmiel li kellha fil-bidu ħalli hekk tkun tista’ tagħmel lil Kristu preżenti fid-dinja u tkun “aħbar tajba”. Aħna s-saċerdoti għandna bżonn nimtlew b’dan il-kuraġġ u b’din it-tama, mhux biss biex inkunu nistgħu nagħtu tweġiba lil min jistaqsina fiex wasal il-lejl, imma wkoll biex aħna stess ma naqtgħux qalbna u ninżlu minn fuq it-torri tal-għassa!
Sinjali ta’ tama
Huwa minnu li l-lejl huwa twil u d-dlam huwa tqil; imma huwa minnu wkoll li xi drabi, meta bil-lejl is-sema jkun ċar, minkejja li jkunu żgħar il-kwiekeb jarmu dawl li jikser id-dlam. Għalhekk inkun nonqos jekk, minkejja s-sinjali negattivi li għadni kif semmejt, ma nirrikonoxxix li fil-komunità ekkleżjali hemm esperjenzi u inizjattivi pastorali interessanti. Nirreferi għal xi ftit li kellna matul is-sena li għaddiet. F’dak li għandu x’jaqsam mal-formazzjoni kontinwata tagħna s-saċerdoti, minn Ottubru li għadda niedejna programm b’laqgħat ta’ kull xahar għall-presbiteri li hemm Ruma. Il-Kummissjoni Familja, barra li baqgħet għaddejja b’diversi korsijiet kemm għall-għarajjes kif ukoll għall-koppji miżżewga, irnexxielha tingaġġa għadd sabiħ ta’ koppji li jmexxu l-laqgħat. Qed taħdem fuq it-tieni Konferenza Djoċesana dwar il-Familja li ser terġa’ tiġi organizzata ħmistax oħra. Il-Kummissjoni Liturġika nediet sensiela ta’ seminars dwar temi liturġiċi. Il-Kummissjoni Kateketika kompliet tagħmel reklutaġġ ta’ aktar katekisti ġodda. Il-ħidma għall-vokazzjonijiet ħadet xeħta aktar strutturata u ġiet intensifikata. Għat-tieni sena konsekuttiva t-Tribunal Ekkleżjastiku reġa’ kkonkluda 19-il kawża matrimonjali – hawn nixtieq irrodd ħajr lill-Vigarju Ġudizzjali l-Kappillan il-Kan. Dun Edward Xuereb, li kien stumentali biex jinkiseb dan ir-riżultat! Fuq kollox f’Awwissu waqqafna l-monasteru tas-sorijiet Klarissi li issa l-komunità hija magħmula minn 4 sorijiet. Insemmi wkoll l-esperjenza maż-żgħazagħ f’Madrid fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u ż-zjara pastorali fl-Awstralja. Dawn l-esperjenzi u aktar huma sinjali ta’ komunità ekkleżjali ħajja.
Ħtieġa ta’ tisfija
Huwa minnu li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar naraw il-Knisja titneżża’ minn dak li kien jagħmilha sabiħa u qawwija quddiem id-dinja. Ħadulha mhux biss in-nies imma wkoll l-infuwenza li kellha fuq is-soċjetà. Ħatfulha l-beni – tant li llum m’aħniex komdi biex nagħmlu l-inizjattivi pastorali li jidhrilna li huma meħtieġa. B’daqshekk però ma jfissirx li l-Knisja tilfet il-ġmiel u l-qawwa proprja tagħha! Filwaqt li nirrikonoxxu li għamlu sew ta’ qabilna meta neżgħu minn dak li ma kienx essenzjali għall-missjoni tal-Knisja, wieħed jawgura li nkunu aħna stess li nkomplu ntajru minn fuqna ż-żejjed li maż-żmien inġabar u taqqal il-mixja tal-Knisja, biex imbagħad joħroġ iktar bid-dieher li l-qawwa tal-Knisja mhix l-istruttura u l-ħiliet umani u organizzattivi imma hija dik ġejja minn Alla; fl-istess waqt nagħtu tweġiba lil dawk li għadhom jaħsbu li Knisja għandha bżonn xi alleanza politika biex iżżomm wieqfa! Jimliena b’kuraġġ San Pawl meta jgħid li “meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (2Kor 12,10). Meta l-irħieb ta’ Tibhirine fl-Alġerija kienu mhedda u lemħu r-riskju li l-istrutturi tal-Knisja ma kellhomx futur, ftit jiem qabel qatluhom wieħed minnhom kiteb hekk: “Ftit xhur oħra x’ser jibqa’ mill-Knisja fl-Alġerija, mis-sinjali viżibbli tagħha, mill-istrutturi tagħha u l-persuni li jiffurmawha? Bi probabiltà kbira ser jibqa’ ftit li xejn! Imma nemmen li l-Evanġelju nżera’ u l-qamħ għad jinbet. L-Ispirtu jaħdem fil-profondità tal-qalb tal-bnedmin. Nibqgħu nkunu disponibbli biex l-Ispirtu jkun jista’ jaħdem fina permezz tat-talb u l-preżenza kollha mħabba ta’ ħutna kollha” (Regno-Attualità, 18, 2010, 592).
Dan kollu huwa parti mill-proċess ta’ tisfija li l-Knisja jeħtieġilha tgħaddi minnu biex tiġġeded u terġa’ tkun kif kienet fil-bidu: il-progett t a’ Alla u mhux tal-bnedmin. Lejliet il-bidu tat-tielet millennju, Ġwanni Pawlu II kiteb li l-Knisja ma tistax tgħaddi minn fuq l-għatba tal-millennju l-ġdid mingħajr ma timbotta lil uliedha biex jissaffew billi jindmu mill-iżbalji, l-infedeltajiet, l-inkoerenzi u t-telqa. Li wieħed jagħraf in-nuqqasijiet tal-bieraħ huwa att ta’ lealtà u ta’ kuraġġ li jgħinna biex insaħħu l-fidi tagħna u jippreparana biex nilqgħu għat-tfixkil u d-diffikultajiet tal-lum” (TMA 33). Il-Papa Benedittu XVI jippreċiża li d-diffikultajiet ma jinqalgħux biss minħabba kawżi esterni imma wkoll minħabba dnubiet u infedeltajiet interni fil-Knisja: “L-attakki fuq il-Papa u l-Knisja mhux ġejjin biss minn barra … L-ikbar persekuzzjoni tal-Knisja ma tiġix mill-għedewwa li hemm barra, imma titnissel mid-dnub li hemm fil-Knisja. Għalhekk, il-Knisja għandha ħtieġa profonda li terġa’ titgħallem x’inhi l-penitenza, li taċċetta t-tisfija” (Intervista lill-ġurnalisti, Mejju 2010).
L-isfida ta’ kultura mingħajr Alla
Huwa fatt li qed naraw jiżvolgi quddiemna għamla ta’ “Neopaganiżmu”. Il-kultura emerġenti tal-lum tirrifjuta kull riferiment għall-fidi. Qed naraw tiftaħ quddiemna kultura mingħajr Alla, materjalista u konsumista li twitti t-triq għal devjazzjonijiet morali u għamliet ta’ vjolenza ħafna drabi aktar mirquma minn dawk ta’ żmien il-paganiżmu antik. Kif jikkumenta l-Papa Benedittu XVI fl-enċiklika Caritas in veritate, il-bniedem tal-lum huwa konvint iżżejjed mill-awtonomija tiegħu: “Xi drabi l-bniedem modern b’mod żbaljat huwa konvint li huwa l-uniku awtur tiegħu nnifsu, ta’ ħajtu u tas-soċjetà. Din hija preżunzjoni, frott ukoll tal-fatt li l-bniedem egoistikament jingħlaq fih innifsu, li f’temini tal-fidi ngħidu li gejja mid-dnub tal-bidu. L-għerf tal-Knisja dejjem tenna li hemm bżonn inżommu quddiem għajnejna d-dnub oriġinali anke meta ninterpretaw il-fatti soċjali u fl-impenn tagħna li nibnu s-soċjetà. Meta ninsew li l-bniedem għandu natura midruba u li tmil lejn il-ħażin, isiru żbalji serji fil-kamp tal-edukazzjoni, tal-politika, tal-azzjoni soċjali u tal-imġiba”(n.34) (1). Fi kliem il-ħassieb Romano Guardini, “wara l-fehma li wieħed ikun awtonomu hemm il-ħsieb mhux biss li l-bniedem jieqaf fuqu nnifsu, imma wkoll li jattakka lil Alla. Fehma bħal din tafferma li l-bniedem, fil-karattru etiku tiegħu, huwa assolut” (Etica, 486) (2). Għaldaqstant, il-politika u l-ekonomija huma meqjusa bħala sistemi a-etiċi. Il-Pożitiviżmu u x-Xjentiżmu jinjoraw dak kollu li ma jaqax taħt is-sensi. Ir-reliġjon hija tollerata bħala xi ħaga suġġettiva mingħajr ebda rilevanza pubblika.
Xi darba fil-Knisja tingħata l-impressjoni li għadna ma rridux nammettu li għaddej dan il-proċess ta’ skristjanizazzjoni. Hemm min għadu joħlom li għadna ngħixu f’dak li kien jissejjaħ “ir-reġim tal-Kristjanità”, fis-sens li għadna f’dik il-fażi tal-istorja fejn il-Kristjaneżmu kien il-mutur tal-kultura, tal-ħajja soċjali u politika! Frott ta’ din il-konvinzjoni żbaljata l-impenn pastorali huwa l-istess bħalma kien ilbieraħ meta d-dinja kienet differenti għaliex il-valuri morali Kristjani kienu l-valuri tal-parti l-kbira tas-soċjetà!
Lingwaġġ ġdid għal verità eterna
Meta għandna ma’ wiċċna din is-sitwazzjoni, kif jikteb il-Papa Benedittu fil-ktieb “Luce del mondo”, “huwa importanti għalhekk li l-fidi Kattolika tiġi proposta b’mod ġdid u tiġi ppreżentata bħala qawwa ta’ għaqda, solidarjetà u ftuħ għall-etern ta’ dak li huwa fiż-żmien” (3). Huwa jkompli jgħid li hemm bżonn li r-reliġjożità terġa’ tiġġenera ruħha u ssib “espressjonijiet ġodda li jistgħu jiftehemu. Il-bniedem ta llum ma jifhimx mill-ewwel li d- fuq is-salib Kristu xerred demmu biex ipatti għal dnubietna. Dawn huma formuli kbar u veri, imma ma għandhomx post fil-forma mentis tagħna u fil-mod kif aħna qed inħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna. Għalhekk dawn il-formuli jeħtieġu jiġu tradotti u mifhuma b’mod ġdid. Hemm bżonn nifhmu li l-kunċett ta x’inhu ħażin verament jeħtieġ li jiġi maħsub u mfisser mill-ġdid”(192) (4).
Mhix sfida faċli li nsibu lingwaġġi ġodda filwaqt li nibqgħu fidili lejn il-verità tal-Vanġelu! Il-Papa fl-istess ktieb ikompli jgħid: “hemm bzonn nistaqsu dejjem jekk dak li fiz-zmien kien jgħodd bħala essenzjalment kristjan, kienx biss espressjoni ta epoka partikulari. X’inhu tassew essenzjali? X’inhu dak li għandu x’jaqsam mal-Evanġelju? X’inhu dak li jinbidel maż-żmien li jinbidel? X’hemm li mhux evanġeliku? Fl-aħħar mill-aħħar l-aktar ħaġa importanti hija li din id-distinzjoni issir sewwa” (5).
Il-kontribut tat-teoloġija biex tixxandar il-fidi
F’dan il-kuntest l-evanġelizzazzjoni l-ġdida teħtieġ “teoloġija ġdida” biex issir proposta ġdida. Fi kliem ieħor huwa opportun li naħsbu mill-ġdid il-veritajiet tal-fidi biex nesprimuhom b’kunċetti u idjoma tal-lum. Hija interessanti l-isfida li jagħmel it-teologu Bruno Forte meta jgħid li llum għandna bżonn “teologia più fedele alla terra” – fis-sens li tkun teoloġija kapaċi li tindirizza temi marbutin mal-ħajja konkreta tal-bniedem. Il-predikazzjoni tagħna trid iżżomm ħajja t-tensjoni eskatoloġika bejn l-“issa” e “mhux issa” proprja tal-fidi fi Kristu. Aħna nafu li aħna wlied Alla, imma x’ser inkunu ’l quddiem mhux muri lilna (ara 1 Ġw 3,2)! Din il-fedeltà għat-tensjoni bejn il-già u non ancora tgħinna nkunu l-kuxjenza kritika ta’ dak li jkun qed jiżvolġi quddiemna fis-soċjetà fejn ma hemm xejn li huwa infinit u permanenti, fejn dak li huwa fiż-żmien huwa l-antiporta għall-etern! Teoloġija li hija aktar fidila għad-dinja tfisser ukoll li aħna nkunu aktar attenti biex nisimgħu d-domandi tal-bniedem tat-triq biex ngħinuh isib it-tweġiba fid-dawl ta’ dak li jrid Alla mill-bniedem jew aħjar fid-dawl ta’ dak li hu l-bniedem.
Imbagħad għandna bżonn “teologia più teologica” – teoloġija li hija aktar leali lejn is-sema, teoloġija li taf tħares lejn id-dinja però fil-kuntest tal-primat assolut ta’ Alla. Il-Maġisteru huwa għodda indispensabbli f’din it-tfittxija. It-teoloġija mhix tant x’jaħseb il-bniedem dwar Alla, imma x’jaħseb Alla fuq il-bniedem. Għalhekk it-teologu mhuwiex biss il-bniedem intelliġenti imma l-bniedem tal-fidi. Għalhekk għandna bżonn ta’ teoloġija aktar mistika u li tkun radikata fil-kontemplazzjoni t’Alla u fl-esperjenza liturġika tal-misteru. It-teologu huwa dak li jfittex il-ktieb imma huwa wkoll dak li joqgħod għarkupptejh fil-preżenza t’Alla!
Għandna bzonn teoloġija li tgħin biex jinstab kunsens etiku ġdid u għalhekk teoloġija li tkun mill-aktar etikament responsabbli. Il-kriżi tal-kuxjenza postmoderna hija kkawżata mill-fatt li għebu r-riferimenti li għandhom il-qawwa li jimmotivaw l-impenn morali. It-teoloġija Kristjana ma tistax tassenti ruħha minn dan id-dibattitu etiku li għaddej fis-soċjetà – għax anke dawk li jemmnu li ma hemmx etika huma sieħba f’dan id-dibattitu. Għalhekk huwa kompitu tat-teoloġi biex jgħaqqdu flimkien id-dommatika u l-etika, il-logos mal-ethos, il-verità u r-rifless tal-ġmiel tagħha fl-istorja!
Evanġelizzaturi “ġodda”
Din it-teoloġija ġdida għandha bżonn imbagħad ta’ min ixandarha u jgħallimha. Il-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej, li dan l-aħħar iċċelebra l-40 sena mit-twaqqif tiegħu, fil-messaġġ finali tkellem mill-bżonn ta’ “nuova audacia missionaria”. Dan il-proġett missjunarju jitlob li jiżdiedu l-operaturi pastorali kemm fin-numru kif ukoll fil-kwalità. Infatti l-Evanġelizzazzjoni l-ġdida qabel ma hija kwistjoni ta’ modalità ta’ kif issir l-evanġelizzazzjoni, hija kwistjoni prettamente ontologica. Fi kliem ieħor, biex l-Evanġelju jitħabbar mill-ġdid jenħtieġu l-ewwel u qabel kollox “evanġelizzaturi ġodda” li jħabbruh bix-xhieda u mhux biss bil-kliem. L-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu jiġi kkomunikat biss minn persuni li jitkellmu b’ħajjithom, bil-ġesti u l-għażliet li jagħmlu f’ħajjithom. Huma dawn il-ħabbara li jitkellmu “bis-setgħa” (Mark 1,22).
Is-sehem tal-lajċi fit-tiġdid tal-Knisja
Però, minbarra t-tiġdid spiritwali tagħna s-saċerdoti, ċertament hemm it-tħassib dwar min ser ikunu dawn il-ħaddiema. Fil-fehma tiegħi mhix ’il bogħod il-ġurnata li anke fuq livell ta’ parroċċi jkollna nassumu operaturi pastorali lajċi biex jgħinuna. Dwar dan kemm-il darba tkellimt b’mod miftuħ mal-kappillani. Biex ikollna dawn irridu ninvestu fihom kemm f’dik li hija formazzjoni kif ukoll sostentament. Imma biex nidħlu għal dan l-impenn irid ikollna wkoll il-mezzi. Kif aħna, diġà hija problema għax jien miniex kuntent bis-sistema remunerattiva tas-saċerdoti li huma a tempo pieno fil-pastorali. Qed nagħmel ħilti biex niġbor il-ftit li għandna (kif fl-aħħar mill-aħħar dakinhar tal-konsagrazzjoni episkopali tiegħi ħadt il-ġurament li nagħmel) u nara kif ser nassigura li jkollna t-tnejn: jigifieri sistema ta’ sostentament aktar dinjituża u ġusta u riserva biex fi ftit żmien ieħor ma jkollniex diffikultà biex nassumu pastoral associates.
Nifhem li l-kappillani li mhumiex kuntenti għax l-amministrazzjoni teħdilhom ħafna mill-ħin illi jixtiequ japplikaw għall-evanġelizzazzjoni. Din it-tensjoni ngħaddi minnha jien ukoll. Mhux il-pjaċir tiegħi nittratta problemi amministrattivi – imma minn dawn għandna u rrodd ħajr lil dawk il-lajċi li qegħdin jgħinuna biex ċerti problemi amministrattivi akuti jissolvew. Nerġa’ ntenni li l-mezzi huma neċessarji għall-ħidmiet pastorali tagħna.
Kristu t-tama u ċ-ċertezza tal-Knisja
Fid-dawl ta’ dan kollu, għall-mistoqsija dwar “fiex inhu l-lejl?”, nagħti t-tweġiba li ta l-profeta Isaija: “jasal is-sebħ u l-lejl ukoll” (Is 21,12). Din nistgħu ninterpretawha fis-sens li anke jekk għadna fil-lejl, is-sebħ jasal żgur – anzi, is-sebħ wasal fil-persuna ta’ Ġesù Kristu rebbieħ fuq il-ħażen. Din hija l-konvinzjoni li għandu bżonn il-bniedem, partikularment l-“għassies” innifsu: li fi Kristu hemm ir-rebħa definittiva.
_______
(1) Talvolta l’uomo moderno è erroneamente convinto di essere il solo autore di se stesso, della sua vita e della società. È questa una presunzione, conseguente alla chiusura egoistica in se stessi, che discende – per dirla in termini di fede – dal peccato delle origini. La sapienza della Chiesa ha sempre proposto di tenere presente il peccato originale anche nell’interpretazione dei fatti sociali e nella costruzione della società: « Ignorare che l’uomo ha una natura ferita, incline al male, è causa di gravi errori nel campo dell’educazione, della politica, dell’azione sociale e dei costumi ».
(2) “Dietro l’idea di autonomia ci sia una pretesa che non solo vuole fondare l’uomo in se stesso, ma attacca Dio! Ciò che essa afferma è che l’uomo, nel suo carattere etico, sia assoluto”.
(3) “Tanto più importante è percio che la fede cattolica si presenti in modo nuovo e vivo e si mostri come forza di unità, di solidarietà e di apertura all’eterno di ciò che è nel tempo”.
(4) “nuove forme espressive di comprensione. L’uomo di oggi non capisce più immediatamente che il Sangue di Cristo sulla Croce è stato versato in espiazione dei nostri peccati. Sono formule grandi e vere e che tuttavia non trovano più posto nella nostra forma mentis e nella nostra immagine del mondo, che devono essere per così dire tradotte e comprese in modo nuovo. Dobbiamo nuovamente capire, ad esempio, che il concetto di male ha davvero bisogno di essere riconcepito” (192).
(5) “Bisogna sempre chiedersi cosa, di quello che un tempo valeva come essenzialmente cristiano, sia stato in realtà solo espressione di una data epoca. Cosa è veramente essenziale? Cosa appartiene al Vangelo? Cosa cambia col mutare dei tempi? Cosa non gli appartiene? Il punto decisivo in fin dei conti consiste sempre nel fare la giusta distinzione”.