DIGRIET
ĦATRA TA’ MONSINJUR ONORARJU
TAL-KAPITLU KATIDRALI
Lill-għażiż ħija fis-saċerdozju Mons. Guzepp Gauci,
Sewwa u xieraq li nuru l-apprezzament tagħna għad-don tas-saċerdozju li l-Mulej ta lill-Knisja fil-persuna ta’ Mons. Guzepp Gauci, saċerdot mill-parroċċa ta’ San Ġorġ. Għax biżżejjed ħarsa ħafifa lejn dawn is-sitta u erbgħin sena li inti ilek presbiteru, tikkonferma kemm int mhux biss ħabrikt fl-apostolat varju li kellek imma dejjem urejt predilezzjoni għas-saċerdozju.
Infatti kont għadek m’initx saċerdot meta bdejt tgħallem fis-seminarju minuri tagħna li barra li huwa skola sekondarja ta’ livel huwa ukoll mixtla tal-vokazzjonijiet. Imbagħad bħala prefett tal-istudju fis-Seminarju Maġġuri u Minuri għal seba snin segwejt il-formazzjoni akkademika ta’ dawk li kienu jitħejjew għas-saċerdozju. Għaddejt ċerti snin bħala prefett tad-dixxiplina tas-Seminarju Minuri. Issa dan l-aħħar aċċettajt li tgħinni fil-ġbir ta’ xhieda fil-proċess tal-beatifikazzjoni ta’ wieħed mis-saċerdoti tagħna, Dun Mikiel Attard.
Dawn l-uffiċċji kienu msieħba minn ħidma oħra marbuta mal-ministeru tiegħek. Għal għaxar snin kont Chaplain Djoċesan taż-Żgħażagħ Ħaddiem Insara. Kont u għadek tgħin fil-formazzjoni spiritwali tan-novizzi u s-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta. Xhieda tal-impenn tiegħek f’dan il-qasam, dejjem b’inizjattiva tiegħek, inti għażilt li tapprofondixxi l-kitbiet tal-Qaddejja ta’ Alla Madre Margherita Debrincat biex hekk għaraft toħroġ l-karatteristiċi spiritwali ta’ din is-soru li tgawdi fama ta’ qdusija. Nirrikonoxxi li l-kitbiet tiegħek dwar dan is-suġġett llum huma riżorsa unika għal min jixtieq jixrob mill-għajn ta’ perfezzjoni nisranija.
Il-parroċċa ta’ San Ġorġ kienet u għadha l-għalqa tad-dwieli li ħabbejt u ħdimt biex taraha trodd għeneb bnin. Għal tmien snin kont Vigarju Parrokkjali u kont ukoll l-ewwel Kanoniku Teologu tal-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ.
Il-Mulej mhux biss żejnek b’kelma ħajja tant li inti wieħed mill-predikaturi mfittxija fid-Djoċesi imma tak ukoll pinna tajba. Infatti barra diversi kitbiet ta’ natura spiritwali u pastorali, inti ppublikajt il-ktieb “Il-Prinċep tal-Martri” frott ta’ riċerka li int għamilt dwar il-kult u l-ikonografija universali ta’ San Ġorġ Martri.
Meta inqis dan kollu, jien ħassejt li għandi naħtrek Monsinjur Onorarju tal-Kapitlu tal-Katidral tagħna. Għalhekk wara li bl-ittra tal-24 ta’ Diċembru 2011 ir-Reverendu Kapitlu kkomunikali l-parir favorevoli għal din in-nomina tiegħek, bil-preżenti naħtrek Kanoniku Onorarju bid-drittijiet u d-dmirijiet skont l-istatuti tal-imsemmi Kapitlu.
Maħruġ mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu,
25 ta’ Diċembru 2011.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Mons. Salv Debrincat
Kanċellier