DIGRIET ĦATRA TA’ MONSINJUR ONORARJU TAL-KAPITLU KATIDRALI

DIGRIET
ĦATRA TA’ MONSINJUR ONORARJU

TAL-KAPITLU KATIDRALI

Lill-għażiż ħija fis-saċerdozju Mons. Anton Sultana,

Bħalma djamant jilma bid-diversi lwien sbieħ tiegħu, hekk ikanġi l-ministeru presbiterali tiegħek li inti b’dedikazzjoni u mħabba eżeriċtajt matul dawn l-aħħar wieħed u erbgħin sena minn meta kont ordnat saċerdot fl-1970 mill-predeċessur maħbub tiegħi l-E.T. Mons. Nikol G. Cauchi. Id-diversi inizjattivi pastorali li ħadt matul dan il-perijodu jixhdu d-dinamiżmu spiritwali u apostoliku li bih inti mgħoni u wieħed jawgura li jara f’kull presbiteru. Infatti l-ħidma tiegħek tvarja minn ħidma organizzattiva għal waħda aktar intimista.

F’dik li hija organizzazzjoni ta’ strutturi pastorali, l-kontribut tiegħek kien strumentali fil-parroċċa nativa tiegħek tal-Qala kemm fis-snin li kont Vigarju Parrokkjali kif ukoll fid-disa snin li kont Arċipriet tal-istess parroċċa. Il-kapaċita ta’ ragħaj wrejtha ukoll f’diversi mandati li ngħatajt f’parroċċi differenti fiż-żmien li għamilt fl-Istati Uniti tal-Amerka, fl-Ingilterra u fl-Italja. Kienet din l-abbiltà amministrattiva li swietlek biex torganizza l-Lumen Christi Bookshop u r-rivista djoċesana “Il-Ħajja f’Għawdex”; ma nistax ma nirrikonoxxix li f’din ta’ l-aħħar, fejn għadek impenjat, inti qiegħedt bażi soda li fuqha nixtiequ nkomplu nibnu fil-futur.

Imma barra l-organizzazzjoni tal-istrutturi nista ngħid li int kont ħafna disponibili biex f’ċertu sens tgħin lill-persuni jorganizzaw lilhom infushom. Dan nixhdu jien personalment meta fis-snin tal-formazzjoni tiegħi għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tagħna int għamilt perijodu bħala Assistent Direttur Spiritwali tagħna. L-istess servizz inti offrejtu liż-żgħażagħ meta kont Direttur Spiritwali tas-Sixth Form fl-iskola Sir Mikelang Refalo. Dan biex ma nsemmix l-ħidma ordinarja tiegħek bħala saċerdot li ex-ufficio għandu l-ħidma delikata li jgħin fil-formazzjoni tal-kuxjenza u jakkumpanja lill-insara fil-pellegrinaġġ spiritwali.

Biex inti stajt toffri dan is-servizz speċifikament spiritwali, barra l-istudji li għamilt appena sirt saċerdot meta mort fl-istitut Ignatianum f’Messina, int segwejt kors ta’ studji speċjalizzati fl-iskola tad-Diretturi Spiritwali mal-komunita tal-Benedittini f’Pecos fi New Mexico.

L-intuwizzjoni spiritwali u pastorali li naqqaxt fil-qlub, kemm meta kont fil-pastorali kif ukoll fil-qasam tad-direzzjoni spiritwali, naqqaxtha wkoll b’linka fuq il-karta, tant li fiż-żmien tajtna tlett kotba ta’ spiritwalità kontemporanja.
Il-ħeġġa pastorali mbuttatek biex tfittex mergħat aktar wiesgħa u għalhekk llum hija ta’ sodisfazzjon li għandek esperjenza twila ta’ ħamsin sena fil-ġurnaliżmu kattoliku ta’ pajjiżna. Barra l-kontribuzzjonijiet ta’ artikli reliġjużi u kulturali f’diversi ġurnali imma ħabbejt ukoll il-ġurnal djoċesan “Il-Ħajja f’Għawdex” u naf kemm batejt u qed tbati biex dan il-ġurnal kiseb il-livell li għandu llum.

Meta inqis dan kollu, jien ħassejt li għandi naħtrek Monsinjur Onorarju tal-Kapitlu tal-Katidral tagħna. Għalhekk wara li bl-ittra tal-24 ta’ Diċembru 2011 ir-Reverendu Kapitlu kkomunikali l-parir favorevoli għal din in-nomina tiegħek, bil-preżenti naħtrek Kanoniku Onorarju bid-drittijiet u d-dmirijiet skont l-istatuti tal-imsemmi Kapitlu.

Maħruġ mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu,
25 ta’ Diċembru 2011.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċellier