- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Konferenza Nazzjonali “Biżżejjed għal Kulħadd” - Diskors ta’ Mons Isqof Grech

Posted By admin On December 17, 2011 @ 10:01 pm In 2011 | Comments Disabled

ŻVILUPP UMAN SOSTENIBBLI

Dalgħodu, is-Sibt 17 ta’ Diċembru 2011, fil-Kurja t’Għawdex saret it-tielet sessjoni tal-Konferenza Nazzjonali “Biżżejjed għal Kulħadd” dwar ir-riżorsi ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżna, organizzata mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent. Il-laqgħa ta’ dalgħodu nfetħet b’diskors mill-E.T. Isqof Mario Grech:

“Minkejja li fl-aħħar kwart ta’ seklu rajna reviżjoni importanti dwar x’nifhmu bi żvilupp, nibża’ li fostna fadal minn għadu bil-kunċett ta’ “żvilupp produttivista”, fis-sens li f’ċerti mħuħ għadu jipprevali l-mudell li jiffavorixxi l-aspett ekonomiku, il-kwantità tal-produzzjoni u tal-konsum b’detriment għall-aspetti soċjali, kulturali u ambjentali! Fis-soċjetà tagħna teżisti l-kultura li żvilupp ifisser li tirreġistra l-profitti biex hekk jitkattar il-ġid ekonomiku, imma, kif josserva l-Papa Benedittu XVI fl-aħħar enċiklika tiegħu Caritas in veritate, “profit is useful if it serves as a means towards an end that provides a sense both of how to produce it and how to make good use of it. Once profit becomes the exclusive goal, if it is produced by improper means and without the common good as its ultimate end, it risks destroying wealth and creating poverty”.

F’dan il-kuntest, napprezza l-inizjattiva tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent li qed torganizza din il-Konferenza Nazzjonali li, fost ħwejjeġ oħra, qed tiddiskuti l-kunċett ta’ żvilupp li għandu jitħaddem mill-bniedem illum.

Illum nitkellmu minn “żvilupp sostenibbli” u definiżjoni li hija aċċettata minn ħafna hija dik mogħtija fl-1987 mill-Kummissjoni Dinjija għall-Ambjent u l-Iżvilupp fi ħdan il-Ġnus Magħquda li ddefeniet l-iżvilupp sostenibbli bħala dak l-izvilupp li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-preżent mingħajr ma jikkomprometti l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom.  Skont din id-definizzjoni l-għan aħħari ta’ kull żvilupp huwa l-bniedem, fis-sens li l-iżvilupp sostenibbli huwa sostenibbli jekk ikun maħsub biex iġib ’il quddiem il-ħtiġijiet/drittijiet tal-bniedem, kemm bejn il-bnedmin tal-lum kif ukoll in vista tal-ġenerazzjonijiet futuri. Huwa fatt li t-tħassib dwar il-ġenerazzjoni ta’ għada jimplika li qegħdin nammettu li n-natura ta’ madwarna hija sistema limitata u għaldaqstant huwa dmir tagħna llum li niffissaw miri politiċi u ekonomiċi li jħarsu l-patrimonju ambjentali. Kif jafferma il-Papa Benedittu XVI, illum is-soċjetà teħtieġ “a serious review of its life-style, which, in many parts of the world, is prone to hedonism and consumerism, regardless of their harmful consequences. What is needed is an effective shift in mentality which can lead to the adoption of new life-styles in which the quest for truth, beauty, goodness and communion with others for the sake of common growth are the factors which determine consumer choices, savings and investment” (CV 51).

Għaliex, għalkemm huwa minnu li r-riżorsi naturali huma meħtieġa biex ikun hemm progress ekonomiku, il-kwalità tal-ħajja umana ma tiddependix biss mill-ġid finanzjarju imma minn ħafna fatturi oħra preżenti fil-ħajja familjari u soċjali – dik li tissejjaħ “ekoloġija umana”.  Mhux biss hemm rabta bejn ir-rispett lejn l-ekoloġija naturali u l-ekoloġija umana, imma hemm min itenni li s-soluzzjoni għall-problemi tal-ekoloġija ambjentali tinsab fl-ekoloġija umana!  Jekk il-bniedem ifieri lilu nnifsu, jolqot ukoll l-ambjent ta’ madwaru; jekk il-bniedem jogħdos fin-Nikiliżmu, dan ma jistax ma jkollux effett fuq in-natura! Il-Papa Benedittu XVI, fl-enċiklika fuq imsemmija, jikteb illi “the deterioration of nature is in fact closely connected to the culture that shapes human coexistence: when ‘human ecology’ is respected within society, environmental ecology also benefits. Just as human virtues are interrelated, such that the weakening of one places others at risk, so the ecological system is based on respect for a plan that affects both the health of society and its good relationship with nature” (n. 51).

Għalhekk ikun aktar f’postu jekk l-“izvilupp sostenibbli” nikkwalifikawh bħala “żvilupp uman sostenibbli”, liema kunċett għandu tliet dimensjonijiet:

1.    Is-sotenibilità ambjentali, fis-sens li wieħed jirrispetta dak li toffri l-ekosistema u juri attenzjoni biex ma jħarbatx l-ekwilibriju ekoloġiku.  F’dan l-ambitu hemm żewġ estremi li sew jiġu evitati:  (1) “to view nature as something more important than the human person”; (2) “it is also necessary to reject the opposite position, which aims at total technical dominion over nature, because the natural environment is more than raw material to be manipulated at our pleasure; it is a wondrous work of the Creator containing a ‘grammar’ which sets forth ends and criteria for its wise use, not its reckless exploitation. Reducing nature merely to a collection of contingent data ends up doing violence to the environment and even encouraging activity that fails to respect human nature itself” (CV  48).

2.    Is-sostenibilità ekonomika li timplika li s-somom ekonomiċi jsiru billi wieħed jieħu f’kunsiderazzjoni mhux biss il-kapital u x-xogħol involuti imma wkoll il-“kapital naturali”, li jinkludi s-sistemi naturali (art, flora, fawna, baħar), il-prodotti tan-natura (agrikoltura, sajd, eċċ.) u l-patrimonju artistiku. Skont dan il-kriterju għandha tingħata attenzjoni aktar lill-kwalità milli lill-kwantità tal-intervent. Meta d-dinja tan-“negozju” tagħlaq għajnejha għad-dinjità tal-bniedem u titfa’ wara spallejha l-valur tal-liġi morali naturali,  l-etika tas-suq tal-finanzi (business ethics) “inevitably risks losing its distinctive nature and it falls prey to forms of exploitation; more specifically, it risks becoming subservient to existing economic and financial systems rather than correcting their dysfunctional aspects. Among other things, it risks being used to justify the financing of projects that are in reality unethical” (CV 45).

3.    Is-sostenibilità soċjali hija dik l-arti li biha tiggarantixxi li jingħataw l-istess possibilitajiet lil kulħadd u li  jkun hemm disponibilità tal-istess servizzi (sanitarji, edukattivi, soċjali, eċċ.) għal kulhadd.

Ħassejt li għandi nagħmel dawn il-ftit riflessjonijiet fil-bidu ta’ din il-Konferenza mhux tant biex inkun esponejt xi prinċipji dwar l-iżvilupp sostenibbli, imma għax inħoss li f’pajjiżna, anke f’dak li jirrigwarda lil Għawdex, is-soċjeta għadha ma niżżlitx għeruqha biżżejjed fil-fond ta’ dan il-kunċett. Nistaqsi jekk fuq livell nazzjonali il-pjan ta’ żvilupp għal pajjiżna jinkorporax ir-reġjun t’Għawdex bħala parti integrali mill-programm ta’ żvilupp sostenibbli tan-nazzjon. Nistaqsi jekk min, mill-qasam tal-privat, qed jagħmel il-proposti dwar l-iżvilupp ta’ din il-gzira għandux dan il-kunċett. Il-kritika hija għodda valida u tajba, imma nistaqsi jekk il-vuċijiet kritiċi dwar l-iżvilupp f’din il-ġzira humiex motivati minn dan il-kunċett ta’ żvilupp uman sostenibbli jew jekk humiex ġenwini, fis-sens li huma osservazzjonijiet li jserrħu fuq data oġġettiva u huma ħielsa minn interessi finanzjarji, ta’ politika partiġġjana u preġudizzi.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/12/17/konferenza-nazzjonali-bizzejjed-ghal-kulhadd-diskors-ta-mons-isqof-grech/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.