- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IS-SKIET TA’ ALLA JITKELLEM
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa ta’ Santa Luċija, Santa Luċija, Ta’ Kerċem – Il-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2011

Posted By admin On December 15, 2011 @ 8:19 pm In 2011 | Comments Disabled

Skiet ta’ Alla u storbju tal-bniedem
Darba l-Beatu Ġwanni Pawlu II osserva li l-inkwiet tal-lum mhumiex biss il-gwerer, il-ġuħ u l-mard, imma s-silenzju ta’ Alla! Is-sema bħal donnu ngħalaq. Is-skiet ta’ Alla sar taqtgħu b’sikkina. Din hija traġedja serja għax jekk Alla waqa’ fil-muta jfisser li l-bniedem ukoll tilef il-kelma, jew jekk jipprova jiftaħ fommu imma billi kelmtu mhix mislufa minn Alla, hija kelma vojta!

Huwa fatt ukoll li fina u madwarna hawn ħafna storbju li jitfi l-vuċi t’Alla! Aktar mill-ħsejjes esterni, il-bniedem għandu diffikultà jisma’ lil Alla għax nieqes mis-skiet u t-trankwillità interjuri! L-istorbju fil-menti u l-qalb tal-bniedem tant itarrax li l-bniedem lanqas qed jisma’ lilu nnifsu!

Problemi li jħassbuna
Huwa fatt li dawk li ma għandhomx għamad fuq għajnejhom jinnutaw ċerti ġrajjiet koroh madwarna:

•    In-nixfa spiritwali qed tinfirex. Ħafna huma reliġjużi imma mhumiex spiritwali. Ftit li xejn għadna nixxennqu għall-ħwejjeġ t’Alla li jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet spiritwali tal-bniedem. Kemm hija qawwija fina x-xewqa li niftħu aktar twieqi fuq il-misteru t’Alla? Kemm minna huma preokkupati biex jikbru fil-ħajja tal-grazzja? Kemm hija prijorità li fil-ħajja noħolqu “spazju tal-interjorità” biex niltaqgħu ma’ dak li huwa essenzjali, inniżżlu l-għeruq tagħna fil-fond u negħlbu s-superfiċjalità?

•    Il-faqar morali jbeżżgħek fih innifsu u minħabba l-effetti tiegħu. Bħala eżempju, insemmi l-kriżi ekonomika li, kif reġa’ tenna l-Papa Benedittu XVI ilbieraħ, hija relatata ma’ defiċit etiku. L-istess defiċit etiku qed jikkawża l-kriżi taż-żwiġijiet – miżżewġin jibdlu lil xulxin, ifittxu li jirrealizzaw lilhom infushom minflok fl-għotja sħiħa fiż-żwieġ…

•    Il-fenomenu tal-persekuzzjoni tal-Insara li qegħda sseħħ fi żminijietna wassal biex l-Organizzazzjoni għas-Siġurtà u l-Koperazjoni fl-Ewropa (OSCE) qed tikkunsidra l-possibiltà li darba fis-sena tiddedika ġurnata internazzjonali biex tfakkar lid-dinja fil-persekuzzjoni li qed issir lill-Insara. Bħalissa l-Insara huma l-grupp reliġjuż li l-aktar qed jiġi ddiskriminat minħabba raġuni ta’ fidi. F’pajjiżna ma għandniex persekuzzjoni li ġġib tixrid ta’ demm bħal dik li għamel Djoklezjanu fi żmien Santa Luċija; imma teżisti ħidma sottili u fina ħafna biex il-Knisja tkun skreditata, u xi persuni huma mwarrba mill-kamp ċivili proprju minħabba t-twemmin tagħhom.

Però dawn l-esperjenzi mhux bilfors jirriflettu li Alla huwa assenti minn ħajjitna! Għax jista’ jingħata l-każ li Alla qed ikellimna f’dawn il-fenomeni li jinkwetawna. Huwa possibbli li Alla jippermetti dan kollu biex il-bniedem ikompli jmiss il-qiegħ ħalli mbagħad jibda tiela’. Meta l-bniedem isib ruħu nieqes mill-ossiġnu u jibqa’ jifga, waħdu jfittex li jiftaħ “it-tieqa” fuq il-misteru t’Alla u jibda jiskoprih.

Alla jibgħat il-profeti
Żgur li f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, imbuttat mill-imħabba lejn il-bniedem Alla jieħu ħsieb li jibgħatlu l-“profeta” li jitkellem f’ismu. Kif Ġwanni l-Battista kien “il-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” (Ġw 1,23), hekk Santa Luċija nistgħu nqisuha bħala “il-leħen” misluf lil Alla biex il-kelma tiegħu tasal lil Pascasio, il-prefett ta’ Sirakuża, bniedem spiritwalment u moralment vojt, li ried jeqred il-Knisja. Bħalma għal Ġwanni l-Battista l-persekuzzjoni ta’ Erodi kienet okkażjoni biex hu jagħti xhieda ta’ dak li kien jemmen fih, hekk ukoll għal Santa Luċija l-persekuzzjoni kienet “opportunità” biex hija xxandar il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Alla jinqeda b’Luċija biex jikxef it-taħsir tal-istituzzjoni meta din ix-xebba Sirakużana ċċarrat il-maskra ta’ Pascasio u tgħidlu li hu l-kawża tal-ħsara fis-soċjetà. Meta Pascasio jipprova jsikket lil Luċija biex indirettament isikket lil Alla, b’wiċċha minn quddiem Luċija tgħidlu li huwa impossibbli li wieħed iqiegħed sarima fuq il-fomm li jxandar l-għerf t’Alla.

Billi l-Kelma t’Alla taqta’ bħal xabla b’żewġt ixfar, il-bniedem li ma jridx jisma’, jistħarreġ l-identità tal-leħen – jitolbu l-kredenzjali biex, jekk jirriżultalu li hu l-eku ta’ Alla, jipprova jitfih. Quddiem il-Battista, xhud tal-verità, il-kultura uffiċċjali tiddefendi lilha nifisha u titolbu jgħid b’liema awtorità kien qed jitkellem. Proprju għaliex beżgħu li kien ġej mis-sema, staqsewh jekk kienx il-Messija, Elija jew wieħed mill-profeti!

L-istess jagħmel il-Prefett ta’ Sirakuża ma’ Luċija meta jistaqsiha jekk kellhiex l-Ispirtu t’Alla fiha – bħal donnu ried konferma jekk il-leħen tagħha kienx qed jikser is-skiet ta’ Alla! U din iż-żagħżugħa konvinta ma tibżax tistqarr li hija l-“qaddejja Mulej”, li kien assigura lid-dixxipi tiegħu biex ma joqogħoux jaħsbu minn qabel kif ser jiddefendu ruħhom quddiem is-setgħat tad-dinja, “għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista jiqaflu jew imerih” (Lq 21,14). It-tweġiba ta’ Luċija hija konferma li, minkejja li l-Insara jkunu maħbuta u f’minoranza, Alla ma jitlaqx lill-bniedem għal riħu, imma jibqa’ jkellem lil qalbu!

Id-dritt tal-libertà reliġjuża
Raġuni oħra għax għal xi wħud Alla huwa sieket hija għax fejn kulħadd għandu d-dritt tal-espressjoni, dan id-dritt huwa mċaħħad lil Alla! Għax kulħadd għandu l-jedd li jsemma’ leħnu, anke l-iżball, imma lil Alla npoġġulu sarima! Mhux Alla waqa’ fil-muta imma l-bniedem jipprova jimmutah. Huwa tal-mistħija li s-soċjetà tiftaħar bil-kisbiet li għamlet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, imbagħad id-dritt tal-libertà reliġjuża huwa mxekkel direttament u indirettament.

Kif illum fis-soċjetà hemm min jixtieq jimponi “reliġjon ċivili” fuq iċ-ċittadini kollha, hekk ukoll fil-bidu tas-seklu IV, meta seħħ il-martirju ta’ Santa Luċija, il-Prefett ta’ Sirakuża ried jobbliga r-reliġjon tal-Istat fuq is-sudditi tiegħu. Infatti, meta Pascasio jobbligaha toffri s-sagrifiċċju lill-allat, Luċija tgħidlu biex waqt li seta’ jibqa’ jadura lil alla tiegħu, lilha kellu jħalliha libera biex tqim lil Alla tagħha. F’ċertu sens, hawnhekk Luċija qed tappella għad-dritt tal-libertà reliġjuża għal kulħadd – Insara u mhumiex. Dan l-appell huwa floku ħafna llum ukoll!

Romol, ltiema u foqra llum
Luċija tibdel ir-rikjesta li Pascasio jagħmlilha biex toffri d-debħa lill-allat f’opportunità biex “jitkellem Alla”. Infatti, filwaqt li tfissirlu li s-sagrifiċċju li jogħġob lil Alla huwa li wieħed iżur ir-romol, jgħin lill-orfni, jassisti l-pellegrini u lil dawk li huma fil-bżonn, tistqarr li fl-aħħar tliet snin hija kienet qed tuża l-patrimonju tagħha għal dan l-iskop. Fi kliem ieħor, Luċija tgħid lil Pascasio li “llum” Alla ma jitkellimx bl-iskemi tradizzjonali li aħna mdorrijin bihom, imma jitkellem b’fomm ir-romol, l-orfni u l-foqra. Ir-romol, l-orfni u l-foqra huma “il-profeti” ta’ żminijietna.

Illum r-romol mhumiex biss dawk li tilfu lil żwieġhom bil-mewt, imma s-soċjetà tal-lum qed twassal diversi fl-istat ta’ “romol” peress li l-parti l-oħra fiż-żwieġ tagħżel li żżarma ż-żwieġ! Mhux sew li l-karba ta’ dawn il-persuni taqa’ f’widnejn torox. Lanqas ma huwa sew li min jixtieq jibqa’ fidil għall-impenn taż-żwieġ u tal-familja, ma jingħatax is-sapport materjali, affettiv u morali li jeħtieġ! Il-laqgħat li l-Knisja f’Għawdex torganizza kull xahar għall-persuni separati huma kontribut ċkejken f’din id-direzzjoni. Fuq kollox din ir-realtà qed tgħidilna li s-soċjetà teħtieġ l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù Kristu dwar iż-żwieġ u l-familja.

Anke l-kategorija tal-iltiema twessgħet għax għandna wlied li ma għandhomx kenn fil-familja. Għandna nitħassbu meta nafu li f’pajjiżna hawn tfal li jikkwalifikaw biex jinħarġilhom care order imma dan il-pass jibqa’ ma jitteħidx għax is-soċjetà ma għandhiex struttura li toffri l-kura u l-kenn lil dawk li ma għandhomx id-dar. Ftit ilu xi għalliema minn skola partikulari flimkien ma’ awtorità fl-edukazzjoni qaluli li f’Għawdex hawn tfal “rifjutati” mid-dar, imma s’issa s-soċjetà hija xħiħa magħhom għax f’Għawdex ma hawnx struttura alternattiva għalihom! Hija inkwetanti li llum għandna ġenituri, partikularment ommijiet, li jixtiequ aktar child centres biex appena jintemm il-maternity leave jkunu jistgħu jqegħedu fihom lil uliedhom tat-twelid! Il-maternità hija don kbir ħafna tant li xejn ma jħabbatha magħha. Is-soċjetà għandha tkun organizzata b’mod li dik l-omm li tagħżel li tibqa’ d-dar ma tkunx imġiegħla titbiegħed mid-dar u tafda lill-oħrajn il-kura tal-ulied.

Il-ġimgħa l-oħra kont fil-parroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi u assistejt għat-twaqqif ta’ fondazzjoni b’risq il-familji foqra f’dik il-parroċċa. Is-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan il-Kumitat tal-Festi Esterni li waqqfet din il-Fondazzjoni jixirqilha kull tifħir u appoġġ għax b’din l-inizjattiva ser jagħmlu l-Knisja aktar qrib id-dar tal-fqir. Inizjattivi nobbli bħal dawn għandhom jiġu imitati.

L-impenn tal-komunità Nisranija
Fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna hemm ħafna tajjeb, imma hemm ukoll xi imbarazz li jeħtieġ insibu l-kuraġġ u nnaddfuh biex it-twemmin u l-kult tagħna jkunu jogħġbu lil Alla. Permezz ta’ dawn ir-realtajiet li semmejt aktar ’il fuq Alla qed ikellimna – qiegħed jagħtina indikazzjonijiet ċari dwar liema sitwazzjonijiet għandna nindirizzaw “illum” biex il-bniedem iġarrab il-qawwa fejjieda ta’ Alla li jrid jgħinu jkun aktar bniedem. Meta tgħix il-fidi vera, il-komunità Nisranija tikseb aktar qawwa biex tistimula lis-soċjetà ħalli tisma’ lil Alla biex tkun tista’ twieġeb lill-bniedem.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/12/15/is-skiet-ta%e2%80%99-alla-jitkellem-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grechfesta-ta%e2%80%99-santa-lucija-santa-lucija-ta%e2%80%99-kercem-%e2%80%93-il-hadd-11-ta%e2%80%99-dicembru-2011/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.