Archive for November, 2011

Id-Djoċesi ta’ Għawdex tirċievi fondi mill-UE biex tagħti kontribut biex Għawdex jinbidel fi Gżira Ekoloġika

STQARRIJA GĦALL-MIDJA
24 ta’ Novembru 2011

Il-Papa Benedittu XVI ilu għal ħafna snin jippromovi u jirrikonoxxi l-veritajiet tat-tibdil fil-klima u r-responsibilitajiet li lkoll għandna biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-gazzijiet u li nħarsu l-arja nadifa u ilma nadif.  Tant hu hekk, li minn xi dokumenti diplomatiċi li dan l-aħħar ixxandru mill- WikiLeaks, Papa Benedittu XVI ġie mlaqqam il-Papa l-Aħdar (the Green Pope).

U biex jagħti xhieda ħajja, il-Papa u t-tim tiegħu nedew proġetti ta’ enerġija nadifa ġewwa l-Belt tal-Vatikan stess.  Fl-2008 il-Vatikan beda jistalla 2,400 pannelli solari fuq is-sala tal-udjenzi, li permezz tagħhom jiffranka 230 tunnellati ta’ carbon dioxide milli jinfirxu fl-arja kull sena. Il-Vatikan saħansitra ittanta l-ideja li jmur kompletament carbon neutral billi ħawwel bis-siġar f’art abbandunata li għandu fl-Ungerija biex ipatti għal-tniġġis fl-arja. Continue reading >>

IL-KNISJA QRIB DAREK
Diskors ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa ta’ Kristu Sultan
Taċ-Ċawla, Ir-Rabat, Għawdex – Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru 2011

Il-Vanġelu tal-lum jitkellem dwar Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb li ħalla d-disgħa u disgħin nagħġa fil-maqjel biex imur ifittex lil dik in-nagħġa l-mitlufa u jgħina terġa’ lura, tirkupra saħħitha u ssib postha fi ħdan il-merħla – fil-komunità. Jien naħseb li l-bniedem tal-lum, minkejja t-tajjeb li għandna, xi darba jew oħra qed ikollu jagħmel l-esperjenza tan-nagħġa l-mitlufa. Hemm ċerti sinjali fis-soċjetà u fil-Knisja li jagħtuk x’taħseb li l-bniedem huwa mitluf, ma jafx fejn ser jagħti rasu, ma jafx x’direzzjoni ser jagħti lil ħajtu għax jinsab bla boxxla.

Illum hawn min jieħu mill-Istat u mill-Knisja affarijiet li mhumiex tiegħu. Illum il-ġurnata hawn min għandu mġiba mhix tajba u jippretendi li dik l-imġiba tkun approvata u mħarsa bil-leġiżlazzjoni ċivili tagħna. L-ingranaġġ tal-materjaliżmu tant huwa qawwi li mhumiex ftit dawk li s-sensibiltajiet tagħhom qed imutu: is-sensibiltà lejn ħaddieħor li hu fil-bżonn; imma fuq kollox is-sensibiltà tal-Ispirtu. Il-mentalità kummerċjalizzata tal-lum qegħda toqtol ftit ftit in-nervatura tal-ispirtu tal-bniedem.Imbagħad hemm id-diffikultajiet fil-ħajja personali, fil-ħajja tal-familja u fil-ħajja soċjali. Insemmi l-evażjoni tat-taxxa, in-nuqqas ta’ responsabiltà kif jintefqu l-flus li jappartjenu lill-poplu. Ma jidhrilkomx li dawn huma indikazzjonijiet li juru li aħna mitlufa? Continue reading >>

Festa Kristu Re

 

Fid-djoċesi t’Għawdex llum bdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re. Fil-Goudos Gym sar rally għat-tfal. Saret laqgħa djoċesana għall-adolexxenti fis-sala tal-Oratorju Don Bosco u laqgħa ta’ talb għaż-żgħażagħ  fil-kunvent ta’ Santu Wistin, Victoria. Il-festi jkomplu għada l-Ħadd.

Żjara lill-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali

Ftit jiem ilu l-Isqof Mario Grech għamel żjara lill-Komunità tal-Franġiskani Konventwali fir-Rabat, Għawdex, li, wara l-Kapitlu tal-Provinċjal iċċelebrat dan l-aħħar, issa għandha formazzjoni ġdida: Patri Joe Xerri (il-Gwardjan il-ġdid), Patri George Attard, Patri Eġidju Mizzi, Patri Ugolin Xerri u Fra Pietru – dawn it-tnejn tal-aħħar ngħaqdu issa mal-komunità. B’hekk fil-kunvent issa hemm ħames reliġjuzi. L-Isqof kellu laqgħa mal-patrijiet u ppresieda l-ewwel quddiesa konventwali ta’ din il-komunita kif ffurmata attwalment. L-Isqof fisser l-apprezzament tiegħu u tad-djoċesi għall-preżenza u l-ħidma li jwettqu dawn il-patrijiet.

Festa ta’ San Koronatu fin-Nadur

L-għażż jagħmel ħerba

Ġabra fil-qosor tal-omelija li għamel l-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa ta San Koronatu li saret il-bieraħ (Il-Ħadd 13 ta’ Novembru 2011) fin-Nadur:

“Il-parabbola tat-talenti (Mt 25:14-30) turina li kull bniedem huwa mżejjen b’riżorza ta’ kwalitajiet u ħiliet. Hemm min hu ħawtiel, u dawn jużahom tajjeb, imma hemm min minħabba l-għażż jippreferi jħalli l-potenzjal tiegħu moħbi! Kontra min huwa bieżel li l-ħamsa jagħmilhom għaxra, l-għażżien jitlef dak li jkollu! Huwa fatt li l-għażż jagħmel ħerba mill-bniedem.

Hemm dawk li jagħlu għax jisbaħ għax ma jkunux iridu jmiddu subgħajhom għall-ilma imbierek! Għal din il-kategorija ta’ persuni, il-qawl jgħid li jekk ix-xogħol salmura tal-ġisem, l-għażż huwa balzmu! Dawn l-individwi mhux biss jonqsu li jaħdmu biex ikollhom il-ħobża ta’ kuljum, imma jafu jkunu parassiti fuq l-oħrajn! Billi x-xogħol isawwar lill-bniedem, il-ħarba mid-dinja tax-xogħol hija xkiel fil-binja tal-karattru u l-personalità ta’ dak li jkun. F’dan il-kuntest huwa importanti mhux ftit li s-soċjetà tara li jkun hemm xogħol għal kulħadd, speċjalment għaż-żgħazagħ. Il-qagħad jiġġenera l-għażż u l-għażż huwa missier il-vizzji. Continue reading >>

Mons Isqof Grech dwar il-komunjoni mal-Knisja Universali

“Dar Missieri għamiltuha suq”

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa tal-Konsagrazzjoni tal-Lateran
Bażilika ta’ San Ġorġ - L-Erbgħa 9 ta’ Novembru 2011

Hemm ir-riskju li l-kritika li Ġesù għamel lil-Lhud meta fit-tempju, qalilhom “dar Missieri għamiltuha suq”, tkun tgħodd għalina l-Insara llum! Fil-fehma tiegħi hemm żewġ modi kif ir-reliġjon nistgħu nirrenduha “suq”.

Hemm min jidhirlu li jista’ jkun Nisrani imma fl-istess waqt iħossu ħieles li, f’isem Kristu, jgħid li jrid. Hemm min jaċċetta dak li jaqbillu mit-tagħlim ta’ Kristu u jwarrab dak li ma tantx jogħġbu, bħal meta wieħed imur madwar il-bankijiet li jarmaw fis-suq u “jieħu” jew “iħalli” dak li jfettillu. Din hija l-mentalità tar-reliġjon “supermarket”, fejn wieħed jista’ jagħżel l-oġġetti li jkun irid. Dawn huma dawk li jagħżlu xi paġni mill-Evanġelju u jqattgħu l-bqija. Fi kliem iehor, “ir-reliġjon tas-suq” hija dik li wieħed ifassal skont il-qies u aptit tiegħu stess – meta t-twemmin ikun miżgħud bil-kompromessi.

Kuntest ieħor meta r-reliġjon issir suq huwa meta nittrattaw ma’ Alla b’mentalità kummerċjali – “nagħtik sitta u agħtini sold”! Dan huwa l-każ meta nwegħedu xi ħaġa lil Alla basta Hu jaqlgħalna xi grazzja! “Jekk nieħu promotion fuq ix-xogħol, nagħmel offerta lill-Knisja! ….. Jekk infieq, nixgħel xemgħa”. F’każi bħal dawn, ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla ma tkunx frott l-imħabba tagħna lejH imma għax inħobbu lilna nfusna! Dak iż-żmien kien normali li l-Lhud “iħallsu” biex jixtru l-bhejjem biex joffruhom b’sagrifiċċju; imma Ġesù ried jurihom li r-relazzjoni ma’ Alla ma għandhiex tkun waħda “kummerċjali” – nagħtik u agħtini! – imma relazzjoni kollha mħabba diżinteressata. Ġesù rrabja mal-bejjiegħa tat-tempju proprju għax kienu “reliġjużi” imma mhux spiritwali!

Billi llum qegħdin niċċelebraw il-festa tad-dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran, li hija wkoll il-katidral tal-Papa, niftakru li hija l-missjoni tal-Papa li bit-tmexxija tiegħu jgħinna ħalli ma nagħmlux “suq” minn “dar Missierna”! Wieħed mill-modi kif il-Papa jagħti dan is-servizz huwa proprju permezz tat-tagħlim awtorevoli tiegħu – dak li jissejjaħ il-Maġisteru tal-Knisja. Sfortunatament, hawn min, anke fost dawk li għandhom il-mandat li f’isem Kristu jgħallmu u jqaddsu lill-Insara, li nħakmu minn din il-mentalità tas-suq anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-Maġisteru. Kull Kattoliku, anke jekk huwa isqof jew saċerdot, ma jistax ma jkunx f’komunjoni mal-Papa fit-tagħlim tal-verità.

Għalhekk, fl-okkażjoni tal-festa tal-lum, nitolbu lil Alla biex iseddaq lill-Missier tagħna l-Papa u nġeddu l-lealtà u l-fedeltà tagħna lejh. Il-Knisja mhix immexxija skont il-fehma tal-maġġoranza, imma mill-fidi f’Ġesù Kristu li qiegħed lil Pietru biex jirgħa l-merħla kollha.

L-Isqof jiltaqa’ mas-Soċjetajiet Mużikali Għawdxin

Każini tal-baned – skola ta’ valuri

L-Isqof Grech wassal dan il-messaġġ f’quddiesa li kkonċelebra fil-Knisja parrokkjali ta’ Kerċem flimkien ma’ għadd ta’ diretturi spiritwali ta’ diversi Każini tal-Baned Għawdxin fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ċeċilja.

“Fil-ħajja hemm ħwejjeġ li nistgħu nisilfuhom jew nissellfuhom; imma mbagħad hemm ħwejjeġ oħra li la nistgħu nagħtuhom u lanqas nirċevuhom!

L-għaqal, il-prudenza, l-irġulija, is-sens tal-qies, il-korrettezza, ir-responsabilità, eċċ. huma valuri u virtujiet li ma jistgħu qatt jintalbu jew jinxtraw mingħand ħaddieħor, imma wieħed irid jaħdem għalihom, jikber fihom u jagħmilhom tiegħu! Hekk, per eżempju, nafu b’każi fejn il-ġenituri jkunu bil-għaqal imma t-tifel joħroġ iblah! Għalhekk importanti li wieħed jistinka biex irawwem fih dawn il-kwalitajiet li minnhom jiddependi jekk ikunx bniedem integru jew le! Kontra l-mentalità moderna li żżomm li dak li l-aktar jgħodd fil-ħajja huwa x’wieħed ikollu, hemm bżonn nikkonvinċu aktar ruħna li dak li għandu valur hu x’inhu l-bniedem (not to have but to be). Dak li jagħmel lill-bniedem huma proprju dawn il-valuri li mhumiex trasferibbli imma jibqgħu tiegħu jew tagħha personali.

Dan jgħodd ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mad-dimensjoni spiritwali tal-bniedem. Infatti, wieħed jista’ jitkellem ma’ ħaddieħor dwar Alla, wieħed jista’ jipprietka lill-oħrajn imma ma jista’ qatt iġiegħel lil ħaddieħor jemmen: il-fidi hija frott ta’ deċiżjoni individwali u personali. Huwa fatt li l-fidi hija don minn Alla, imma jekk tkunx aċċettata jew rifjutata, jiddependi mid-deċiżjoni ħielsa ta’ dak li jkun! Nistgħu ngħidu ħafna kliem sabiħ dwar il-Liġi t’Alla, imma jibqa’ kliem fl-ajru sakemm il-bniedem ma jintegrax dik il-Liġi f’ħajtu u jsarrafha f’azzjoni! Li tkun tgħix fost il-qaddisin mhux biżżejjed biex issir qaddis, għax il-qdusija hija frott tal-koperazzjoni tiegħek mal-grazzja t’Alla!

Meta l-bniedem ikun imsawwar b’dawn il-virtujiet u valuri, ikun aktar faċli għalih li fil-ġenerożità tiegħu jaqsam dak li għandu mal-oħrajn. Il-qalb umana tingħalaq meta tkun fqira minn dawn il-valuri!

Fid-dawl ta’ dan kollu, inħeġġeġ lill-Għaqdiet Mużikali Għawdxin, li llum qegħdin tiċċelebraw il-festa ta’ Santa Ċeċilja, biex tistinkaw ħalli mis-sede tagħkom tagħmlu mhux biss skola tal-mużika, imma wkoll skola ta’ virtujiet u valuri umani fejn il-membri tagħkom isibu l-ambjent u l-għajnuna biex jistgħanew f’dawn il-kwalitajiet sbieħ! Jekk il-membri jkunu persuni mżejna b’ċerti doti bħalma huma l-għaqal, il-prudenza, is-sens tal-qies, il-korrettezza u r-responsabilitaà, dan ma jkunx biss ta’ ġieħ personali għalihom imma wkoll akkwist għall-Għaqda mużikali rispettiva tagħhom! U jekk dawn il-kwalitajiet umani jkunu msieħba mill-fidi, tant l-aħjar għax il-fidi f’Alla tirrendi perfett dak li hu uman.
 
Investiment tajjeb fil-formazzjoni tal-membri tal-Każin tal-Banda jkun ifisser aktar disponibilità biex tikkollaboraw kemm ma’ Għaqdiet Mużikali oħra kif ukoll ma’ entitajiet oħra. Jien konxju li bejnietkom l-Każini diġà tgħinu lil xulxin billi taqsmu ma’ xulxin kemm ir-riżorsa mużikali kif ukoll dik umana! Nawguralkom li dan it-tisħib bejnietkom joktor; imma aktar ma jkun hemm nies ta’ integrità fl-Għaqdiet tagħkom – u allura persuni li jimxu bir-raġuni u mhux bil-passjoni, persuni li jfittxu d-djalogu u mhux il-konfrontazzjoni, persuni li jgħożżu dak li jgħaqqad u mhux dak li jifred, – allura mhux biss hija garantita din is-solidarjetà fi ħdan l-istess Għaqda Mużikali u bejnietkom l-Għaqdiet, imma ukoll ma’ terzi!

Dawn huma l-awguri tiegħi għalikom fl-okkażjoni ta’ din il-festa ta’ Santa Ċeċilja.”

Quddiesa għas-saċerdoti mejtin

Bewsa qaddisa lill-Aħwa

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa għas-saċerdoti mejtin
Knisja Katidrali – Is-Sibt 5 ta’ Novembru 2011

Dalgħodu ltqajna għadd sabiħ ta’ saċerdoti (madwar 45) fil-Katidral biex offrejna s-sagrifiċċju tal-quddiesa b’suffraġju tas-saċerdoti mejtin; partikularment ftakarna f’dawk is-saċerdoti li mietu matul din is-sena – kienu disgħa, u magħhom fakkarna lill-Isqof Nikol Cauchi, li fil-15 ta’ dax-xahar jagħlaq sena mill-mewt tiegħu.

Fir-riflessjoni tiegħu mas-saċerdoti preżenti,  l-Isqof Mario Grech qal li “kif fl-Ittra lir-Rumani San Pawl jiftakar u jsellem lil dawk kienu tħabtu u ħadmu fil-qrib miegħu, hekk illum il-presbiterju djoċesan iltaqa’ biex isellem lil dawk li għal ħafna snin ħdimna fi Kristu flimkien u llum ma għadhomx magħna!  Għalina l-Ewkaristija hija l-‘bewsa qaddisa’  li biha Pawlu jsellem lill-aħwa: bl-applikazzjoni tal-merti tas-sagrifiċċju tal-quddiesa b’suffraġju għalihom, aħna qed nuru r-rikonoxxenza tagħna lejhom! Kemm nixtieq li dalgħodu konna aktar saċerdoti nikkonċelebraw! Huwa dmir ukoll tal-lajċi li jitolbu għas-saċerdoti mejtin. Continue reading >>