- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Id-Djoċesi ta’ Għawdex tirċievi fondi mill-UE biex tagħti kontribut biex Għawdex jinbidel fi Gżira Ekoloġika

Posted By admin On November 24, 2011 @ 10:50 am In 2011 | Comments Disabled

STQARRIJA GĦALL-MIDJA
24 ta’ Novembru 2011

Il-Papa Benedittu XVI ilu għal ħafna snin jippromovi u jirrikonoxxi l-veritajiet tat-tibdil fil-klima u r-responsibilitajiet li lkoll għandna biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-gazzijiet u li nħarsu l-arja nadifa u ilma nadif.  Tant hu hekk, li minn xi dokumenti diplomatiċi li dan l-aħħar ixxandru mill- WikiLeaks, Papa Benedittu XVI ġie mlaqqam il-Papa l-Aħdar (the Green Pope).

U biex jagħti xhieda ħajja, il-Papa u t-tim tiegħu nedew proġetti ta’ enerġija nadifa ġewwa l-Belt tal-Vatikan stess.  Fl-2008 il-Vatikan beda jistalla 2,400 pannelli solari fuq is-sala tal-udjenzi, li permezz tagħhom jiffranka 230 tunnellati ta’ carbon dioxide milli jinfirxu fl-arja kull sena. Il-Vatikan saħansitra ittanta l-ideja li jmur kompletament carbon neutral billi ħawwel bis-siġar f’art abbandunata li għandu fl-Ungerija biex ipatti għal-tniġġis fl-arja.

Fl-ewwel enċiklika tiegħu, “Caritas in Veritate,” ipproklama li hemm “obbligu” bejn il-bniedem u l-ambjent, u li “ir-responsabiltà hija ta’ kulħadd u lejn id-dinja kollha, għax din ma tikkonċernax biss l-enerġija imma l-ħolqien kollu, li ma jistax jitħalla lill-ġenerazzjonjiet futuri mingħajr ir-riżorsi li fih”.  Il-Papa enfasizza b’mod partikulari r-responsabiltajiet li għadhom il-pajjiżi sinjuri li jkunu fuq ta’ quddiem u li jagħtu l-eżempju lejn dawn l-isforzi.

Fid-dawl ta’ dawn l-inizjattivi u dikjarazzjonijiet min-naħa tal-Knisja, id-Djoċesi ta’ Għawdex trid li tpoġġi fil-prattika u tkun fuq quddiem biex tinkoraġġixxi oħrajn biex jieħdu inizjattivi simili.  Wara kollox dan huwa fid-dawl tat-tagħlim Nisrani li, bħala Komunit Nisranija, tgħin biex nindirizzaw xi problemi li l-bniedem qed jiffaċċja llum fejn jidħol l-ambjent. Il-Knisja lokali f’Għawdex ilha tiġbed l-attenzjoni fuq il-ħsara ambjentali li qed issir madwarna u li ħela żejjed tal-enerġija qed inaqqas ir-rizorsi li hawn madwarna.
Ir-rwol tal-Knisja lokali f’dan il-proċess huwa wieħed sempliċi: inwieġbu għas-sinjali taż-żmenijiet (Mt 16:3) u ngħinu fl-iżvilupp tal-komunitajiet fuq prinċipji Nsara.  Fl-omelija tiegħu tal-4 ta’ Ottubru 2006, Mons Isqof Grech tkellem “dwar tliet imħabbiet li kellu San Frangisk, liema mħabbiet huma ta’ ispirazzjoni għall-poplu t’Alla llum, waħda fosthom tkun l-Imħabba lejn l-Ambjent. Fid-dinja tal-lum, għandna bżonn niftħu għajnejna u napprezzaw aktar l-ambjent naturali tagħna. Jekk ma nkunux responsabbli kif nirrelataw mal-ambjent, għad jasal żmien meta ma nkunux nistgħu naqraw dan “il-ktieb naturali”, mhux għax inkunu tlifna l-kapacità viżiva ta’ għajnejna, imma għax inkunu tlifna l-ambjent. Fi żminijietna, meta t-tentazzjoni li l-bniedem jaħkem u jesplojta r-riżorsi naturali saret tant qawwija, għandna nużaw l-għaqal u r-responsabilità biex l-ambjent bħala ‘riżorsa’ ma jkun qatt ta’ riskju għall-ambjent bħala ‘darna’”.
Konxji minn dan it-twemmin tagħna li kuxjenza awtentika dwar l-ambjent twassalna f’esperjenza tassew spiritwali bħala Komunità Nisranija, qed nitilqu b’dan il-proġett pilota li niġġeneraw enerġija permezz tax-xemx, bil-ħsieb ukoll li dan jgħinna fit-tagħlim pastorali tagħna.  Aħna qed nikkunsidraw  ħames siti differenti f’dan il-proġett: l-Uffiċċji Amministrattivi tad-Djoċesi (Il-Kurja), iċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb fejn hemm ċentru kateketiku u ta’ formazzjoni, post tat-talb, dar residenzjali għas-saċerdoti u post ta’ rikrejazzjoni, kif ukoll iċ-Ċentri Parrokkjali tal-Munxar u ta’ Għajnsielem, kif ukoll il-Knisja f’Għajnsielem.  Dawn iċ-ċentri huma primarjament bejta għall-adolexxenti u żgħażagħ u koppji żgħar li qed irabbu t-tfal.  Iċ-Ċentru pastorali Ragħaj it-Tajjeb iżuruh madwar 130 tfal u adolexxenti tliet darbiet fil-ġimgħa.  Iċ-Ċentru tal-Munxar iżuruh madwar 250 tifel u tifla u ‘l fuq minn 100 żagħżugħ u adolexxenti.  F’Għajnsielm iċ-Ċentru joffri servizz lil 850 familja u madwar 800 żagħażgħ/a, adolexxenti u tfal li f’xi ħin jew ieħor jagħmlu użu mis-servizzi li joffri ċ-Ċentru.

Għal dan il-proġett id-Djoċesi ta’ Għawdex ingħatat għajnuna ta’ kofinanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) bil-proġett intitolat: “il-Kontribut tad-Djoċesi Għawdxija biex Għawdex jinbidel fi Gżira Ekoloġika”, u għalhekk id-Djoċesi qed tikkontribwixxi wkoll lejn il-ħsieb  tan- nazzjon  li jagħmel minn Għawdex Gżira Ekoloġika.  Dan il-proġett li ġie stmat li ser jiswa b’madwar €346,000, qed jiġi ffinanzjat sa 66.7% mill-FEŻR u mill-fondi nazzjonali, bil-bqija tas-somma tiġi mill-fondi tad-Djoċesi u taċ-ċentri/parroċċi rispettivi bil-kofinanzjament ukoll tas-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika.  Wara li jiġu stallati l-pannelli voltajiċi, din is-sistema ser tiġġenera b’madwar 75,000 ta’ KWh li jfissru tnaqqis ta 65,300 kg ta’ emissjonijiet ta’ carbon dioxide fis sena


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/11/24/id-djocesi-ta%e2%80%99-ghawdex-tircievi-fondi-mill-ue-biex-taghti-kontribut-biex-ghawdex-jinbidel-fi-gzira-ekologika/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.