- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ċirkulari ta’ Mons Isqof Mario Grech

Posted By admin On November 24, 2011 @ 7:34 pm In Letters | Comments Disabled

Ċirkulari 19/2011

Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Jitwaqqaf it-Terz Ordni Karmelitan

Għada l-Ġimgħa huwa jum partikulari għad-djoċesi tagħna għaliex il-Patrijiet Karmelitani ser iħabbru t-twaqqif uffiċċjali tat-Terz Ordni Karmelitan f’Għawdex. Din hija fraternità ta’ lajċi li jwegħdu lil Alla li ser jippruvaw jgħixu l-Evanġelju fl-ispirtu tal-Ordni Karmelitan u taħt id-direzzjoni tal-istess Ordni.

Fid-dawl tal-istorja interessanti tal-Karmelitani, jiġini f’moħħi meta xi Nsara marru fuq l-għolja tal-Karmelu fl-Art Imqaddsa biex jagħmlu l-esperjenza tal-profeta Elija. Għax skont it-tradizzjoni, Elija kien mar ifittex kenn fuq din l-għolja peress li kien żmien ta’ nixfa u kien mhedded minn għadd ta’ profeti foloz li kienu jaduraw alla mejjet. Peress li llum ukoll qed ngħixu fi żmien meta tant hawn nixfa spiritwali li xi “fjuri” tal-virtujiet umani u Nsara qed jidbielu u għandna madwarna profeti foloz li jwasslu tagħlim żbaljat u qarrieqi, in-Nisrani jħoss il-ħtieġa li jirtira f’xi post fejn ikun ċert li jista’ jitkellem ma’ Alla veru!

L-Ordni tal-Karmelu, fid-diversi livelli tiegħu, jista’ jservina bħala muntanja Ħoreb fejn Elija jagħmel esperjenza ġdida u mhux mistennija ta’ Alla. L-ispiritwalità Karmelitana tiddisponina biex bħal Elija niltaqgħu ma’ Alla fejn naħsbu li huwa assenti u bħalu nsiru għatxana għall-ġustizzja. Bħalma Eliżew kiseb il-qawwa meta rċieva l-mantar ta’ Elija, hekk il-lajċi Karmelitani jimtlew bis-saħħa spiritwali u apostolika meta jilbsu l-iskapular li l-Madonna tat lil San Xmun Stock.

Din mhix l-ewwel esperjenza tal-kariżma Karmelitana fil-Knisja lokali! Infatti s-Sorijiet Karmelitani ilhom fostna għal diversi snin. Kienu huma li f’dawn l-aħħar tmintax-il sena, f’kollaborazzjoni mal-patrijiet Karmelitani u bl-għajnuna ta’ Mons. Dun Karm Borg, Cap.SS., bejtu fi qlub għadd ta’ lajċi dan l-interess fil-kariżma Karmelitan.

Filwaqt li nilqa’ bil-ferħ id-deċiżjoni tal-Prijur Ġenerali tal-Ordni Karmelitan li jwaqqaf it-Terz Ordni fil-Knisja lokali, inħeġġiġkom biex tiflu sewwa jekk Alla u l-Madonna tal-Karmnu humiex qed isejħulkom biex issiru membri ta’ din il-Fraternità li l-inawgurazzjoni tagħha ser issir għada l-Ġimgħa fil-parroċċa ta’ Kerċem fil-4.45 ta’ filgħaxija. Huwa fatt li jekk niddakkru minn dan il-patrimonju Karmelitan, il-fjuri jikbru u jiftħu u dan ikun iż-żina tad-djoċesi.

Bl-interċessjoni tal-Madonna tal-Karmnu, nitlob fuqkom ilkoll u fuq il-familji kollha tagħna l-barka tas-Sema.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, Ir-Rabat, Għawdex, illum il-Ħamis 24 ta’ Novembru 2011.
+ Mario Grech
   Isqof ta’ Għawdex

  Mons. Salv Debrincat
  Kanċellier

____________________________________
Biex tinqara fil-knejjes kollha llum il-Ħamis 24 ta’ Novembru u għada l-Ġimgħa 25 ta’ Novembru 2011.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/11/24/cirkulari-ta-mons-isqof-mario-grech/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.