- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Mons Isqof Grech dwar il-komunjoni mal-Knisja Universali

Posted By admin On November 10, 2011 @ 11:20 am In 2011 | Comments Disabled

“Dar Missieri għamiltuha suq”

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa tal-Konsagrazzjoni tal-Lateran
Bażilika ta’ San Ġorġ - L-Erbgħa 9 ta’ Novembru 2011

Hemm ir-riskju li l-kritika li Ġesù għamel lil-Lhud meta fit-tempju, qalilhom “dar Missieri għamiltuha suq”, tkun tgħodd għalina l-Insara llum! Fil-fehma tiegħi hemm żewġ modi kif ir-reliġjon nistgħu nirrenduha “suq”.

Hemm min jidhirlu li jista’ jkun Nisrani imma fl-istess waqt iħossu ħieles li, f’isem Kristu, jgħid li jrid. Hemm min jaċċetta dak li jaqbillu mit-tagħlim ta’ Kristu u jwarrab dak li ma tantx jogħġbu, bħal meta wieħed imur madwar il-bankijiet li jarmaw fis-suq u “jieħu” jew “iħalli” dak li jfettillu. Din hija l-mentalità tar-reliġjon “supermarket”, fejn wieħed jista’ jagħżel l-oġġetti li jkun irid. Dawn huma dawk li jagħżlu xi paġni mill-Evanġelju u jqattgħu l-bqija. Fi kliem iehor, “ir-reliġjon tas-suq” hija dik li wieħed ifassal skont il-qies u aptit tiegħu stess – meta t-twemmin ikun miżgħud bil-kompromessi.

Kuntest ieħor meta r-reliġjon issir suq huwa meta nittrattaw ma’ Alla b’mentalità kummerċjali – “nagħtik sitta u agħtini sold”! Dan huwa l-każ meta nwegħedu xi ħaġa lil Alla basta Hu jaqlgħalna xi grazzja! “Jekk nieħu promotion fuq ix-xogħol, nagħmel offerta lill-Knisja! ….. Jekk infieq, nixgħel xemgħa”. F’każi bħal dawn, ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla ma tkunx frott l-imħabba tagħna lejH imma għax inħobbu lilna nfusna! Dak iż-żmien kien normali li l-Lhud “iħallsu” biex jixtru l-bhejjem biex joffruhom b’sagrifiċċju; imma Ġesù ried jurihom li r-relazzjoni ma’ Alla ma għandhiex tkun waħda “kummerċjali” – nagħtik u agħtini! – imma relazzjoni kollha mħabba diżinteressata. Ġesù rrabja mal-bejjiegħa tat-tempju proprju għax kienu “reliġjużi” imma mhux spiritwali!

Billi llum qegħdin niċċelebraw il-festa tad-dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran, li hija wkoll il-katidral tal-Papa, niftakru li hija l-missjoni tal-Papa li bit-tmexxija tiegħu jgħinna ħalli ma nagħmlux “suq” minn “dar Missierna”! Wieħed mill-modi kif il-Papa jagħti dan is-servizz huwa proprju permezz tat-tagħlim awtorevoli tiegħu – dak li jissejjaħ il-Maġisteru tal-Knisja. Sfortunatament, hawn min, anke fost dawk li għandhom il-mandat li f’isem Kristu jgħallmu u jqaddsu lill-Insara, li nħakmu minn din il-mentalità tas-suq anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-Maġisteru. Kull Kattoliku, anke jekk huwa isqof jew saċerdot, ma jistax ma jkunx f’komunjoni mal-Papa fit-tagħlim tal-verità.

Għalhekk, fl-okkażjoni tal-festa tal-lum, nitolbu lil Alla biex iseddaq lill-Missier tagħna l-Papa u nġeddu l-lealtà u l-fedeltà tagħna lejh. Il-Knisja mhix immexxija skont il-fehma tal-maġġoranza, imma mill-fidi f’Ġesù Kristu li qiegħed lil Pietru biex jirgħa l-merħla kollha.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/11/10/mons-isqof-grech-dwar-il-komunjoni-mal-knisja-universali/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.