- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Isqof jiltaqa’ mas-Soċjetajiet Mużikali Għawdxin

Posted By admin On November 10, 2011 @ 11:16 am In 2011 | Comments Disabled

Każini tal-baned – skola ta’ valuri

L-Isqof Grech wassal dan il-messaġġ f’quddiesa li kkonċelebra fil-Knisja parrokkjali ta’ Kerċem flimkien ma’ għadd ta’ diretturi spiritwali ta’ diversi Każini tal-Baned Għawdxin fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Ċeċilja.

“Fil-ħajja hemm ħwejjeġ li nistgħu nisilfuhom jew nissellfuhom; imma mbagħad hemm ħwejjeġ oħra li la nistgħu nagħtuhom u lanqas nirċevuhom!

L-għaqal, il-prudenza, l-irġulija, is-sens tal-qies, il-korrettezza, ir-responsabilità, eċċ. huma valuri u virtujiet li ma jistgħu qatt jintalbu jew jinxtraw mingħand ħaddieħor, imma wieħed irid jaħdem għalihom, jikber fihom u jagħmilhom tiegħu! Hekk, per eżempju, nafu b’każi fejn il-ġenituri jkunu bil-għaqal imma t-tifel joħroġ iblah! Għalhekk importanti li wieħed jistinka biex irawwem fih dawn il-kwalitajiet li minnhom jiddependi jekk ikunx bniedem integru jew le! Kontra l-mentalità moderna li żżomm li dak li l-aktar jgħodd fil-ħajja huwa x’wieħed ikollu, hemm bżonn nikkonvinċu aktar ruħna li dak li għandu valur hu x’inhu l-bniedem (not to have but to be). Dak li jagħmel lill-bniedem huma proprju dawn il-valuri li mhumiex trasferibbli imma jibqgħu tiegħu jew tagħha personali.

Dan jgħodd ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mad-dimensjoni spiritwali tal-bniedem. Infatti, wieħed jista’ jitkellem ma’ ħaddieħor dwar Alla, wieħed jista’ jipprietka lill-oħrajn imma ma jista’ qatt iġiegħel lil ħaddieħor jemmen: il-fidi hija frott ta’ deċiżjoni individwali u personali. Huwa fatt li l-fidi hija don minn Alla, imma jekk tkunx aċċettata jew rifjutata, jiddependi mid-deċiżjoni ħielsa ta’ dak li jkun! Nistgħu ngħidu ħafna kliem sabiħ dwar il-Liġi t’Alla, imma jibqa’ kliem fl-ajru sakemm il-bniedem ma jintegrax dik il-Liġi f’ħajtu u jsarrafha f’azzjoni! Li tkun tgħix fost il-qaddisin mhux biżżejjed biex issir qaddis, għax il-qdusija hija frott tal-koperazzjoni tiegħek mal-grazzja t’Alla!

Meta l-bniedem ikun imsawwar b’dawn il-virtujiet u valuri, ikun aktar faċli għalih li fil-ġenerożità tiegħu jaqsam dak li għandu mal-oħrajn. Il-qalb umana tingħalaq meta tkun fqira minn dawn il-valuri!

Fid-dawl ta’ dan kollu, inħeġġeġ lill-Għaqdiet Mużikali Għawdxin, li llum qegħdin tiċċelebraw il-festa ta’ Santa Ċeċilja, biex tistinkaw ħalli mis-sede tagħkom tagħmlu mhux biss skola tal-mużika, imma wkoll skola ta’ virtujiet u valuri umani fejn il-membri tagħkom isibu l-ambjent u l-għajnuna biex jistgħanew f’dawn il-kwalitajiet sbieħ! Jekk il-membri jkunu persuni mżejna b’ċerti doti bħalma huma l-għaqal, il-prudenza, is-sens tal-qies, il-korrettezza u r-responsabilitaà, dan ma jkunx biss ta’ ġieħ personali għalihom imma wkoll akkwist għall-Għaqda mużikali rispettiva tagħhom! U jekk dawn il-kwalitajiet umani jkunu msieħba mill-fidi, tant l-aħjar għax il-fidi f’Alla tirrendi perfett dak li hu uman.
 
Investiment tajjeb fil-formazzjoni tal-membri tal-Każin tal-Banda jkun ifisser aktar disponibilità biex tikkollaboraw kemm ma’ Għaqdiet Mużikali oħra kif ukoll ma’ entitajiet oħra. Jien konxju li bejnietkom l-Każini diġà tgħinu lil xulxin billi taqsmu ma’ xulxin kemm ir-riżorsa mużikali kif ukoll dik umana! Nawguralkom li dan it-tisħib bejnietkom joktor; imma aktar ma jkun hemm nies ta’ integrità fl-Għaqdiet tagħkom – u allura persuni li jimxu bir-raġuni u mhux bil-passjoni, persuni li jfittxu d-djalogu u mhux il-konfrontazzjoni, persuni li jgħożżu dak li jgħaqqad u mhux dak li jifred, – allura mhux biss hija garantita din is-solidarjetà fi ħdan l-istess Għaqda Mużikali u bejnietkom l-Għaqdiet, imma ukoll ma’ terzi!

Dawn huma l-awguri tiegħi għalikom fl-okkażjoni ta’ din il-festa ta’ Santa Ċeċilja.”


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/11/10/l-isqof-jiltaqa-mas-socjetajiet-muzikali-ghawdxin/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.