Bewsa qaddisa lill-Aħwa
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa għas-saċerdoti mejtin
Knisja Katidrali – Is-Sibt 5 ta’ Novembru 2011
Dalgħodu ltqajna għadd sabiħ ta’ saċerdoti (madwar 45) fil-Katidral biex offrejna s-sagrifiċċju tal-quddiesa b’suffraġju tas-saċerdoti mejtin; partikularment ftakarna f’dawk is-saċerdoti li mietu matul din is-sena – kienu disgħa, u magħhom fakkarna lill-Isqof Nikol Cauchi, li fil-15 ta’ dax-xahar jagħlaq sena mill-mewt tiegħu.
Fir-riflessjoni tiegħu mas-saċerdoti preżenti, l-Isqof Mario Grech qal li “kif fl-Ittra lir-Rumani San Pawl jiftakar u jsellem lil dawk kienu tħabtu u ħadmu fil-qrib miegħu, hekk illum il-presbiterju djoċesan iltaqa’ biex isellem lil dawk li għal ħafna snin ħdimna fi Kristu flimkien u llum ma għadhomx magħna! Għalina l-Ewkaristija hija l-‘bewsa qaddisa’ li biha Pawlu jsellem lill-aħwa: bl-applikazzjoni tal-merti tas-sagrifiċċju tal-quddiesa b’suffraġju għalihom, aħna qed nuru r-rikonoxxenza tagħna lejhom! Kemm nixtieq li dalgħodu konna aktar saċerdoti nikkonċelebraw! Huwa dmir ukoll tal-lajċi li jitolbu għas-saċerdoti mejtin.
Fl-Evanġelju (Lq 16:9-15) Ġesù jwiddeb lill-Fariżej: ‘Intom dawk li tagħmluha ta’ nies sewwa f’għajnejn il-bnedmin. Imma Alla qalbkom jafha’. Fi kliem ieħor, Ġesù jappella għall-ħajja interjuri! Kif il-ġisem bla ruħ huwa katavru, hekk ukoll jixxejjen il-bniedem li minn barra jidher sewwa, imma mbagħad ikun nieqes mill-ħajja tal-ispirtu jew mill-grazzja! In-Nisrani, u aktar u aktar is-saċerdot, għandu jistinka biex jgħix fil-grazzja t’Alla.
Kif jikteb San Ġwann fil-prologu tal-Evanġelju tiegħu, mill-milja ta’ Krsitu aħna ħadna grazzja fuq grazzja! Għalhekk is-saċerdot ma jistax ma jkunx imsaħħar wara Kristu! Qalbu trid tħeġġeġ għalih u jfittex li jikber fix-xebh miegħu. Minn dan in-namur ma’ Kristu u l-ħajja tal-grazzja tiddependi l-ħeġġa pastorali tagħna. Is-saċerdot ma jistax ikollu passjoni vera lejn il-bniedem (aspett pastorali) jekk ma jkunx appassjonat għal Kristu!
Biex tkun imħarsa din l-intimità ma’ Kristu, is-saċerdot ikollu għal qalbu l-ħajja axxetika, partikularment billi jipprattika r-rażna u jfittex mumenti ta’ talb, speċjalment quddiem Ġesù Ewkaristija. Fil-preżenza tiegħu biss nistgħu naċċertaw ruħna li ser nimtlew bih. Hekk biss is-saċerdot ikun jista’ jżomm ’il bogħod mid-dnub u jikber fil-grazzja. Dan kollu jkollu rifless fl-impenn pastorali.
Niftakru li llum fakkarna lil dawk is-saċerdoti li ħallewna matul din is-sena. Xi darba fil-lista tal-mejtin għad jaqraw isimna wkoll! Għax għad jasal il-jum meta aħna wkoll irridu nidhru quddiem Alla u lilu rridu nagħtu rendikont ta’ kemm għexna l-vokazzjoni saċerdotali tagħna u wettaqna l-mandat tagħna bil-fedeltà.”