28 ta Ottubru, 2011
Tberik tal-Maltese Bocci Club f’Deer Park
Għall-ħabta tas- 7.30 p.m. l-Isqof Mario Grech għamel zjara lil Maltese Bocci Club f’Deer Park fejn ingħata merħba minn madwar tlett mitt emigrant Malti. Billi dan l-aħħar saret estensjoni tas-sala principali ta dan il-club, l-Isqof intalab ibierek dan il-post. Imbagħad, flimkien ma Fr. Manny Bonello, Fr Eddie Zammit, Arcipriet Cardona, Kan Gwann Sultana, Patri Remig Galea ofm., l-Isqof Grech iċċelebra l-Ewkaristija b’suffragju għal dawk li mejtin li għadhom rabta ma dan il-club li mietu matul din is-sena.
Fl-omelija tieghu, l-Isqof Grech qal:
“Ir-rakkont tal-Evangelju dwar il-miraklu li għamel Gesu meta qajjem lil bin l-armla minn Najm, inebbaħni li hemm diversi tipi ta mwiet li xieraq nitolbu lil Alla jeħlisna minnhom.
L-ewwelnett aħna nemmnu li il-mewt mhix l-aħħar kelma fil-ħajja tal-bniedem. Min jemmen fi Kristu li qam mill-mewt, jieħu sehem ukoll fir-rebħa ta Kristu fuq il-mewt! Għalhekk għandna tama qawwija li dawk li mietu jerggħu jqumu għall-ħajja ta dejjem.
Imma mbagħad hemm “imwiet” oħra li nixtieq li Alla “jqajjimna” minnhom!
Nitlob lil Alla jqajjem fina s-sens ta rġulija li fl-imgħoddi kien jikkaratterizza lil kull Malti! Sa ftit snin ilu, il-kelma tal-bniedem kienet bizzejjed biex wieħed jorbot fuqha! Illum l-affarijiet inbidlu għax qed ninbidlu aħna! Sfortunatament, il-bniedem qed jitlef dak is-sens ta irġulija li kien jagħmlu kbir u qawwi. Illum, ħafna saru bħal pinnur li jdur ma kull riħ. Il-kelma tant saret irħisa, li hawn inflazzjoni tagħha u ma għadha ssarraf kwazi xejn. Min jixtieq isib persuna li jista jafda u joqgħod fuqha, irid joħroġ ifittixha bil-fanal! Għalhekk, nara l-ħtieġa li nqajmu fina dan is-sens ta rġulija li bħal kalamita jiġbed l-ammirazzjoni u r-rispett tal-kotra.
Nitlob lil Alla jieqaf magħna biex ma nħallux jisparixxi l-karattru Malti minn fost il-komunita tal-emigranti tagħna fl-Awstralja. Huwa ta min ifaħħarhom dawk l-inizjattivi varji li hemm fostkom biex tikkuraw u trawmu fostkom l-element Malti. B’daqshekk ma rridx infisser li l-emigrant ma għandux ifittex li jintegra ruħu fil-kultura Awstraljana; imma filwaqt li jfittex li jagħmel dan, huwa għandu jgħozz l-identita Maltija tiegħu. Dan jgħodd b’mod partikulari għal ġenerazzjonijiet li telgħin: huwa meħtieġ li ndakkru lil dawk tat-tieni, it-tielet ġenerazzjoni u ‘l bqija, b’dak li jsawwar il-kultura Maltija.
Fuq kollox nitlob lil Alla biex fl-emigranti Maltin jibqa qawwi l-ispirtu Kristjan! Trid tkun għama biex ma tinnutax sinjali li jixhdu li hemm il-periklu li t-twemmin nisrani bħal jibda jnin fost ulied l-emigranti! Aħna konvinti li l-fidi tagħna f’Gesu Kristu u s-sħubija tagħna fil-Knisja Kattolika jissarfu f’vantaġġi kbar kemm spiritwali kif ukoll materjali. Fl-istess waqt konxji ukoll mill-isfidi mhux zgħar li qegħdin inħabtu wiċċna magħhom aħna d-dixxipli ta Gesu Kristu! Imma dan ma għandux jitgħana lura jew idgħajjef il-konvinzjonijiet insara tagħna. Il-fidi hija don t’Alla u għalhekk nitolbuH jieqaf magħna biex dan id-don ma jintrifix jew jintesa, imma jitkattar fostna l-emigranti”.
Wara l-quddiesa, l-Isqof Grech kixef u bierek lapida li tfakkar din il-grajja.
Zjara lil Klabb Għannejja Maltin
Illejla l-Isqof Grech kellu laqgħa oħra sabieħa mal-emigranti fil-Klubb Għannejja Maltin f’St. Albans, Victoria. L-Isqof Grech ġie milqugħ mill-President tal-Klubb, is-Sur George Aquilina u mis-Segretarja s-Sinjura Elaine Cotter nee Xerri li mbaghad dawruh mall-uffiċċji tal-Klubb.
F’kelmtejn ta merħba, is-Sur George Aquilina fisser l-apprezzament tal-membri tal-Klubb kollha għaz-zjara li kien qed jagħmel l-Isqof Grech. Aquilina tenna li huwa jemmen bis-sħiħ li l-fidi nisranija hija marbuta ma l-identita Maltija u għalhekk talab lill-Isqof biex jikkonferma lill-membri fil-fidi tagħhom. Aquilina għarraf lil Isqof Grech bil-ġenerosita tal-membri, tant li fis-snin l-imgħoddija offrew għajnuna finanzjarja kemm lid-Dar tal-Provvidenza kif ukoll lil Puttinu Cares.
L-Isqof Grech faħħar lil dan il-Klubb għall-isforżi li kontinwament qed jagħmel biex jikkoltiva l-għana folkloristiku Malti! Huwa nkuraġġixxa lil dawk prezenti mhux biss biex b’determinażżjoni jibqgħu jzommu ħajjin t-tradizzjonijiet Maltin, imma ukoll billi jkomplu jagħtu s-sehem tagħhom fin-nisġa tal-grajjiet ta zmienijietna li huma l-bazi tar-rakkonti u c-celebrazzjonijiet ta għada! L-Isqof Grech esprima l-apprezzament tiegħu għal qalb karittativa tal-membri tal-Klubb, partikularment għal għajuna sabieħa li joffru lit-tfal morda u lill-familjari tagħhom. L-Isqof Grech appella lil dawk prezenti biex ikunu ġenerużi mal-foqra, l-morda, u dawk kollha li huma taħt il-piż tal-ħajja. Fisser li anke hu, permezz tal-ħabib tiegħu Dr Joe Mifsud LL.D, kien isegwi l-ħidma ta Puttinu Cares tant li kontra qalbu kellu jirrifjuta stedina mingħand ta Puttinu Cares biex imur ibierek premesis ġodda f’Londra!
Iz-zjara f’dan il-Klubb ġiet fi tmiemha b’għana spirtu pront minn grupp ta għannejja akkumpanjati minn 4 kitarri.
Għajuna għas-Seminarju t’Għawdex
Kemm matul iz-zjara fil-Maltese Cultural Association f’Albion li saret il-bieraħ, kif ukoll fiz-zewg zjajar ta llum, l-clubs imsemmija, b’mod spontanju u b’inizjattiva proprja, il-membri organizzaw ġabra li mbagħad ġiet offruta lill-Isqof Grech biex japplika għal xi ħtieġijiet fid-djocesi. L-Isqof Grech irringrazzja lill-emigranti għal din il-qalb kbira li għadhom u għarraf li t-tlett offerti ser juzahom għal bzonnijiet tas-Seminarju Magguri li hemm fid-djocesi t’Għawdex.