Published on October 5, 2011
in 2011.
L-Isqof Grech jiltaqa’ mal-Kardinal Pell
L-Erbgħa, 5 ta’ Ottubru 2011
Laqgħa mal-Emigranti Anzjani
Dalgħodu numru mdaqqas ta’ emigranti anzjani (madwar 350) inġabru f’Redgum Function Centre f’Wentworthville għal laqgħa ma’ Mons Isqof Mario Grech.
Il-funzjoni bdiet b’diskors ta’ merħba minn Sr. Mary Ann Grima fmm. Imbagħad, l-Isqof Grech, akkumpanjat minn Fr. Claude Borg mssp, Fr. Eddie Zammit, Fr. John Sultana u Fr. John Vella ofm cap., ta bidu għall-quddiesa. Fil-bidu tal-quddiesa, l-Isqof sellem lil dawk preżenti bħala l-aktar “grupp Malti”, għax ikkunsidrata l-età tagħhom, fost l-emigranti Maltin kollha dawn l-anzjani għandhom karatteristiċi Maltin awtentiċi; huma wkoll l-aktar “grupp reliġjuż” minħabba l-għeruq qodma Kristjani tagħhom! Fl-omelija tiegħu l-Isqof wassal dan il-messaġġ:
“Inbid qadim mhux biss isir tajjeb imma wkoll aktar ċar għax joqgħod! Hekk ukoll jiġri lill-bniedem meta jikber fiż-żmien. Isir aktar tajjeb għax it-“tartru” tal-ħajja jibda joqgħod u hekk jibda jara aktar ċar! L-anzjani għandhom il-benefiċċju li jħarsu lura lejn ħajjithom u jitgħallmu mill-esperjenza tagħhom stess! Żgur li meta nħarsu lejn il-passat, nirrikonoxxu li nkunu għamilna għażliet li setgħu kienu aktar għaqlin! Forsi nsibu wkoll li ħadna deċiżjonijiet żbaljati! Min jaf kemm-il darba sibna ruħna f’salib it-toroq u bl-għaġġla ħadna triq b’oħra, u forsi bqajna għaddejjin minnha! Għaddejna minn żminijiet fejn minħabba ċ-ċpar ma stajniex naraw b’mod ċar! Mhux qed ngħid hekk biex innissel sens ta’ ħtija jew dieqa fikom – l-imgħoddi mhux tagħna! Imma żgur li l-anzjani, għax illum jaraw ftit aktar ċar, kapaċi jiżnu u jitgħallmu mill-istess esperjenza tal-imgħoddi u hekk ifasslu l-preżent aħjar! Continue reading >>
Published on October 4, 2011
in 2011.
L-Isqof Grech f’Parramatta
It-Tlieta, 4 ta’ Ottubru 2011
Laqgħa mal-Isqof ta’ Parramatta
Dalgħodu l-Isqof Mario Grech għamel żjara ta’ kortesija lill-Isqof ta’ Parramatta, l-E.T. Mons Anthony Fisher O.P. fil-Kurja, peress li f’din id-djoċesi li twaqqfet 25 sena ilu, hawn joqogħdu ħafna emigranti Maltin u Ghawdxin. Matul din il-laqgħa, li ħadet madwar siegħa, l-isqfijiet tkellmu dwar temi li għandhom x’jaqsmu mal-Knisja universali kif ukoll dwar suġġetti li jolqtu lill-emigranti Maltin.
Fi kliem l-Isqof Fischer ir-realtà ta’ Parramatta hija waħda multi-etnika, tant li fiha hemm preżenza ta’ 110 lingwa! Anke r-realtà reliġjuża hija varjata – għax barra li wieħed minn tlieta tal-popolazzjoni jgħidu li ma jħaddnu ebda twemmin, hemm reliġjonijiet oħra bħalma huma l-Ħindu u l-Iżlam. Din ir-realtà toffri sfida ta’ evanġelizzazzjoni lill-Knisja Kattolika. Barra minn hekk, il-Knisja f’Parramatta qed tħoss l-urġenza li tħabbar mill-ġdid l-Evanġelju lil dawk il-Kattoliċi li, għalkemm huma mgħammda, ittraskuraw il-ħajja tas-sagramenti u qed jgħixu stil ta’ ħajja barranija għall-Evanġelju.
F’ċertu sens dawn l-isfidi huma komuni wkoll għall-Knisja f’pajjiżna. Continue reading >>
Published on October 3, 2011
in 2011.
Mons Isqof Mario Grech jiltaqa’ mas-Sorijiet Dumnikani u mas-Soċji tal-Museum
It-Tnejn, 3 ta’ Ottubru 2011
Konsagrazzjoni ta’ altar
Dalgħodu l-Isqof Grech bierek kappella ġdida fil-kunvent tal-Annunzjazzjoni tas-sorijiet Dumnikani fi Blacktown u kkonsagra altar fl-istess kappella ddedikata lil San Duminku.
Fl-omelija tiegħu l-Isqof fisser ix-xewqa li l-esperjenza mal-mejda tal-altar tas-sagrifiċċju għandha tgħin biex in-Nisrani jarma mejda oħra li tilqa’ madwarha lil dawk li huma għajjenin għax nieqsa mill-ikel u mill-imħabba. L-Isqof Grech appella biex isir talb għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjuzi.
Is-Soċjetà Museum f’Sydney
Fil-belt ta’ Sydney hawn preżenza tas-Soċji rġiel u nisa Maltin li qegħdin iwettqu ħidma kateketika.
F’laqgħa li kellhom mal-Isqof Grech, huma fissrulu d-diversi attivitajiet li qed jagħmlu bħala katekisti kemm fil-parroċċi kif ukoll fl-iskejjel. Huwa ta’ sodisfazzjon kemm għas-Soċjetà tal-Museum innifisha kif ukoll għall-Knisja f’pajjiżna li lajċi Maltin emigraw lejn l-Awstralja biex jgħinu f’din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida. Dawn il-lajċi huma mudell għal ħafna lajċi oħra, anke f’pajjiżna, biex ikunu ġenerużi u jissieħbu fil-missjoni tal-Knisja.
Published on October 3, 2011
in 2011.
L-Isqof Grech f’Sydney
Il-Ħadd, 2 ta’ Ottubru 2011
Żjara lil xi morda
Dalgħodu l-Isqof Mario Grech għamel zjara fil-Mt. Druitt Hospital fejn ra xi morda u ta s-sagrament tad-Dilka tal-morda lil Ġustinu Aquilina, emigrant min-Nadur li emigra lejn l-Awstralja 61 sena ilu.
Quddiesa fil-Katidral ta’ Sydney
Folla mdaqqsa ta’ emigranti mliet il-Katidral ta’ St. Mary f’Sydney. Għall-ħabta tas-2.00pm, it-tabib Chev. Dr. George Boffa għamel kelmtejn ta’ merħba. Imbagħad l-Isqof Grech beda r-reċita tar-Rużarju u George Felice, Superjur tas-Soċjetà tal-Museum fi Blacktown, mexxa t-talba tar-Rużarju.
Wara t-talba tar-Rużarju, l-Isqof Grech ta bidu għall-quddiesa pontifikali. Jikkonċelebraw mal-isqof kien hemm P. Tarcisio Micallef, P. Joe Barbara, P. Joe Cremona, P. Claudio Borg, P. John Catania – kollha membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, P. John Briffa sdb, Arċipriet Pawlu Cardona, Fr. John Sultana, Fr. Eddie Zammit, P. John Vella ofm., P Remiġ Galea ofm Cap. Continue reading >>
Published on October 1, 2011
in 2011.
MONS ISQOF GRECH FOST L-EMIGRANTI FL-AWSTRALJA
Nhar l-Erbgħa wara nofsinhar l-Isqof Mario Grech telaq minn Malta lejn Sydney fuq titjira tal-Emirates biex jibda żjara pastorali Fl-Awstralja. Grupp ta’ 37 persuna, fosthom tliet saċerdoti u Patri Kappuċċin, qed jakkumpanjaw lill-Isqof.
Il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru
Nhar il-Ġimgħa fit-8.15am l-Isqof wasal Sydney International Airport fejn kien milqugħ minn għadd ta’ emigranti Maltin u Għawdxin fl-Awstralja. Fosthom kien hemm Christopher Mercieca, il-Konslu Malti għal NSW, Mr Monti Sultana u Emanuel Zammit membri tal-Kumitat Organizzattiv, u Fr Joe Barbara u Fr Tarcisio Micallef, membri tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.
L-ewwel waqfa tal-Isqof Grech ser tkun għand is-Sorijiet Dumnikani li jmexxu St Dominic’s Hostel. Sr Georgina Sultana hija responsabbli min din il-komunita reliġjuża. F’din id-dar hawn joqogħdu 50 persuna anzjana, fosthom uħud mill-emigranti anzjani Maltin. Din id-dar infetħet 23 sena ilu u l-ewwel ġebla tqegħdet minn Mr John Aquilina, membru parlamentari fl-iState Parliament ta’ NSW.
Filgħaxija l-Isqof Grech iċċelebra quddiesa f’dan il-hostel. F’kelmtejn ta’ introduzzjoni, l-Isqof Grech qal li f’din l-ewwel quddiesa li qed jiċċelebra fl-Awstralja, huwa jiftakar f’dawk il-ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin li fis-snin l-imgħoddija ssetiljaw hawn l-Awstralja, jitlob għalihom u jrodd ħajr lil Alla għall-ġid li l-komunità Maltija wettqet f’dan il-pajjiż.
Imnebbaħ mill-festa ta’ San Ġirolmu, li l-Knisja ċċelebrat illum, l-Isqof Grech, filwaqt li tenna li huwa konvint li l-emigranti li fl-imgħoddi marru l-Awstralja, b’mod jew ieħor kellhom is-support tal-Kelma t’Alla, huwa fisser ix-xewqa tiegħu li l-istess Kelma t’Alla tibqa’ tkun il-musbieħ għall-passi tal-emigranti tal-lum. Continue reading >>
PDF Version
ITTRA PASTORALI
MILL-E.T. MONS. PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
u
MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA NISRANIJA
Ħutna,
Qegħdin niktbu din l-ittra tagħna wara mumenti ta’ skiet u riflessjoni. Xtaqna li dan il-kliem ngħiduh f’mument ta’ kalma, bit-tama li jidħol fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Inħossu li hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet importanti fuq il-kwalità tal-ħajja Nisranija ta’ kull wieħed u waħda minna. Dawn id-deċiżjonijiet jgħinuna biex ikollna Knisja li tkun ħmira għas-soċjetà tal-lum. Qegħdin ngħaqqdu din l-Ittra Pastorali max-xahar ta’ Ottubru, biex ngħaqqduha max-xahar tar-Rużarju, ħalli tkun imsaħħa minn din it-talba lil Marija Santissima.
Ir-Realtà tal-lum
Dawn id-deċiżjonijiet irridu neħduhom fil-kuntest ta’ tliet realtajiet kbar li jagħmlu aktar diffiċli l-għażla tagħna għal iktar twemmin fil-Mulej u għal iktar impenn biex nibnu l-Knisja fuq it-tagħlim ta’ Ġesù.
L-ewwel realtà hi l-bidla qawwija u mgħaġġla tas-soċjetà u l-kultura ta’ madwarna. Għan-Nisrani huwa diffiċli jidentifika lilu nnifsu f’kollox ma’ din il-kultura. Hija kultura li għenitna ngħixu aħjar xi valuri bħall-ambjent, l-aċċettazzjoni tal-persuni bi sfond kulturali differenti, il-ftuħ għar-realtà globali bl-opportunitajiet u r-riskji tagħha. Iżda min-naħa l-oħra saret iktar diffiċli li tgħix il-valuri Nsara bħalma huma: ir-rispett tal-individwu mit-tnissil sal-aħħar mument tal-ħajja, taż-żwieġ dejjiemi u ta’ familja stabbli fejn it-tfal jistgħu jitrabbew f’sigurtà, tal-esperjenza ta’ Alla li permezz tat-talb twassal għal impenn fil-Knisja u impenn Kristjan fis-soċjetà.
It-tieni realtà hi li minħabba d-dħul tad-divorzju f’pajjiżna, issa għandna soċjetà li iktar faċli tindarab fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja. Dawn għandhom parti importanti ħafna fil-qafas tas-soċjetà u tal-Knisja. Għax id-dħul tad-divorzju jfieri kull żwieġ, kemm dak ċivili, kif ukoll iż-żwieġ sagrament.
It-tielet realtà hija l-każ ta’ abbużi ta’ minorenni minn xi saċerdoti. Kull tip ta’ abbuż iġib tbatija enormi. Inħossuna umiljati quddiem il-vittmi tal-abbuż, kif ukoll quddiem il-Knisja u quddiem is-soċjetà li għaliha ġejna mibgħuta biex inkunu xhieda. Continue reading >>