- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Dwar abbużi sesswali fuq minuri

Posted By admin On August 11, 2011 @ 10:04 am In 2011 | Comments Disabled

Uħud mill-istqarrijiet li għamel f’dawn l-aħħar snin l-Isqof Mario Grech dwar l-abbużi sesswali fuq il-minuri.

1.   Note sent to the Times of Malta: “re. your query Bishop Mario Grech was not a member of the Response Team in the 2003 case. However he was on the response Team when the case was presented again. In the course of this second inquiry Bishop Grech resigned from his post in November 2005 when he was nominated Bishop” (10th August, 2011).

2.   Mons. Isqof qal lill-Kappillani li jekk ikollhom xi informazzjoni dwar abbuż sesswali fuq minuri minn xi funzjonarju pastorali ma nistgħux nerfgħu r-responsabiltà u għalhekk għandhom jistiednu lil min jagħtihom informazzjoni bħal din biex iwassluha lill-Isqof u jħeġġuhom ukoll biex jinfurmaw lill-pulizija (Minuti laqgħa tal-Kulleġġ tal-Kappillani, 3 ta’ Awwissu 2011).

3.  “Bishop Grech insists that all members of the Church, clergy and laity alike, are in duty bound to cooperate with the ecclesiastical and civil authorities investigating similar cases (of sexual abuse of minors)”. (Statement by Bishop Grech published by Times of Malta, 4th June 2011).

4. “Kull abbuż sesswali fuq il-minuri huwa ħażin u kundannabbli, irrispettivament jekk min iwettqu tkunx persuna lajka, reliġjuża jew saċerdot. L-abbużi sesswali għandhom jiġu denunzjati lill-awtoritajiet kompetenti, partikularment lill-pulizija” (Diskors li għamel l-Isqof Mario Grech fil-konklużjoni tal-Konferenza Nazzjonali “Is-Sbuħija tal-Ġisem. Lejn it-Teoloġija tal-Ġisem”, 31 ta’ Ottubru 2010).

5.  “Imbagħad hemm mġieba skandaluża, bħalma huma skandli koroh l-abbużi fil-Knisja, partikularment l-abbużi sesswali mwettqa minn membri tal-kleru jew reliġjużi. Abbużi ta’ din ix-xorta, iktar u iktar jekk ikunu involuti l-minorenni,  jagħmlu ħsara enormi u qed ikissru l-kredibilità tal-Knisja”.  (Omelija li Mons Isqof Mario Grech għamel waqt il-Pontifikal tal-10 ta’ Frar 2010 fil- Munxar).

6.  “Quddiem il-periklu ta’ abbużi sesswali, xejn ma nistgħaġeb jekk ’il quddiem jiġi xi ħadd u jgħidilna biex ma nibagħtux lil uliedna għad-duttrina jew il-Museum; biex it-tfal tagħna ma jibqgħux jaqdu l-altar bħala abbatini; biex ma nħalluhomx imorru fl-iskejjel tal-Knisja… għax jistgħu jmissuhom!!!  Mhux qed ngħid li fil-Knisja ma hemmx dawn il-perikli! Imma nixtieq nara fi ħdan kategoriji u professjonijiet oħra fis-soċjetà tagħna dik l-istess rigorożità u serjetà li għandha l-Knisja llum biex imġibiet bħal dawn jiġu mrażżna. Filwaqt li għal darb’oħra nikkundanna kull forma ta’ abbuż sesswali, partikularment fuq il-minuri, nagħti kelma li meta nkun naf b’imġieba bħal din fil-kamp pastorali, jien naġixxi. Min-naħa l-oħra, mhux ġust li jekk jiżbalja wieħed, miegħu jeħel kulħadd”. (Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ San Ġużepp, Parroċċa Qala – Il-Ħamis, 18 ta’ Marzu 2010).

7.  “Da parti tagħha, il-familja kif ukoll dawk l-istituzzjonijiet li jassistu l-familji fil-formazzjoni u l-kura tal-ulied, bħalma huma l-iskejjel, iġorru fuq spallejhom id-dmir li jħarsu u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal. Huwa allarmaneti li llum għadhom isiru allegazzjonijiet li f’ċerti istituzzjonijiet, bħalma huma xi familji u xi skejjel, għad hemm min jagħmel vjolenza fiżika u morali fuq it-tfal. Inċidenti bħal dawn għandhom jiġu denunzjati lill-awtorità” (Messaġġ tal-Isqof Grech fl-okkażjoni taċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premju “Qalb tad-Deheb”, 25 ta’ Jannar 2008).

8. “Ix-xhieda tagħna hija importanti ħafna għax issaħħaħ il-kelma tagħna. Daqstant ieħor tkun detrimentali xhieda skandaluża. Nagħmel referenza għall-allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali minn funzjonarji pastorali. Fil-preżent fid-djoċesi tagħna s-saċerdot normalment huwa fdat. Nibżgħu għal din il-fiduċja. Imġieba skorretta mhux biss tagħmel ħsara gravi lill-vittmi, imma tkisser il-kredibilità tal-presbiterju kollu, aktar u aktar jekk din l-imġieba tirriżulta waqt l-azzjoni liturġika. Fil-Provinċja Ekkleżjastika Maltija għandna Policy li jien obbligat insegwi; imbagħad hemm ukoll istruzzjoni mill-Kongregazzjoni tal-Fidi li tgħid li jekk l-isqof ikun mgħarraf b’xi inċidenti bħal dawn, huwa fid-dmir li jikkomunika magħhom” (Diskors ta’ l-Isqof Mario Grech fil-laqgħa tal-bdil tal-Awguri mas-saċerdotita, 5 ta Jannar 2008).

9.  “It-tfal għandhom dritt illi ma jkunux abbużati, la fiżikamanet, la psikoloġikament, la sesswalment u lanqas emozzjonalment. Minn tagħrif li għandi, quddiem l-Aġenzija Appoġġ hemm ħames mitt każ jistennew li jiġu trattati. Possibbli ma nistgħu nagħmlu xejn biex dawn il-każijiet jiġu investigati fi żmien qasir? L-ewwel nett ħalli nneħħu darba għal dejjem l-idea li min qed jagħmel dan l-isfreġju fuq uliedna jibqa’ frank; imbagħad biex ngħinu lil dawn il-vittmi jirkupraw dimensjoni importanti li tista’ tħallihom immarkati ħajjithom kollha! Għalina li niftaħru li għandna ċiviltà li tiddefendi d-drittijiet tat-tfal, dawn huma drittijiet li jeħtieġu azzjoni immedjata. Mentri xi drabi nkunu nafu li qed jiġru u nagħlqu fommna u għajnejna!” (Omelija tal-Isqof M Grech, festa tat-Twelid tal-Madonna, Xagħra – 8 ta’ Settembru 2006).

10. “Għandna t-tfal li qed jiġu vittimizzati. Ħafna drabi meta nitkellmu dwar it-tfal bħala vittmi jiġina f’moħħna l-abbuż sesswali tat-tfal, jew l-abbuż fiżiku, jew psikoloġiku tat-tfal. Iva, dawn huma affarijiet ħżiena, u hemm bżonn illi niqfulhom, ikunu ġejjin minn fejn ġejjin. U hemm bżonn illi nsemmgħu leħinna biex uliedna jiġu mħarsa u rispettati” (Omelija tal-Isqof Mario Greċh, Festa ta’ Santa Margerita, Sannat – 23 ta’ Lulju 2006).


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/08/11/dwar-abbuzi-sesswali-fuq-minuri/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.