IL-PAPA TAŻ-ŻWIEĠ U TAL-FAMILJA
Diskors ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ftuħ tal-Wirja “Ġwanni Pawlu II – il-Papa li seraq il-qlub”
Sala tas-Seminarju, Ir-Rabat, Għawdex – Il-Ħadd 17 ta’ April 2011
Esperjenza personali
Ma kontx ilni sentejn saċerdot, meta fl-1985 kelli l-okkażjoni li niltaqa’ mal-Papa Ġwanni Pawlu II personalment. Bħala isqof ta’ Ruma hu kien qed idur il-parroċċi tad-djoċesi u mess li jiltaqa’ mal-komunità parrokkjali tal-Assunzjoni li hemm fuq it-Tuscolana. Kont għadni qrempuċu, u l-aħbar li l-Papa kien ġej fil-parroċċa fejn kont nagħmel xi ħidma pastorali fis-snin li kont qed nistudja Ruma tatni ferħ kbir.
Ma niftakarx x’kien il-messaġġ tal-Papa Wojtyla dakinhar tal-quddiesa li ċċelebra fil-parroċċa; imma għadu stampat f’qalbi u f’moħħi l-kliem impenjattiv li qal lilna s-saċerdoti waqt li konna mal-mejda nieħdu ftit tè. Għalkemm kien għadu fl-ewwel snin tal-pontifikat tiegħu, it-tagħlim tiegħu kien diġà juri li kien Papa li kellu għal qalbu l-bniedem, partikularment il-familja.
Bejn kikkra tè u oħra, b’dik il-ħarsa karatteristika tiegħu ta’ bniedem deċiż minn dak li kien jgħid, saħaq magħna li l-familja għandha tkun prijorità tal-ħidma pastorali tagħna għax il-familja hija l-benniena fejn jissawwar iċ-ċittadin u n-Nisrani. Kien f’din iċ-ċirkustanza li l-Papa ħares lejja u faħħar lil pajjiżna għax jemmen fil-familja.
Mur ġibu jitkellem illum fuq il-familja Maltija! F’perijodu relattivament daqshekk qasir, il-familja tagħna kellha tara sfidi bħal din tad-divorzju! X’futur hemm għall-familja meta qegħdin nikkunsidraw li nibdew nibnu l-familja fuq ir-ramel u mhux fuq blata żonqrija?
Imbagħad erġajt kelli x-xorti nkun qrib tiegħu meta fl-1990 hu għamel l-ewwel żjara pastorali fil-gżejjer Maltin. Fl-ewwel quddiesa li l-Papa ppresieda f’pajjiżna, eżattament quddiem is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, huwa kellu messaġġ imħeġġeġ dwar il-familja: “Fl-imgħoddi l-ħajja tal-familja b’saħħitha ta’ Malta ipprovdiet bażi soda għall-istabilità u l-iżvilupp armonjuż tas-soċjetà. Fiż-żmien tal-lum, jistgħu l-familji ta’ Malta u Għawdex jibqgħu jilqgħu din l-isfida urġenti? Bħal ħafna soċjetajiet, tagħkom m’għandhiex immunità minn xorta ta’ diżorjentament spiritwali kkważat minn bidliet soċjali mgħaġġla u l-attrazzjoni ta’ sistemi u modi ta’ valuri li jmorru kontra l-konvinzjonijiet l-aktar profondi li għaġnu l-identità tagħkom bħala poplu … Nitlobkom ilkoll biex titolbu miegħi li l-familji ta’ Malta jkunu l-ħawt li fih is-soċjetà tagħkom tfondi l-impenn imġedded għall-valuri tal-Evanġelju li huwa l-aktar wirt prezzjuż li ġej mill-imgħoddi”.
Meta naqraw dan il-kliem fis-sitwazzjoni attwali tal-familji tagħna, jidher ċar li l-kliem tal-Papa kien profetiku! Quddiem dan il-kliem, ma nistgħux ma nistaqsux x’għamilna minn dakinhar ’l hawn jew għamilniex biżżejjed biex nilqgħu għal dak “id-diżorjentament” li jsemmi l-Papa – għax ġejna fi kliemu!
Huwa fatt li matul is-snin tal-pontifikat ta’ Ġwanni Pawlu II waslilna ħafna tagħlim mill-pinna ta’ dan il-Papa li jitfa’ dawl ġdid u aktar qawwi dwar l-aspett antropoloġiku, teoloġiku u spiritwali tal-familja. Mhux ta’ b’xejn, il-Papa Ġwanni Pawlu ġie msejjaħ bħala l-Papa taż-żwieġ u l-familja!
Difensur tal-ħajja
Għalkemm ma naqasx li l-Papa Ġwanni Pawlu II joffri gwida morali dwar il-ħajja miżżewġa, però dan ma kienx il-qofol tal-maġisteru tiegħu dwar iż-żwieġ u l-familja. Huwa minnu li Ġwanni Pawlu II huwa difensur tal-ħajja sa mill-bidu tat-tnissil tagħha fl-ambjent propju tagħha: fi ħdan il-koppja miżżewġa. Huwa jikkonferma d-duttrina li hemm fl-enċiklika ta’ Pawlu VI Humanae Vitae, tant li kien fi żmienu li l-ewwel il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi ħarġet l-istruzzjoni Donum Vitae, imbagħad tana l-enċiklika Evangelium Vitae. Dawn it-tliet dokumenti jiffurmaw it-trittiku li jiġbor it-tagħlim tal-Knisja dwar l-imħabba tal-miżżewġin li hija miftuħa għall-ħajja.
Sejħa għall-għaqda
Mill-1979 sal-1984, għal ħames snin sħaħ, matul l-udjenzi li l-Papa jkollu kull nhar ta’ Erbgħa f’San Pietru, il-Papa Ġwanni Pawlu II għażel li jagħmel katekeżi dwar l-imħabba umana! B’kollox għamel 129 katekeżi li llum jiffurmaw dik li tissejjaħ it-“Teoloġija tal-Ġisem”. Permezz ta’ dawn ir-riflessjonijiet il-Papa jagħmel riflessjonijiet interessanti fejn jipprova jindirizza l-mistoqsijiet li hemm fil-ġewwieni ta’ kull bniedem, partikularment dwar is-solitudni, is-sesswalità umana, ir-relazzjonijiet interpersonali, ir-relazzjoni bejn ir-raġel u l-mara, eċċ. Hekk il-Papa juri kif ir-raġel isib it-twettiq tiegħu meta jidħol f’relazzjoni stabbli u sinċiera mal-mara, peress li bejniethom hemm kumplimentarjetà sesswali. Sa mill-bidu tal-ħolqien il-bniedem għandu sejħa naturali biex jingħaqad ma’ persuna ta’ sess oppost u l-għaqda ta’ bejniethom tkun tirrifletti l-għaqda li hemm f’Alla. Bi kliem poetiku imma veru, il-Papa jgħallem li l-bniedem isir xbieha t’Alla mhux meta jkun waħdu, imma meta jkun f’komunjoni mas-sieħba tiegħu. Il-misteru tal-familja huwa għalhekk meqjus mill-Papa Ġwanni Pawlu II bħala estensjoni ta’ din il-komunjoni. Il-ġmiel tal-familja magħquda huwa rifless tal-ġmiel li hemm fil-familja t’Alla li hija t-Trinità Qaddisa.
Żwieġ dejjiemi
Meta din l-għaqda fil-familja tixxellef jew tintilef għal kollox, it-telfa tkun kbira kemm għall-miżżewġin infushom, għall-ulied kif ukoll għall-istess soċjetà. Kif insibu fl-Eżortazzjoni Apostolika Familiaris Consortio, li l-Papa Ġwanni Pawlu II ippubblika f’Novembru 1981 wara li kien ġie ċċelebrat Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja, insibu li “ir-raġuni ewlenija li ż-żwieġ ma jista’ jinħall qatt qiegħda fl-għoti sħiħ u għal kollox, bir-ruħ u bil-ġisem tal-miżżewġin lil xulxin; il-ġid tat-tfal ukoll jitlob li ż-żwieġ qatt ma jinħall, iżda fl-aħħar mill-aħħar, il-verità ta’ dan qiegħda fil-pjan li Alla wera fir-Rivelazzjoni: Alla jrid li ż-żwieġ ma jinħall qatt u dan iridu bħala frott u sinjal u ħtieġa ta’ dik l-imħabba li Alla għandu għall-bniedem u Kristu għandu għall-Knisja, imħabba li qatt ma tiġi nieqsa” (n.20).
Ġwanni Pawlu II mhux biss għandu kliem ta’ tifħir għal dawk il-ħafna miżżewġin li, għalkemm jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet, iħarsu u jsaħħu dejjem aktar ir-rabta taż-żwieġ li ma tinħall qatt, imma jinnota s-siwi tax-xhieda ta’ dawk il-miżżewġin li, għalkemm mitluqin mis-sieħeb jew is-sieħba, imqawwijin mill-fidi u mit-tama Nisranija, ma fittxewx żwieġ ieħor: dawn il-miżżewġin ukoll jagħtu xhieda vera tal-fedeltà, xhieda li d-dinja tal-lum tant teħtieġ (Familiaris Consortio, ibid.).
Soċjetà b’saħħitha
Jekk għandna familja stabbli u soda, allura s-soċjetà tkun stabbli u soda; altrimenti, jekk il-familja hija dgħajfa, mhux biss hemm riskju li l-membri jkunu dgħajfin imma li l-istess dgħufija jkollha rifless fuq is-soċjetà. Infatti huwa mill-familja li jixterrdu l-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni, l-imħabba bejn l-aħwa u l-paċi bejn il-bnedmin. Meta għal xi raġuni l-familja tiġi nieqsa, mhux lakemm ir-rwol tagħha jiġi sostitwit minn persuni jew istituzzjoni oħra. Kif jafferma Ġwanni Pawlu II fil-Familiaris Consortio, “minħabba li l-ħafna problemi soċjali llum huma mxerrdin mad-dinja kollha, il-familja qiegħda tara li l-ħidma tagħha għall-progress tas-soċjetà qiegħda titwessa’ b’mod għal kollox ġdid” – dan jista’ jkollu rifless mhux biss fiċ-ċirku dejjaq ta’ madwarna, imma wkoll fil-wisa’ internazzjonali!
Missjoni politika
F’dan ir-rigward, forsi tajjeb wieħed isemmi s-sehem tal-familja fil-politika, li hija dik it-teknika li permezz tagħha tingħata direzzjoni lis-soċjetà. Fi kliem Ġwanni Pawlu II, “il-familji għandhom ikunu l-ewwel li jħabirku biex il-liġijiet u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhux biss ma jmorrux kontra, imma wkoll isostnu u jiddefendu bil-qawwa kollha d-drittijiet u d-dmirijiet tal-familji … Il-familji għandhom ikunu l-protagonisti ta’ dik li hi magħrufa bħala ‘il-politika tal-familja’ u jieħdu fuqhom ir-responsabilità li jbiddlu għat-tajjeb is-soċjetà; inkella l-familji jkunu huma l-ewwel vittmi ta’ dik il-ħsara” (Familiaris Consortio, n.44).
Kultura tal-familji
Imbagħad fl-1994, fl-okkażjoni tas-Sena Internazzjonali tal-Familja organizzata mill-Ġnus Magħquda, il-Papa Ġwanni Pawlu II bagħat “Ittra lill-Familji” bl-isem Gratissimam sane. F’din l-Ittra, il-Papa jagħmel ċerti affermazzjonijiet li jistgħu jgħinuna anke fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu bħalissa! Infatti Ġwanni Pawlu II jgħid bla tlaqliq li soċjetà mingħajr il-familja hija soċjetà mingħajr imħabba! L-istorja tal-umanità tixhed li fejn inqerdet il-familja seħħ tassew dak li jinnota l-Papa: kellna soċjetajiet sajmin mill-imħabba. Dan mhux biss wassal għall-qerda taċ-ċiviltà tal-imħabba, imma nibbet antiċiviltà qerrieda! Għalhekk huwa ħafna importanti li n-nazzjon jiżen tajjeb jekk bil-liġijiet li jintroduċi jkunx qed isaħħaħ jew imermer dik li l-Papa Ġwanni Pawlu II sejjaħ il-“kultura tal-familji”.
“Nikkurdaw il-kordi”
Wieħed jifhem li f’dawn il-ftit paragrafi rajna biss ħjiel ta’ dak li sejjaħnielu l-maġisteru tal-Papa Ġwanni Pawlu II dwar iż-żwieġ u l-familja; imma huwa biżżejjed biex jgħinna napprezzaw dawn iż-żewġ realtajiet daqshekk relatati ma’ xuxlin, u fl-istess ħin wieħed ikompli jfittex aktar tagħrif li tista’ toqgħod fuqu dwar in-natura kemm taż-żwieġ kif ukoll tal-familja. Il-Papa Ġwanni Pawlu II ħallielna minjiera ta’ dan it-tagħlim.
L-interess li reġa’ qam dwar il-Papa Ġwanni Pawlu II issa li saret il-beatifikazzjoni tiegħu f’ċertu sens huwa kurjuż u jqanqal ċerti domandi! Per eżempju, f’soċjetà lajka bħal tagħna, fejn kull ma jmur Alla qed jitlef iċ-ċittadinanza tiegħu, hu normali li wieħed jistaqsi x’korda daqq dan “il-bniedem t’Alla”? Jew huwa l-kas li l-arpa għandha l-kordi kollha mħawda u skordati, bħal fil-kas taż-żwieġ u l-familja, u għalhekk qed infittxu lil xi ħadd li jista’ jġib il-kordi f’posthom? Il-Beatu Ġwanni Pawlu II, li kien strument doċli f’idejn Alla, kapaċi jgħinna “nikkurdaw” u hekk insibu tonalità gdida u propja.