Difensur tal-bniedem
Artiklu ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ġurnal “Kullħadd”, il-Ħadd 1 ta’ Mejju 2011
Ma tistax tibni mingħajr rigla tajba! Issa aħna lkoll bennejja tas-soċjetà u r-rigla li għandna bżonn f’din l-avventura hija l-“bniedem”. Billi tlifna t-tifsira ta’ min hu l-bniedem, qegħdin nibnu mingħajr ir-rigla bil-konsegwenza li l-bini xejn ma huwa sod, anzi sikwit naraw biċċiet minn din il-binja niżlin!
Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien dak li b’qawwa u konvinzjoni ddefenda l-bniedem! Huwa stinka biex jgħin lill-bniedem jagħraf lilu nnifsu u biex is-soċjetà tagħraf tirrispetta d-dinjità ta’ kull persuna. Dejjem tenna li s-soċjetà, li għandha d-dmir li tgħin lill-bniedem ifittex il-verità, l-ewwel u qabel kollox għandha tgħinu jsib il-verità sħiħa dwaru nnifsu. Ikun żball oħxon jekk is-soċjetà ma tinvestix fil-bniedem!
Imsaħħar minn Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem, Ġwanni Pawlu II saħaq li l-bniedem ma jistax jingħalaq għal Alla u li ma nistgħux nifirdu l-istorja tal-bniedem minn Ġesù Kristu. Għax min jimxi wara Kristu, il-bniedem perfett, hu stess isir aktar bniedem!
Fl-aħħar diskors li huwa għamel lill-Korp Diplomatiku fl-2005, li ħafna jqisuh bħala “it-testment soċjali” tiegħu, Ġwanni Pawlu II jitkellem dwar erba’ sfidi kbar li għandha llum l-umanità. Dawn huma: il-ħarsien tal-ħajja u tal-familja bħala “is-santwarju tal-ħajja”; il-bżonn li l-bniedem ma jkunx nieqes mill-“ħobż”; il-valur tal-paċi; u d-don tal-libertà marbuta mal-verità. Skont Ġwanni Pawlu II it-triq li tista’ tiggarantixxi l-kisba u l-ħarsien ta’ dawn il-valuri fundamentali għall-bniedem ta’ kull zmien u kull twemmin hija l-“qdusija”, jiġifieri il-ftuħ tal-bniedem għal Alla u l-impenn tal-bniedem biex joqgħod għal Alla.
Wieħed jittama li l-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II isservi ta’ stimolu biex is-soċjetà tagħna tiskopri fit-tagħlim tiegħu dik il-gwida tant meħtieġa biex, filwaqt li naslu għall-verità sħiħa dwar min hu l-bniedem, nagħmlu għażliet li jagħmlu s-soċjetà aktar umana. Fid-dawl tat-tagħlim ta’ Ġwanni Pawlu II, il-viżjoni tagħna tal-bniedem għandha tiċċara u dan jawgura futur tajjeb għall-individwi, għall-familji u għal pajjiżna.
+ Mario Grech
Isqof t’Għawdex