- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IL-LITURĠIJA TGĦINNA NSIRU NAFU AKTAR LIL ĠESÙ
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm
Knisja Katidrali, Rabat – Il-Ħadd 17 ta’ April 2011

Posted By admin On April 19, 2011 @ 11:44 am In 2011 | Comments Disabled

Il-Liturġija tkellimna

Bdejna ġimgħa partikulari li għandi nifhem tqanqlilna diversi mistoqsijiet, uħud anqas important u oħrajn aktar serji. Hemm min jistaqsi jekk f’soċjetà sekularizzata bħal tagħna, għadux jagħmel sens li nagħmlu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet! X’sens hemm li din il-ġimgħa tibqa’ mgħobbija b’hafna pageants? Forsi aħjar jinqatgħu?

Hemm min iqanqal il-mistoqsija dwar x’inhi s-sustanza ta’ dawn il-jiem: it-teatrini u l-paegeants jew il-misteru li aħna sejrin nieqfu biex nirriflettu dwaru u niċċelebraw?

Imbagħad hemm domandi ferm aktar serji: Għaliex din it-tbatija? X’inhi r-risposta tagħna quddiem il-misteru tal-ħażen?

Fuq kollox imbagħad hemm mistoqsija fundamentali – dik il-mistoqsija li għamel il-poplu li kien jgħammar f’Ġerusalemm meta Kristu daħal fil-belt u kien milqugħ bil-palm u ż-żebbuġ: “Dan min hu?”. Naħseb li nkunu qed nitilfu l-okkażjoni jekk matul dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-ewwel nett aħna ma nqanqlux dawk id-domandi, jekk dawk id-domandi nifgawhom ġewwa fina, u jekk aħna ma nagħmlux din id-domanda fundamentali: “Min hu l-imsallab?”.

Jeħtieġ insiru nafu aktar lil Ġesù!

Minkejja l-għarfien u l-konvinzjonijiet anke reliġjużi li għandna, għadna ’l bogħod mill-verità. Madwarna hemm ħafna x’jista’ jikkonfermali li aħna ma nafux min hu Ġesù Kristu. Il-konoxxenza li għandna ta’ Ġesù hija fqira ħafna. Nerġa’ ngħid, ikun żball kbir għall-komunità Nisranija u għas-soċjetà in ġenerali jekk f’dawn it-tmint ijiem, mil-lum sa bħal-lum ġimgħa, il-liturġija li niċċelebraw u l-manifestazzjonijiet reliġjużi li għandna madwarna ma jqanqlux f’kull wieħed u waħda minna, kbar u żgħar, il-mistqosija: “Min hu Ġesù Kristu?” Din hi d-domanda li għandha tqajjimna minn ċerta telqa u bruda spiritwali.

Din id-domanda għandha twassal għal dik l-affermazjoni li, kif insibu fir-rakkont tal-passjoni, saret minn dawk li kienu għassa maċ-Ċenturjun ma’ Ġesù imsallab: “Dan kien tassew l-Iben t’Alla” (Mt 27,54). Interessanti li din l-istqarrija tal-fidi ma saritx minn dawk li kienu deħlin u ħerġin mit-tempju, imma mill- “pagani”!

Fil-bidu ta’ din il-Ġimgħa Mqaddsa nitolbu bil-ħeġġa lill-Ispirtu s-Santu biex f’dawn il-mumenti ta’ grazzja – mumenti ta’ ġabra, riflessjoni u talb – aħna nippruvaw insibu t-tweġiba għal dik id-domanda li hemm fil-ġewwieni tagħna: dan min hu? Kemm ikun opportun għalina, aħna li nieklu l-għetiebi tal-knejjes, li bħall-“pagani” naslu biex nagħmlu stqarrija tal-fidi: dan hu l-Iben t’Alla li ġie biex jifdi lill-umanità! Hemm qliegħ kbir għal min bħal-Lhud ta’ Ġerusalemm jasal biex jikkonkludi li “dan hu l-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija” (Mt 21,11). Dan hu dak li għandna bżonn anke llum biex insibu r-risposti għal ħafna domandi li qegħdin itaqqlu l-imħuħ u l-qlub tagħna.

It-tifsira tal-istqarrija tal-fidi tagħna

Is-Sibt li ġej, meta mal-Knisja nibqgħu mqajmin nishru biex niltaqgħu ma’ Kristu mqajjem mill-mewt, il-Knisja tistedinna biex nagħmlu l-istqarrija tal-fidi tagħna. Dik mhix stqarrija awtomatika jew formali, imma hija tiġdid tal-għażla tagħna favur Alla u għalhekk titlob preparazzjoni.

Għalhekk fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa nagħmel stedina u appell lill-Knisja kollha f’Għawdex: li f’dawn il-jiem nerġgħu inqanqlu ċerti domandi, ma nħalluhomx imdendlin, imma nfittxu nsibu t-tweġiba tagħna ħalli dakinhar li nagħmlu l-istqarrija tal-fidi, nistqarru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem, bata u miet u qam għalina - Ġesù Kristu l-feddej tagħna.

Bi pjaċir nilqa’ fostna dalgħodu membri tal-Komunità Neo-Katekumenali, li wara mixja ta’ tħejjija sejrin jagħmlu “passaġġ” ieħor imfisser proprju bl-istqarija tal-fidi. Fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni (il-purċissjoni li nagħmlu fil-bidu bil-palm u ż-żebbuġ mhix xi haga aċċessorja għall-funzjoni tal-lum kif ħafna għadhom jaħsbu, Imma hija azzjoni waħda) jiena tajt il-palma lil kull wieħed u waħda minn dawn ħutna li ser jagħmlu l-passaġġ. Jien u nagħtihom il-palma għidtilhom: “Ħudu din il-palma tal-martirju li tkun għalikom sinjal tar-rebħa li jwassalkom għall-ħajja ta’ dejjem.” Kemm nixtieq li dik il-palma dalgħodu natiha mhux biss lilkom imma ’l kull wieħed u waħda li huma membri tal-Knisja ta’ Kristu f’Għawdex! Imma dik il-Palma nirċevuha jekk aħna nagħmlu l-istqarrija tal-fidi, kif minn hawn u ftit mumenti oħra sejrin jagħmlu dawn l-aħwa. Dalgħodu aħna mhux bis aħna xhieda ta’ din il-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu, imma l-preżenza u x-xhieda tagħhom lilna jixprunawna ħalli fil-jiem li ġejjin ikunu aktar serji u ngħixu dawn il-mumenti tal-Ġimgħa Mqaddsa fit-tħejjija ħalli fit-Tridu Mqaddes tal-Għid aħna nistqarru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu l-Feddej tagħna lkoll.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/04/19/il-liturgija-tghinna-nsiru-nafu-aktar-lil-gesu-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grech-celebrazzjoni-ta%e2%80%99-hadd-il-palm-knisja-katidrali-rabat-%e2%80%93-il-hadd-17-ta%e2%80%99-april-2011/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.