- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Il-ġid komuni u l-ħarsien ta’ żwieġ dejjiemi

Posted By admin On April 17, 2011 @ 7:07 am In 2011, 2011 | Comments Disabled

Sintesi tal-omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech waqt il-quddiesa li ċċelebra fi Pjazza Indipendenza, ir-Rabat, Għawdex, fl-okkażjoni tat-tifkira tad-Duluri tal-Verġni Marija, ilbieraħ, il-Ġimgħa 15 ta’ April 2011.

Id-Duluri ta’ Marija bdew dakinhar meta s-Sinedriju ta l-kundanna tal-mewt lil Kristu fuq il-pretest li għamel Kajfa: li aħjar imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu. Kieku llum Kajfa kien jikkundanna lil Kristu f’isem il-“ġid komuni”!

Huwa fatt li waħda mill-isfidi li qed ikollha tħabbat wiċċha magħha s-soċjetà tagħna llum hija x’inhu l-ġid komuni. Dan huwa rifless fid-diskussjoni li għaddejja dwar jekk iż-żwieġ għandux ikun dejjiemi jew le.

Miżura legali li tmur kontra l-permanenza taż-żwieġ hija azzjoni kontra l-ġid komuni. Soċjetà li tassew trid iġġib ’il quddiem il-ġid komuni ma tistax tittraskura d-dmir etiku li tħares il-familja li sserraħ fuq iż-żwieġ. Għaliex iż-żwieġ u l-familja jagħmlu parti mill-ġid komuni.

Il-ġid komuni ma jfissirx ġabra ta’ ħwejjeg tajba flimkien; anqas ifisser is-somma tal-ġid individwali. Il-ġid komuni mhuwiex il-ġid tal-individwi kkunsidrati fihom infushom, imma l-ġid tal-individwu li jinsab f’nisġa ta’ relazzjonijiet. Il-ġid komuni huwa magħmul minn dawk il-kundizzjonijiet soċjali li jgħinu biex kemm il-gruppi soċjali kif ukoll l-individwi li jiffurmaw dawn il-gruppi, jirnexxilhom jilħqu l-għanijiet veri tagħhom. Hija verament ħasra li f’isem il-ġid komuni hemm min jistenna li s-soċjetà għandha torganizza ruħha b’mod li kull xewqa jew aptit tal-individwu għandhom isibu l-protezzjoni tagħhom.

Il-veru ġid komuni jitlob rispett lejn kull persuna li għandu jkollha dik il-liberta biex twettaq is-sejħa naturali tagħha. Min-natura tiegħu l-bniedem huwa magħmul biex jidħol f’relazzjoni ma’ persuna tas-sess divers li huwa jħobb. Aktar ma din ir-relazzjoni tkun stabbli u permanenti aktar tkun relazzjoni awtentika, sinifikattiva u effettiva. L-aqwa espressjoni ta’ din ir-relazzjoni hija l-familja mibnija fuq iż-żwieġ. Ma jkunx pass li jġib ’il quddiem il-ġid komuni meta l-persuna ma tkunx mgħejjuna twettaq dan il-bżonn. Il-ġid tal-persuna jintlaħaq jekk ikun imħares il-ġid tar-relazzjoni fil-ħajja tal-familja.

Il-ġid komuni jitlob li fis-soċjetà jkun hemm qagħda soċjali tajba li tiffavorixxi li ċ-ċittadin jagħraf u jwettaq dawn l-aspirazzjonijiet tiegħu. Ma jkunx kontribut għall-ġid komuni jekk il-qafas soċjali tagħna, flok ma jimbotta u jsostni liċ-ċittadin jilħaq dawn il-valuri jfixklu u jagħmlu aktar dgħajjef. Hekk leġiżlazzjoni favur id-divorzju, flok ma tgħin liċ-ċittadin jistinka biex jibqa’ jikkura ż-żwieġ u l-familja, tagħtih il-possibilità biex imur kontra l-istess ġid komuni.

Il-ġid komuni jitlob li jkun hemm ordni soċjali ġust billi jkunu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-persuna. Mhux kull xewqa tal-bniedem hija dritt. Billi l-bniedem jgħix f’soċjetà f’relazzjoni mal-ohrajn, l-istess eżerċizzju tad-drittijiet personali tiegħu mhux assolut imma huwa għandu jagħti kas tad-drittijiet tal-oħrajn. Wieħed għandu dritt li jagħmel l-għażliet tiegħu, imma jekk dan ikun miżżewweġ u għandu l-familja, id-drittijiet tiegħu jitqiesu f’konfront mad-dmirijiet tiegħu lejn il-familja u s-soċjetà.

Il-ġid komuni jinkludi “ġid” li qatt ma jista’ jigi nnegozjat, lanqas f’isem il-maġġoranza! Fost dawn hemm id-dritt għall-ħajja f’kull ċirkustanza, ir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna, il-libertà reliġjuża – li tinkludi d-dritt li wieħed ikun jista’ jesprimi b’kull mezz it-twemmin tiegħu sakemm dan ma jkunx ta’ periklu għall-ordni pubbliku – , il-familja mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara. Meta dan il-pedament jitqiegħed fis-sod, is-soċjetà jkollha l-garanzija li valuri oħra importanti jibqgħu mħarsa.

Huwa dmir tal-Istat li jħares u jġib ’il quddiem il-ġid komuni tas-soċjetà ċivili, taċ-ċittadini u tal-istituzzjonijiet fi ħdanu, inkluża l-istituzzjoni taż-żwieġ u l-familja. Fuq kollox huwa dmir taċ-ċittadini li jagħtu s-sehem tagħhom biex joktor u jkun imħares il-ġid komuni.

L-imħabba lejn in-nazzjon hija ċentrali għalina ċ-ċittadini Nsara. Ma nistgħux ma ninteressawx ruħna fil-grajjiet ta’ ġensna. Anzi s-sens tagħna ta’ nazzjon għandu jsuqna biex, imdawlin mit-tagħlim ta’ Kristu u konvinti mill-verità li jgħallimna Kristu, bħalma hija l-verità dwar iż-żwieġ u l-famija, huwa dmir tan-Nisrani li ma jagħżilx li jkun assenti fid-dibattitu u fid-deċiżjonijiet li tagħmel is-soċjetà, imma jwiegeb għas-sejħa li qed issirlu biex jagħti sehemu ħalli pajjiżna jibni fis-sod u jġib ’il quddiem il-ġid komuni, ukoll billi ma jagħmilx għażliet li jistgħu jimminaw l-istess ġid komuni.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/04/17/il-gid-komuni-u-l-harsien-ta%e2%80%99-zwieg-dejjiemi/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.