Archive for March, 2011

INFITTXU L-VERITÀ DWAR IŻ-ŻWIEĠ

Fl-okkażjoni tal-festa tal-Papa San Girgor li kienet iċċelebrata f’Kerċem nhar il-Ħadd 13 ta’ Marzu 2011, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali u fl-omelija wassal dan il-messaġġ:

Id-diskussjoni li għaddejja dwar in-natura taż-żwieġ tissupponi li qegħdin infittxu l-verità dwar iż-żwieġ.

Huwa fatt li soċjetà tkun isserraħ fuq pedamenti veri daqskemm tkun miftuħa għal Alla. Aktar ma nitbiegħdu minn Alla, aktar nieħdu pożizzjonijiet li jkunu ’l bogħod mis-sewwa. Min jeskludi lil Alla, jirriskja li jeskludi wkoll il-verità.

Alla ħaseb iż-żwieġ bħala rabta dejjiema bejn mara u raġel. Kull definizzjoni oħra ta’ żwieġ hija gidba.

Il-verità hija kategorija politika għaliex il-bniedem ma jistax jibni s-soċjetà fis-sod jekk mhux fuq il-verità. Id-dittaturi rnexxew għax ħaddnu ideoloġiji foloz. In-nuqqas ta’ rispett lejn il-verità jikkawża l-inġustizzja. Kif jikteb il-Papa Benedittu XVI, id-diskussjoni li twitti t-triq għall-formazzjoni tal-liġijiet ma tistax ma tkunx imsieħba minn tiftix dwar x’inhi l-verità. Huwa fatt li xi politiċi jħossuhom skomdi quddiem il-verità.
Continue reading >>

Eklissi tad-dnub

Waqt pellegrinaġġ penitenzjali djoċesan li sar fil-parroċċa ta’ Kerċem nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Marzu 2011, fl-omelija l-Isqof Mario Grech wassal dan il-messaġġ:

Qed ngħixu f’epoka fejn tlifna t-tifsira tad-dnub. Billi l-eklissi tad-dnub hija proporzjonata mal-eklissi ta’ Alla, fis-sens li daqskemm soċjetà tkun warrbet lil Alla, daqshekk ieħor tiftaqar  fis-sens tad-dnub, ir-Randan huwa żmien tajjeb biex l-Insara jerġgħu lura għand Alla u jiskopru l-ġmiel ta’ wiċċu  li deher fi Kristu Feddej. Mingħajr Alla, joktor id-dnub u tikber it-tbatija.

Skont il-Katekiżmu tal-Knisja, id-dnub huwa offiża kontra r-raġuni umana. Imżejjen bir-raġuni, il-bniedem suppost jiskopri “miktuba f’qalbu” l-liġi naturali. Jekk huwa jagħżel li jinjora jew imur kontra dak li tiddettalu l-liġi naturali, l-għażliet tiegħu jkunu ħżiena.

Continue reading >>

ĊELEBRAZZJONI TAL-BIDU TAR-RANDAN

IR-RANDAN JGĦINNA NIBNU INTENZJONI RETTA FID-DAWL TAL-KELMA TA’ ALLA

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ċelebrazzjoni ta’ Ras ir-Randan
Knisja Katidrali – L-Erbgħa 9 ta’ Marzu 2011

L-intenzjoni retta

Waħda mill-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom matul ir-Randan hija dwar kemm qed ngħixu ħajja Nisranija awtentika. Aħna għal wiċċ min qegħdin ngħixu: biex inkunu mogħġuba quddiem Alla jew biex nintgħoġbu mill-bnedmin? Quddiem min irridu nidhru sbieħ: quddiem id-dinja jew quddiem Alla? Ħafna drabi, meta nitkellmu jew naġixxu inkunu ttentanti li aktar nagħtu attenzjoni dwar kif ser jinterpretawna jew jiġġudikawna n-nies milli li nimxu skont is-sewwa u l-ġustizzja! Sfortunatament biex nidhru sbieħ quddiem in-nies, ġie li nagħżlu li ma nkunux sbieħ quddiem Alla!

Għalhekk huwa importanti li f’dak li nagħmlu jew ngħidu jkollna l-“intenzjoni retta”, fis-sens li wieħed għandu jagħmel azzjoni bla interessi ta’ xejn u għall-imħabba ta’ Alla. Din hija t-twissija li jagħmlilna Ġesù fl-Evanġelju tal-lum, meta jgħidilna biex l-għemil tagħna ma nagħmluhx għal wiċċ in-nies biex nagħmlu wirja quddiemhom; li meta nagħmlu karità ma għandniex indoqqu t-trombi; li mhux sew li nitolbu jew insumu biex nidhru quddiem in-nies (ara Mt 6:1-6.16-18). Billi l-intenzjoni retta ħafna drabi tkun nieqsa, id-diskors u l-għażliet tagħna dwar aspetti varji tal-ħajja tagħna privata u soċjali, bħalma huwa fil-kas taż-żwieġ u l-familja, ikunu ’l bogħod mis-sewwa li ġej minn Alla.

Continue reading >>

Sussidju teoloġiku-liturġiku-pastorali għar-Randan 2011

 Sussidju Randan 2001 PDF Version

 

sussidjurandan2011.jpg

 

Ara is-Sussidju online minn din il-link

 

WERREJ

 Daħla                  ……………………………………………………………………………….    3
L-Ewwel Taqsima: Teoloġija Biblika

 1.    Is-sagrifiċċji għall-maħfra tad-dnubiet                 ……………………………    5
2.    Id-dnub fit-Testment il-Ġdid                                ……………………………    12
3.    Il-konverżjoni fil-Bibbja                                          ……………………………    28

 It-Tieni Taqsima: Għajnuna għall-Predikazzjoni

 4.    Tifsir tal-qari tal-Ħdud tar-Randa (Sena A)          ………………………….    32
I.    L-Ewwel Ħadd tar-Randan                     ………………………………………….    32
II.    It-Tieni Ħadd tar-Randan                     ………………………………………….    35
III.    It-Tielet Ħadd tar-Randan                  ………………………………………….    38
IV.    Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan                   ………………………………………….    40
V.    Il-Ħames Ħadd tar-Randan                   ………………………………………….    43

 5.    Skemi ta’ Omeliji għall-Ħdud tar-Randan (A)      ……………………………    45
I.    L-Ewwel Ħadd tar-Randan                      ………………………………………….    45
II.    It-Tieni Ħadd tar-Randan                      ………………………………………….    48
III.    It-Tielet Ħadd tar-Randan                   ………………………………………….    50
IV.    Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan                    ………………………………………….    52
V.    Il-Ħames Ħadd tar-Randan                    ………………………………………….    54

 6.    Eżerċizzi tar-Randan għaż-Żgħażagħ    ………………………………………….    57
I.    Skemi fil-qosor                                           ………………………………………….    58
II.    Sussidju sħiħ                                             ………………………………………….    68
a.    L-ewwel meditazzjoni                               ………………………………………….    68
b.    It-tieni meditazzjoni                                 ………………………………………….    73
c.    It-tielet meditazzjoni                                ………………………………………….    78
d.    Ir-raba’ meditazzjoni                               ………………………………………….    83
e.    Il-ħames meditazzjoni                             ………………………………………….    88

 

Continue reading >>

IL-LOĠIKA TA’ ALLA - IL-LOĠIKA TA’ KRISTU
ITTRA PASTORALI
Randan 2011

 

Maltese PDF Version

English PDF Version

ITTRA
PASTORALI

MILL-E.T. MONS. PAWL CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta

 

u

 

MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

Randan 2011

IL-LOĠIKA TA’ ALLA -  IL-LOĠIKA TA’ KRISTU

Ħuti,
Fir-Randan il-Komunità Nisranija tagħmel riflessjoni dwar ir-Rieda ta’ Alla l-Missier u kif Sidna Ġesù Kristu wettaqha sal-mewt fuq is-salib. Hija stedina għalina biex aħna wkoll inwettqu dan fl-aspetti kollha tar-Rieda ta’ Alla fuqna.

Il-Mulej għandu modi differenti kif jiftħilna għajnejna dwar aspetti differenti tal-Pjan ta’ Alla.

Din is-sena l-Mulej fetħilna għajnejna fuq xi ħaġa li kienet hemm, iżda ħassejna lilna nfusna qisna bla qawwa quddiemha. Ma konniex qegħdin nindunaw biżżejjed li, fis-soċjetà ta’ madwarna,  il-kultura dwar iż-żwieġ u l-familja nbidlet. Konna ngergru għaliex ‘m’għadniex bħal qabel’ u nirrassenjaw ruħna għal dan.

Din is-sena, id-diskussjoni dwar id-divorzju fetħitilna għajnejna mhux biss dwar dan il-mod kif jitħassar żwieġ dejjiemi, iżda għenitna nagħmlu l-mistoqsija dwar din il-kultura. Forsi lanqas konna ndunajna biżżejjed kemm din inbidlet, u allura, kemm ħafna drabi tkun ta’ tfixkil għal dawk li jkunu jixtiequ jiżżewġu u jipperseveraw fiż-żwieġ.
Continue reading >>

Marzu – ix-xahar ta’ San Ġużepp
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

mario_grech_arm.jpgĊirkulari 16/2011

Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

Marzu – ix-xahar ta’ San Ġużepp

Is-solennità ta’ San Ġuzepp, li ta’ kull sena niċċelebraw fid-19 ta’ Marzu, tagħti kulur Ġuzeppin lix-xahar kollu ta’ Marzu. Din id-devozzjoni, għalkemm għandha aktar minn mitejn sena, għad fadlilha l-attwalità tagħha.

Kien Giuseppe Marconi li fl-1801 ippubblika f’Ruma ktejjeb dwar ix-xahar ta’ Marzu bħala xahar iddedikat lill-Patrijarka San Ġużepp. Imbagħad, fl-1865 il-Papa Piju IX ħeġġeġ biex l-Insara jgħożżu din id-devozzjoni bħala mezz biex jitolbu lil San Ġużepp u għajnuna biex jimitaw il-virtujiet tiegħu. Il-Papa Benedittu XV, bil-motu propju Bonum sane, eżorta lill-isqfijiet biex jaraw li fid-djocesi tagħhom dan ix-xahar Ġużeppin ikun magħruf biex l-Insara jikbru fl-imħabba tagħhom lejn San Ġużepp, ir-raġel ta’ Marija ta’ Nazaret. Għadha friska l-eżortazzjoni apostolika dwar San Ġużepp “Il-Kustodju tal-Feddej” li fl-1989 tana l-Papa Ġwanni Pawlu II, li ftit xhur oħra l-Knisja ser tiddikjarah Beatu.

Continue reading >>

Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċi - Marzu 2011

logonewsheet.jpg

 

TALB U SOLIDARJETA’
MESSAĠĠ MILL-ISQFIJIET TA’ MALTA U GĦAWDEX

1 ta’ Marzu, 2011
25/2011

TALB U SOLIDARJETA’
MESSAĠĠ MILL-ISQFIJIET TA’ MALTA U GĦAWDEX

Bħala Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex irridu ningħaqdu ma’ bosta persuni, familji u mexxejja reliġjużi u ċivili fid-dinja kollha u f’pajjiżna biex pubblikament nuru l-preokkupazzjoni tagħna għas-sitwazzjoni gravi kif żvolġiet f’xi pajjiżi Għarab.
Nifhmu li skont ir-raġuni u skont it-tagħlim soċjali tal-Knisja, ma jistax ikollok paċi u progress mingħajr ġustizzja.

Għalhekk inħeġġu lill-Insara Maltin biex inressqu t-talb tagħna lill-Mulej, Missier tajjeb ta’ kulħadd, biex jagħti l-għerf meħtieġ lil kull min hu b’xi mod responsabbli, ħalli tieqaf kull xorta ta’ vjolenza u nġustizzja biex isaltnu l-vera paċi u sliem.

Nirrikmandaw li:
•    Fil-quddies kollu, sakemm is-sitwazzjoni titjieb, tiżdied invokazzjoni għal dan il-għan;
•    L-Adorazzjoni Ewkaristika li ssir matul din il-ġimgħa, issir b’din l-intenzjoni;
•    Bħala poplu ta’ Alla, kif dejjem għamilna, inkunu lesti noffru s-solidarjeta` konkreta kif inkunu mitluba, lil dawn ħutna fil-bżonn.

+ Pawlu Cremona O.P.
   Arċisqof ta’ Malta

+ Mario Grech
   Isqof ta’ Għawdex

+ Annetto Depasquale
   Vigarju Ġenerali