- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Il-formazzjoni ta’ kuxjenza Kattolika

Posted By admin On March 30, 2011 @ 10:47 am In 2011 | Comments Disabled

KUXJENZA RETTA

(Sintesi tal-) Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ċelebrazzjoni tat-Tiġdid tal-Wegħda Leġjunarja (Acies)
Parroċċa Xewkija – Il-Ħadd 27 ta’ Marzu 2011

Il-kuxjenza u l-ordni morali oġġettiv

Kull abbuż mill-kuxjenza tal-bniedem huwa delitt faħxi kontra l-bniedem u kontra Alla. Min jifga l-kuxjenza jkun qed jifga lill-bniedem! Kliem li minflok ma jdawwal u jiggwida għall-formazzjoni retta tal-kuxjenza, jifforma ħażin, jiżgwida, jew jagħmi l-kuxjenzi, huwa kliem abbużiv u jista’ jagħmel ħsara li l-konsegwenzi tagħha huma irreparabbli sew fuq livell personali kif ukoll soċjali.

Il-kuxjenza hija s-santwarju intimu fejn il-bniedem isib ruħu waħdu ma’ Alla, u hemm jagħraf liġi li ma għamilhiex hu, u li lilha jrid jobdi. Din il-liġi ssejjaħlu għall-imħabba, u biex jagħmel it-tajjeb u jaħrab il-ħażin. Fir-realtà Alla hu l-awtur ta’ din il-liġi miktuba fil-qalb ta’ kull bniedem. L-ordni morali oġġettiv, li fil-kas tal-Insara jingħaraf permezz tar-raġuni u tar-Rivelazzjoni, hu l-gwida li jwassalhom għall-ġudizzju prattiku tal-kuxjenza propja dwar it-tjubija tal-azzjonijiet tagħhom. Infatti, il-kuxjenza, meta ffurmata b’mod rett, turi lin-Nisrani dak li għandu jsir skont ir-rieda ta’ Alla fil-mument tad-deċiżjoni dwar għemil partikolari. Billi r-rieda ta’ Alla tingħaraf b’mod eminenti fit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u fil-Maġisteru tal-Knisja, il-kuxjenza retta, vera u sinċiera ssir realment il-vuċi ta’ Alla, ta’ Kristu u tal-Knisja fl-intern tal-bniedem stess.

Għaldaqstant, il-bniedem fil-formazzjoni tal-kuxjenza tiegħu mhux awtonomu, iżda suġġett għar-rieda t’Alla. Dan ifisser li l-formazzjoni awtentika tal-kuxjenza titlob li din tkun taqbel mar-rieda divina kif insibuha fit-tagħlim ta’ Kristu u tal-Knisja. Mhix il-kuxjenza li toħloq jew tiddetermina t-tajjeb jew il-ħażin. It-tajjeb u l-ħażin jeżistu ’l barra mill-kuxjenza. Permezz tal-kuxjenza l-bniedem jagħraf x’inhu s-sewwa oġġettiv u jikkonforma ruħu miegħu, sabiex ikun jista’ jindirizza b’mod ġust u li jixraq lill-bniedem il-problemi morali li jinbtu fil-ħajja individwali u soċjali.

Il-kuxjenza tissejjaħ “ħielsa” jew “libera” aktar ma l-ġudizzju tagħha jkun jaqbel mal-verità oġġettiva, u aktar ma l-ġudizzju tagħha jkun ħieles mill-ingann u l-iżbalji. Iktar ma l-kuxjenza tinqata’ mill-verità oġġettiva, iktar il-ġudizzju tagħha jkun żbaljat, u jwassal għat-tisdiq u t-tisħiħ ta’ strutturi tal-ingann. Hi l-konformità mal-verità oġġettiva li twassal għall-veru ħelsien fl-azzjoni tal-bniedem, u għat-twettieq tal-proċess ta’ ħelsien. Huwa propju minn din ir-“rettitudni” tal-kuxjenza personali li joħroġ ir-rifjut ta’ kull ġudizzju arbitrarju tal-individwu, jew tal-grupp jew ta’ gruppi, jew tax-xejriet kulturali dominanti fis-soċjetà. Tassew, “il-verità teħliskom” (Ġw 8,32) .

In-Nisrani u l-kuxjenza personali

Dan l-aħħar aħna l-isqfijiet f’Nota Duttrinali u Pastorali dwar iż-żwieġ u l-familja għidna li n-Nisrani li jrid jagħmel ġudizzju rett tal-kuxjenza għandu jimxi skont il-Kelma t’Alla fid-dawl tal-Maġisteru tal-Knisja. Meta l-ġudizzju tan-Nisrani ma jkunx jaqbel mat-tagħlim ta’ Kristu kif twassalhulna l-Knisja, in-Nisrani ma jkunx ħieles mill-ħtija jekk ma jġibx il-ġudizzju tiegħu jaqbel ma’ dak it-tagħlim, għax meta konxjament u liberament jikser il-liġi morali, ikun qed jikser ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, il-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Meta n-Nisrani jiġi biex jifforma ġudizzju rett tal-kuxjenza dwar iż-żwieġ u ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam miegħu, għandu bħala gwida l-Kmandamenti t’Alla u l-kliem ċar u espliċitu ta’ Kristu, bħala l-Medjatur, ir-Rivelatur u l-Interpretu Suprem tar-rieda tal-Missier, li jasserixxi li kemm xi miżura legali li tkisser żwieġ dejjiemi, bħalma huwa d- divorzju, kif ukoll l-adulterju, huma intrinsikament ħżiena għax direttament opposti għar-rieda kreattiva tal-Missier. Għalhekk il-kuxjenza Nisranija retta, vera u sinċiera qatt u fl-ebda ċirkostanza ma tista’ tagħmel kompromess dwarhom.

F’materja delikata bħal din, l-awtorità li għandha tiggwida l-kuxjenza ta’ min jemmen mhijiex ġejja mill-opinjonijiet ta’ xi teoloġi jew minn xi kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjoloġika u ekonomika, imma mill-Maġisteru tal-Knisja, jiġifieri t-tagħlim tal-Papa u tal-Isqfijiet marbutin miegħu. Din l-awtorità tal-Maġisteru tal-Knisja hija mifhuma bħala servizz indispensabbli għall-formazzjoni ta’ ġudizzju rett, veru u sinċier tal-kuxjenza personali. 
 


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/03/30/il-kattoliku-u-l-formazzjoni-tal-kuxjenza/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.