Seminar dwar il-Volontarjat fil-Festi

KUMMISSJONI FESTI ESTERNI
(Djoċesi ta’ Għawdex)
c/o Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb
Trqi Sir Paul Boffa, Victoria
____________________________________________________________________________________
STQARRIJA GĦALL-MIDJA

SEMINAR DWAR
IL-VOLONTARJAT FIL-FESTI GĦAWDXIN

Nhar is-Sibt 2 ta’ April 2011, fis-Sala prinċipali ta’ Dar l-Arka f’Għajnsielem, mit-8.30a.m. sa nofsinhar, il-Kummissjoni Festi Esterni fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kappillani ta’ Għawdex, fl-okkażjoni tas-Sena ddedikata lill-Volontarjat, ser torganizza Seminar dwar il-Volontarjat fil-Festi Għawdxin, bit-tema: ‘Il-Festi f’Għawdex – Potenzjal ta’ Volontarjat… X’inhu l-futur?’

F’dan is-Seminar ser jiġu ppreżentati żewġ taħdidiet prinċipali, l-ewwel waħda mill-Profs Mario Vassallo, lecturer tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta, dwar il-valur tal-volontarjat vis-á-vis il-Festi Għawdxin, u t-tieni minn Kevin Sciberras, President tal-Kunsill tal-Kultura f’Għawdex, dwar il-futur tal-volontarjat fir-realtajiet preżenti (b’mod speċjali l-festi) fil-gżira Għawdxija. Wara jkun hemm ħin għal-diskussjoni f’diversi workshops, fost dawk preżenti. Il-laqgħa tiġi konkluża b’interventi qosra mill-Onor Dr Anton Refalo, kelliem għal Għawdex għall-PL, l-Onor Giovanna Debono, Ministru għal-Għawdex u l-E.T. Mons Mario Grech Isqof t’Għawdex.

Is-Seminar huwa intiż li jifforma stampa reali tal-volontarjat marbut mal-festi f’Għawdex, jgħin biex jinħolqu strutturi li jistgħu jsaħħu dan il-volontarjat u jistudja l-futur ta’ din ir-realtà fil-kuntest tal-gżira Għawdxija ta’ għada.

Għal dan is-Seminar qed jiġu mistiedna, fost l-oħrajn, rappreżentanti minn kull Għaqda jew Oraganizzazzjoni fi ħdan il-Parroċċi jew Soċjetajiet Mużikali li l-ħidma tagħhom hija relatata mal-organizzazzjoni tal-Festa Patrunali.

George Cefai
Segretarju