- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Pontifikal ta’ San Girgor, Kerċem

Posted By admin On March 22, 2011 @ 10:48 am In 2011 | Comments Disabled

L-GĦEJJUN TAL-VERITÀ DWAR IN-NATURA TAŻ-ŻWIEĠ

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Pontifikal ta’ San Girgor
Parroċċa Kerċem – Il-Ħadd 13 ta’ Marzu 2011

Il-bniedem mhuwiex sid tal-verità

Il-bnedmin maħluqa biex isibu l-verità u jgħixu skont il-verità. Meta l-bniedem ma jgħixx skont is-sewwa, jgħaddi ħajja miżera ħafna. Is-siltiet mill-Iskrittura li għadna kif qrajna (Ġen 2,7-9; 3,1-7; Rum 5,12-19; Mt 5,12.17-19) ikomplu jdawluna dwar kemm hi komplessa din l-esperjenza tat-tfittix tal-verità u li aħna nibqgħu sħaħ fil-verità. Adam u l-Eva jċedu għat-tentatur għax jagħmlilhom proposta li taqbel ħafna mal-bżonn li kien hemm f’qalbhom: “Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu [il-frott], jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat li jafu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3,5). Billi għandu fih ix-xewqa naturali li jkun jaf it-tajjeb u l-ħażin biex jagħżel il-veru mill-gidba, il-bniedem ċeda għal din it-tentazzjoni. It-tentazzjoni ma kienitx biex ma jfittixx is-sewwa, imma dwar fejn seta’ jfittex is-sewwa. Hawn kien l-iżball tal-ewwel bniedem: meta hu stess ried isir il-għajn ta’ x’inhu s-sewwa, il-ħażin, il-veru u l-falz u hekk ma baqax jirrikonoxxi lil Alla bħala Alla li minnu aħna nsiru nafu x’inhi l-verità u x’inhu t-tajjeb. Din hija t-tentazzjoni tal-bniedem ta’ dejjem, imma partikularment tal-bniedem tal-lum.

L-Evanġelju jirrakkonta l-esperjenza ta’ Kristu fid-deżert fejn it-tentatur jipprova jfixklu billi jattakkah dwar il-vertità, billi jnissillu dubju dwar il-verità: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż … Inxteħet għal isfel” (Mt 4,6). Din hija wkoll l-esperjenza tagħna l-bnedmin li kontinwament minn ġewwa u minn barra qed niġu kkonfrontati dwar x’inhi l-verità u jippruvaw inisslulna dubju dwar il-verità miksuba!

Il-politika trid tinbena fuq il-verità

Qed naqra l-ktieb li ħareġ il-qdusija tiegħu l-Papa ftit tal-jiem ilu, it-tieni volum dwar Ġesù ta’ Nazaret. Meta l-Papa jirrifletti dwar l-episodu ta’ Kristu quddiem Pilatu, u dan jagħmillu l-mistoqsija impenjattiva dwar “x’inhi l-verità”, il-Papa jgħid li hemm rabta bejn l-għarfien ta’ Alla u l-għarfien tal-verità. Jekk il-bnedmin jagħmlu bħal Adam u Eva u jmorru kontra Alla, jeskludu ’l Alla u jinsew ’l Alla, allura anke l-għarfien ta’ x’inhu veru jidgħajjef – biex ma ngħidx li hemm riskju reali li nibdew insejħu veru dak li mhux!

Billi dan huwa djalogu ma’ Pilatu li jirrappreżenta l-poter politiku, il-Papa jgħid illi l-verità hija kategorija politika. Huwa jinnota li ma jistax ikollna organizzazzjoni tajba tas-soċjetà jekk ma jkunx hemm rispett lejn il-verità. Fl-istorja kellna diversi dittaturi li bnew lilhom infushom fuq ideoloġija falza, allura ideoloġija li teskludi l-verità. Meta poplu jitmexxa minn dittatura huwa poplu mneżża’ mid-drittijiet fundamentali tiegħu. Għalhekk il-Papa jgħid li din l-esperjenza ta’ Pilatu quddiem Kristu lill-bniedem tal-lum għandha ġġiegħlu jirrifletti dwar l-organizzazzjoni politika Hemm bżonn nerġgħu niskopru l-verità għax inkella jkollna diversi forom ta’ dittatura. Huwa minnu li, kif josserva Benedittu XVI, għal xi politiċi l-verità hija fastidjuża! Din tiftiehem għaliex il-verità minnha nnifisha timponi ruħha u għalhekk dak li jkun ma jistax jagħmel li jrid. Biex ikun ħieles minn kull irbit, il-bniedem falz jipprova jnissel dubju u jkisser il-verità. Jekk irridu li jkollna soċjetà vera, soċjetà mibnija fuq il-verità, ma nistgħux ma jkollniex soċjetà li hija miftuħa għal Alla; ma jistax ikollna soċjetà li teskludi r-riferiment għal Alla.

In-natura taż-żwieġ

Fil-kuntest li qegħdin ngħixu bħalissa nħossni fid-dmir li niġbed l-attenzjoni dwar din il-qagħda preżenti. Il-Papa San Girgor kien jgħid illi gwaj għal dak l-Isqof li ma jipprietkax il-verità u ma jgħallimx il-ġemgħa, għaliex mhux denn li jissejjah isqof. Jiena ma rridx inkun wieħed minn dawn. Fiċ-ċirkustanzi attwali, meta qed nitkellmu dwar realtà daqstant important bħalma hu ż-żwieġ, għandna dan il-fenomenu. X’inhi l-verità dwar iż-żwieġ? Din il-mistoqsija għandha ssir lil kull wieħed u waħda minna – u jeħtieġ inkunu ċari fit-tweġibiet tagħna jekk irridu nkunu veritieri, minkejja li l-verità hija iebsa; inkella nkun minn dawk li nsieħbu l-gidba u nibdew insejħu żwieġ dak li mhux. X’inhi l-verità u l-verità ta’ Alla dwar iż-żwieġ?

Għandha żewġ toroq biex naslu għal din il-verità. Hemm dak li tgħidilna r-raġuni – dan huwa diskors illi suppost jagħmlu kull bniedem; u hemm il-verità li ġejja mir-Rivelazzjoni, jiġifieri minn dak li Alla rrivela lill-poplu tiegħu. Dawn iż-żewġ toroq mhumiex kontra xuxlin peress li l-verità hija waħda. Sew dak li tiskopri r-raġuni u sew dak li tikkonfermalna l-Kelma t’Alla dwar iż-żwieġ hija verità waħda: illi ż-żwieġ min-natura tiegħu huwa żwieġ dejjiemi – żwieġ illi ma jinħallx. Nifhem li għal xi wħud din il-verità hija skomda u fastidjuża! Nagħmlu attenzjoni għaliex bħalma ġralhom il-ġenituri ewlenin tagħna Adam u Eva, aħna wkoll qegħdin niġu ttentati nwarrbu lil min jista’ jgħallimna l-verità. Bħalma ġralu Kristu, aħna qegħdin niġu assedjati minn min irid inisslilna dubju dwar il-verità taż-żwieġ.

L-għejjun tal-verità morali: il-liġi naturali u l-liġi divina

Fl-1904 il-Papa Piju X ħareġ l-enċiklika Iucunda sane biex ifakkar it-tlettax-il ċentinarju mill-mewt tal-Patrun tagħna San Girgor il-Kbir. Fost aspetti oħra, il-Papa jippreżenta lil San Girgor, li kien teologu u filosfu, bħala dak illi għallem x’inhi l-verità billi mexa fuq iż-żewġ toroq li semmejna. Hu jfisser li l-għajn hija waħda: dik li tissejjaħ il-liġi divina. Imbagħad hemm żewġ modi kif il-bniedem jasal għal għarfien ta’ din il-liġi t’Alla. Permezz tar-raġuni huwa jasal biex jagħraf il-liġi naturali, jiġifieri dik il-liġi komuni għall-bnedmin kollha, liema liġi ma tahielna ħadd ħlief Alla. Din mhix liġi maħluqa mill-bnedmin – mhix liġi umana; qiegħda mnaqqxa fin-natura umana, u aħna hemm bżonn niskopruha.

San Girgor jgħallem ukoll li hemm il-liġi divina pożittiva, jiġifieri r-Rivelazzjoni: dak li għandna fil-kelma f’Alla li nsibu fl-Iskrittura.

Nistqarr li fraħt x’ħin jien u naqra dwar San Girgor sibt dan id-dawl għax dan it-tagħlim huwa ħafna attinenti għaż-żminijiet tal-lum, peress li anke aħna għandna bżonn illi nkunu konvinti li l-għajn tal-verità huwa Alla u li hemm żewġ modi kif naslu għaliha, anke dwar in-natura taż-żwieġ. Iż-żwieġ huwa realtà umana, u allura hemm il-liġi naturali li titkellem fuqu. Għalina l-Insara ż-żwieġ huwa wkoll sagrament, u għalhekk hemm il-liġi divina pożittiva, partikularment it-tagħlim ta’ Kristu li huwa ċar u li jikkonferma dak li tgħid il-liġi naturali.

Fl-enċiklika li semmejt aktar ’il fuq, il-Papa Piju X jgħid li San Girgor kien jgħix fi żmien meta ċ-ċiviltà antika kienet sejra l-baħar u l-Barbari kienu qegħdin jespandu l-attività vjolenti tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Papa San Girgor il-Kbir b’qawwa jgħallem din il-verità u jagħti dawn l-istrumenti biex il-bniedem jiskopri x’inhu s-sewwa u hekk iwaqqaf il-mewġa negattiva tal-qerda taċ-ċiviltà.

Da parti tiegħi nħoss li huwa dmir tiegħi li quddiem din il-kultura tagħna li, kif semmejna fl-aħħar Ittra Pastorali, qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel – speċjalment il-kultura dwar iż-żwieġ u l-familja – , jiena nħeġġiġkom biex tieqfulha u tħabbru intom stess il-bxara t-tajba taż-żwieġ. Aħna wkoll għandna min hu “Barbaru” u qiegħed jipprova jkisser iż-żwieġ li huwa l-fundament tas-soċjetà! Il-Papa Piju X jgħid li San Girgor irnexxielu jiddjaloga mal-Viżigoti fi Spanja, għaraf jittratta mal-Barbari qabel ma daħlu Ruma, fetaħ toroq ġodda ta’ evanġelizzazzjoni mal-pagani, mhux biss għax f’idu kellu l-Evanġelju imma wkoll għax kien jgħallem illi l-verità nistgħu naslu għaliha permezz tal-liġi naturali.

Kemm hu diskors illi jeħtieġu l-bniedem tal-lum! Għaliex meta nisma ċerta kritika lejn il-pożizzjoni tagħna bħala Knisja dwar iż-żwieġ u jkun hemm min jitlobna nagħlqu fommna għax kliemna huwa konfessjonali, bħala ċittadin dan joffendini qatiegħ u għandu joffendi wkoll lilkom! Tassew li d-diskors tagħna huwa mnebbaħ mir-Rivelazzjoni, u għalhekk huwa mdakkar mill-fidi; imma diskorsna għandu fundament razzjonali, għandu bażi fuq ir-raġuni umana. Jiena nissuspetta kemm argumenti oħra għandhom fundament fuq ir-raġuni!

San Girgor fejn għallem dak li jirreferi għalih San Piju X f’din l-enċiklika? Ħafna mit-tagħlim ta’ San Girgor huwa dwar l-imġieba tagħna l-bnedmin, allura dwar l-etika u l- morali. Hu jitkellem dwar l-etika u morali fil-kummentarju li għandu dwar il-ktieb ta’ Ġob, magħruf bħala Moralia in Job, anzi hemm min isejħilhom Magna Moralia. Hawnhekk San Girgor jinnota li Ġob kien minn Għus, art ’il barra mill-Art Imqaddsa, u għalhekk ma kienx jagħmel parti mill-poplu t’Alla. Ġob ma kienx Lhudi. Kien pagan, Ġentili. Minkejja li ma kienx minn ħdan il-poplu t’Alla, u għalhekk ma kellux il-gwida tal-liġi ta’ Mosè, jiġifieri l-kmandamenti li Alla ta lil Mosè, xorta waħda l-awtur sagru jiddeskrivi lil Ġob bħala “raġel perfett u tajjeb, jibża’ minn Alla u mbiegħed mill-ħażin” (Ġob 1,1). Imbagħad San Girgor jistaqsi kif Ġob, li bħala pagan ma kienx jaf x’tgħid il-liġi pożittiva t’Alla, jiġifieri l-kmandamenti, kellu l-ħila jkun raġel tajjeb, ragel li jgħix skond il-verità. San Girgor jgħid li Ġob kien qui sine lege, legaliter vixit (Mor. Job, Pref., ii) – kien mingħajr il-liġi imma kien jgħix skont il-liġi. Il-kuntrarju tagħna: aħna nies li għandna l-liġi, imma ngħixu daqslikieku m’għandniex liġi.

Billi ma kienx Lhudi, Ġob ma kellux il-liġi tal-kmandamenti – dik il-liġi divina pożittiva li Alla lissen u ta lil Mosè. Minkejja kollox, però, Ġob kien jgħix skont il-liġi – mhux il-liġi pożittiva imma l-liġi naturali li hemm miktuba fil-qalb ta’ kull bniedem. Għalhekk San Girgor jirraġuna li għalkemm Ġob ma kellux il-vantaġġ illi jkun jaf xinhi l-liġi li Alla ta lil Mosè fuq it-twavel, bl-użu tar-raġuni huwa għaraf il-liġi li Alla kiteb fuq il-qlub. Allura San Girgor ikompli jesplora u jgħid kif għandna dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni: hemm dawk li għax għarfu lil Alla u l-liġi li hu tana jgħixu skont din il-verità; u hemm dawk li, għalkemm ma jgħixux bil-fidi, għandhom ir-raġuni u jgħixu skont l-istess verità.

Żewġ toroq, verità waħda

San Girgor jaqsam l-umanità bejn “il-ħmir” u “l-għoġiela”: tal-ewwel huma l-pagani jew Ġentili, waqt li tat-tieni huma l-Lhud. Hemm relazzjoni bejn il-pagani li għandhom il-liġi miktuba f’qalbhom u l-Lhud li għandhom it-twavel tal-liġi – it-Torah (Mor. Job, VII, vii.). Skont San Girgor dawn qishom il-ħmar u l-għoġol. Il-pagani, li jxebbahhom mal-ħmir, jimirħu mingħajr l-ebda rabta; il-Lhud, li jqabbilhom mal-għoġiela, għandhom il-madmad u trawmu fl-istalla, imma xorta waħda jimirħu. Il-ħmir m’għandhom l-ebda madmad għax m’għandhom l-ebda liġi divina pożittiva; filwaqt li l-għoġiela għandhom il-madmad tal-liġi pożittiva t’Alla: dan il-madmad jgħin lill-għoġiela jimxu dritti u f’direzzjoni flimkien. L-istess għoġiela jkollhom it-taħriġ tagħhom fl-istalla, fis-sens li jirċievu ċerta formazzjoni. Imma kemm l-għoġiela u kemm il-ħmir, it-tnejn jieklu l-istess għalf: il-ħaxix.

X’ħin jitkellem dwar il-ħaxix, San Girgor, li għandu seħer fil-mod kif jinterpreta l-Iskrittura, filwaqt li jirreferi għal Isaija li jgħid li “kull bniedem huwa ħaxix” (40,6), jgħid li dan l-għalf huwa Ġesù Kristu. Il-Papa San Girgor jgħallem li l-ħallieq tal-univers sar bniedem – ried isir ħaxix biex il-bniedem ma jibqax ħaxix li jinxef. Ġesù meta sar bniedem u għammar fostna sar ikel u x-xorb għall-bnedmin kollha. Billi f’Betlem fil-maxtura kien hemm il-ħaxix u dan il-ħaxix huwa l-Iben t’Alla li sar bniedem, kemm il-ħmir (il-pagani) kif ukoll l-għoġiela (il-Lhud) setgħu jieklu l-istess ħaxix li hu Kristu li sar bniedem. B’dan il-mod kemm dawk li jużaw ir-raġuni kif ukoll dawk li għandhom l-għajnuna tal-fidi jsibu l-milja u t-twettieq tagħhom fi Kristu. Kristu huwa dak li pperfezzjona l-liġi ta’ Mosè; Kristu huwa dak li bil-grazzja għinna ħalli r-raġuni tagħna mċappsa bid-dnub kemm jista’ jkun ma tagħmilx żbalji. Għalhekk kemm il-waħda kemm l-oħra, iż-żewġ għejjun iwassluna għall-istess verità.

Għemil tajjeb u għemil ħażin

San Girgor jinnota li anke dawk li jbarru lil Kristu u jagħlqu qalbhom għat-tagħlim ta’ Kristu, xorta jafu jekk l-għemil tagħhom huwiex tajjeb jew ħażin. Proprju għax jafu li jkunu jonqsu, ħafna drabi jinħbew min-nies biex għemilhom ma jħammrilhomx wiċċhom. Għax kif jingħad fil-Ktieb tal-Għerf: “Il-ħażen minnu nnifsu beżżiegħi, jixli u jikkundanna lilu nnifsu, u taħt it-tinġiż tal-kuxjenza jkabbar aktar il-ħsara” (17,11-12). Il-biża’ jiġi meta wieħed jitlaq l-għajnuna ġejja mir-raġuni. Imbagħad, kuntrarju għal dan, San Ġwann (1 Ġw 3,21) jgħallem illi “jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla” (ara Mor. Job, XXVII. xxv).

Dan it-tagħlim profond u attwali San Girgor jiktbu fil-ktieb dwar Ġob! Dan kollu jiswa għalina llum li rridu nfittxu l-verità kollha kemm hi, b’mod partikulari dwar in-natura taż-żwieġ. Kif fissirna aktar ’il fuq, kemm dawk li għandhom il-fidi Nisranija kif ukoll dawk li ma jridux jaraw bil-fidi, ilkoll jieklu mill-istess ħaxix. Fi Kristu nsibu l-konferma ta’ din il-verità; anzi, fi Kristu għandna l-verità! Kien għalhekk li Kristu ma weġibx meta Pilatu staqsieh x’inhi l-verità: għax Ġesù jinkarna l-istess verità. Il-verità Kristjana ma tmurx kontra r-raġuni, ma tmurx kontra n-natura tal-bniedem. Għall-kuntrarju, meta nitfgħuha taħt riglejna, inkunu qed nipperikolaw li nħassqu d-dinjità tal-persuna umana.

Infittxu l-verità

Fl-enċiklika Iucunda sane, il-Papa Piju X jgħid li San Girgor bil-kontribut li ta għen biex ikollna soċjetà aħjar u ħajja tal-familja. Bit-tagħlim fuq il-liġi naturali San Girgor ta kontribut għat-tisħiħ tal-familja – u dik hija l-missjoni tagħna lkoll. Għandi ħerqa kbira li t-tfittix ta’ x’inhi l-verità jimpenjana ħajjitna kollha sakemm imbagħad naraw lil Alla wiċċ imb wiċċ. Alla li hu l-verità fiha nfisha jwassalna biex insibu risposti illi jgħinuna ngħixu bid-dinjità li tixirqilna.

Mhux biss. Nagħraf li lkoll għandna r-responsabiltà li fid-diskussjoni pubblika li għaddejja dwar iż-żwieġ, diskussjoni li għandha twassal għal ċerti għażliet li aħna ser ikollna nagħmlu, aħna ngħinu biex il-verità dwar iż-żwieġ indawluha mhux biss bil-liġi divina pożittiva, u allura bil-kelma li għallimna Kristu – “dak li jgħaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem” – , imma wkoll bil-qawwa tar-raġuni li għandha tgħinna niskopru l-liġi li Alla kiteb fil-qlub tal-bnedmin. B’dan il-mod aħna mhux biss nevitaw li nagħmlu żbalji li rridu nwieġbu għalihom, fis-sens li nevitaw li nagħmlu għażliet moralment ħżiena, bil-konsegwenza li min jikkawża l-ħsara għandu d-dmir li jirripara, imma nkunu nagħtu kontribut biex ikollna soċjetà mibnija fuq il-verità. Nitolbu lil San Girgor il-Kbir biex kif hu kien dawl fiż-żminijiet tad-dlam, illum l-Insara jkunu wkoll dawl għal żminijietna.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/03/22/pontifikal-ta-san-girgor-kercem/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.