Archive for March 22nd, 2011

Seminar dwar il-Volontarjat fil-Festi

KUMMISSJONI FESTI ESTERNI
(Djoċesi ta’ Għawdex)
c/o Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb
Trqi Sir Paul Boffa, Victoria
____________________________________________________________________________________
STQARRIJA GĦALL-MIDJA

SEMINAR DWAR
IL-VOLONTARJAT FIL-FESTI GĦAWDXIN

Nhar is-Sibt 2 ta’ April 2011, fis-Sala prinċipali ta’ Dar l-Arka f’Għajnsielem, mit-8.30a.m. sa nofsinhar, il-Kummissjoni Festi Esterni fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kappillani ta’ Għawdex, fl-okkażjoni tas-Sena ddedikata lill-Volontarjat, ser torganizza Seminar dwar il-Volontarjat fil-Festi Għawdxin, bit-tema: ‘Il-Festi f’Għawdex – Potenzjal ta’ Volontarjat… X’inhu l-futur?’

F’dan is-Seminar ser jiġu ppreżentati żewġ taħdidiet prinċipali, l-ewwel waħda mill-Profs Mario Vassallo, lecturer tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta, dwar il-valur tal-volontarjat vis-á-vis il-Festi Għawdxin, u t-tieni minn Kevin Sciberras, President tal-Kunsill tal-Kultura f’Għawdex, dwar il-futur tal-volontarjat fir-realtajiet preżenti (b’mod speċjali l-festi) fil-gżira Għawdxija. Wara jkun hemm ħin għal-diskussjoni f’diversi workshops, fost dawk preżenti. Il-laqgħa tiġi konkluża b’interventi qosra mill-Onor Dr Anton Refalo, kelliem għal Għawdex għall-PL, l-Onor Giovanna Debono, Ministru għal-Għawdex u l-E.T. Mons Mario Grech Isqof t’Għawdex.

Is-Seminar huwa intiż li jifforma stampa reali tal-volontarjat marbut mal-festi f’Għawdex, jgħin biex jinħolqu strutturi li jistgħu jsaħħu dan il-volontarjat u jistudja l-futur ta’ din ir-realtà fil-kuntest tal-gżira Għawdxija ta’ għada.

Għal dan is-Seminar qed jiġu mistiedna, fost l-oħrajn, rappreżentanti minn kull Għaqda jew Oraganizzazzjoni fi ħdan il-Parroċċi jew Soċjetajiet Mużikali li l-ħidma tagħhom hija relatata mal-organizzazzjoni tal-Festa Patrunali.

George Cefai
Segretarju

Pontifikal ta’ San Girgor, Kerċem

L-GĦEJJUN TAL-VERITÀ DWAR IN-NATURA TAŻ-ŻWIEĠ

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Pontifikal ta’ San Girgor
Parroċċa Kerċem – Il-Ħadd 13 ta’ Marzu 2011

Il-bniedem mhuwiex sid tal-verità

Il-bnedmin maħluqa biex isibu l-verità u jgħixu skont il-verità. Meta l-bniedem ma jgħixx skont is-sewwa, jgħaddi ħajja miżera ħafna. Is-siltiet mill-Iskrittura li għadna kif qrajna (Ġen 2,7-9; 3,1-7; Rum 5,12-19; Mt 5,12.17-19) ikomplu jdawluna dwar kemm hi komplessa din l-esperjenza tat-tfittix tal-verità u li aħna nibqgħu sħaħ fil-verità. Adam u l-Eva jċedu għat-tentatur għax jagħmlilhom proposta li taqbel ħafna mal-bżonn li kien hemm f’qalbhom: “Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu [il-frott], jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat li jafu t-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3,5). Billi għandu fih ix-xewqa naturali li jkun jaf it-tajjeb u l-ħażin biex jagħżel il-veru mill-gidba, il-bniedem ċeda għal din it-tentazzjoni. It-tentazzjoni ma kienitx biex ma jfittixx is-sewwa, imma dwar fejn seta’ jfittex is-sewwa. Hawn kien l-iżball tal-ewwel bniedem: meta hu stess ried isir il-għajn ta’ x’inhu s-sewwa, il-ħażin, il-veru u l-falz u hekk ma baqax jirrikonoxxi lil Alla bħala Alla li minnu aħna nsiru nafu x’inhi l-verità u x’inhu t-tajjeb. Din hija t-tentazzjoni tal-bniedem ta’ dejjem, imma partikularment tal-bniedem tal-lum.

L-Evanġelju jirrakkonta l-esperjenza ta’ Kristu fid-deżert fejn it-tentatur jipprova jfixklu billi jattakkah dwar il-vertità, billi jnissillu dubju dwar il-verità: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż … Inxteħet għal isfel” (Mt 4,6). Din hija wkoll l-esperjenza tagħna l-bnedmin li kontinwament minn ġewwa u minn barra qed niġu kkonfrontati dwar x’inhi l-verità u jippruvaw inisslulna dubju dwar il-verità miksuba! Continue reading >>