- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Pellegrinaġġ Penitenzjali Djoċesan

Posted By admin On March 19, 2011 @ 12:40 pm In 2011 | Comments Disabled

EKLISSI TAD-DNUB

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Pellegrinaġġ Penitenzjali tar-Randan
Parroċċa Kerċem – Il-Ġimgħa 11 ta’ Marzu 2011

 Alla ġie mwarrab

“Ħuti, jekk xi ħadd minnkom jitbiegħed mis-sewwa u xi ħadd ieħor iġibu lura, dan għandu jkun jaf li min iressaq mit-triq il-ħazina ’l xi midneb, jeħles ruħu mill-mewt u jostor kotra ta dnubiet” (Ġak 5:19-20) Hekk għadna kif smajnih jgħidilna lill-Appostlu Ġakbu. Dan id-diskors jasal f’widnejna llum meta qegħdin ngħixu f’epoka fejn għandna dik li l-Papiet isejħulha “eklissi tad-dnub”, jiġifieri li d-dnub inħeba, li d-dnub biddel ismu u dak li hu ħażin bdejna ngħidlu li huwa tajjeb. L-għerq ta’ kull ħażen huwa l-istess ħażen, għaliex id-dnub mhux biss huwa għemil ħażin imma jikkawża sensiela ta’ ħażen, iġib il-ħażen, u min jagħmilha mal-midneb huwa stess jiċċappas bil-konsegwenzi tad-dnub.

Jekk hawn l-eklissi tad-dnub dan ġej ukoll għaliex eklissa Alla. Jekk ħbejna d-dnub dan ġej għaliex ħbejna lil Alla; jekk insejna x’inhu dnub, dan huwa konsegwenza tal-fatt li nsejna min hu Alla. Hemm proporzjonalità bejn il-kriżi tad-dnub u l-kriżi spiritwali. Daqskemm soċjetà tkun warrbet lil Alla, daqshekk ieħor tiftaqar fis-sens tad-dnub. Jekk hemm kriżi spiritwali gravi, il-kriżi tad-dnub hija daqstant ieħor serja.

Ir-Randan żmien ta’ grazzja

Bdejna dan iż-żmien sabiħ tar-Randan, żmien ta’ konverżjoni biex noqorbu lejn Alla – ftit ġimgħat li jgħinuna niskopru dejjem aktar il-ġmiel ta’ Alla li deher fi Kristu, kif ukoll l-imħabba ta’ Alla li mmanifestalna fi Kristu. Aktar ma ninġibdu lejn Alla aktar nitbiegħdu mid-dnub u ninfatmu mill-azzjonijiet ħżiena tagħna. Għalhekk iż-żmien tar-randan huwa żmien sabiħ. Mhux għaliex l-ewwel u qabel kollox hemm xi sforz tagħna biex naħarqu d-dnub tagħna, imma għaliex aħna nħallu lil Kristu msallab għalina jiġbidna lejh, u din il-viċinanza tagħna lejn Kristu tikkawża l-konverżjoni. Hija l-grazzja ta’ Kristu li mbagħad tqanqalna u tgħinna biex inħassru d-dnub tagħna.

Id-dnub

Imma x’inhu d-dnub? Għaliex ninnota illi hawn injoranza ta’ x’inhu d-dnub. Tlifna t-tifsira tad-dnub, u forsi din hija waħda mir-raġunijiet għaliex is-sagrament tal-penitenza qiegħed kull ma jmur isir anqas popolari. Għaliex jekk aħna ma nħossux il-piż tad-dnub, kif nistgħu nirrikorru għand Kristu biex nagħmlu l-esperjenza tal-ħniena u tal-maħfra tiegħu?

Fl-Iskrittura nsibu kontinwament illi d-dnub huwa l-ksur ta’ dik il-fedeltà li l-bniedem għandu lejn Alla. Diversi drabi Alla waqqaf patt mal-bnedmin, ibda minn Abraham, jibqa’ jġeddu mal-patrijarki sakemm fl-aħħar waqqaf il-patt permezz ta’ Kristu. Frott ta’ dan il-patt suppost hemm impenn ta’ fedeltà reċiproka fejn Alla huwa fidil lejn il-bniedem u l-bniedem huwa fidil lejn Alla. Imma jiġri li ħafna drabi l-bniedem kiser dan il-patt u ġie jaqa’ u jqum minn din il-fedeltà. Infatti meta ż-żwieġ kien jagħmel sens, meta ż-żwieġ kien ħieles mill-infedeltà, il-profeti kienu jippreżentaw il-ħajja taż-żwieġ bħala mudell biex wieħed jifhem il-gravità tal-infedeltà lejn Alla, tant li l-profeti jaslu biex lill-poplu t’Alla jsejħulu mara adultera, mara tat-triq li tkun waqgħet f’relazzjoni adultera ma’ allat oħra u tkun tefgħet taħt riġlejha l-fedeltà lejn żewġha. Hekk kemm il-bniedem kif ukoll il-poplu li ma jirrispettax il-patt li twaqqaf bejnu u bejn Alla, huwa responsabbli ta’ din l-infedeltà.

Skont il-Katekiżmu tal-Knisja d-dnub huwa ksur tal-liġi t’Alla. Mela jekk aħna nafu x‘inhi l-liġi t’Alla u konxjament u b’mod ħieles aħna nagħmlu azzjoni li tmur direttament kontra l-liġi t’Alla, dak huwa konfront dirett lejn Alla u l-liġi tiegħu. Ma noqogħdux nilagħbu. Il-liġi t’Alla nafuha. Meta darba lil Ġesù staqsewh x’għandhom jagħmlu biex ikollhom il-ħajja ta’ dejjem, Ġesù wieġeb: ħares il-kmandamenti: la toqtolx, la tiżnix, la tagħmilx adulterju, jiġifieri tħallix lil martek jew lil żewġek biex tmur ma’ raġel ieħor anke bil-barka tal-liġi tal-bnedmin.

Il-Katekiżmu jgħidilna wkoll illi d-dnub huwa għażla jew deċiżjoni kontra r-raġuni tal-bniedem. Mela jekk għall-argument aħna ma nafux x’jgħidilna Alla fl-Iskrittura, jekk ma nafux x’jgħidilna Kristu, jekk aħna xotti mit-tagħlim tal-Knisja li jissejjaħ Maġisteru – illi jispjegalna x’inhi l-loġika jew il-ħsieb ta’ Alla – , suppost li aħna għandna r-raġuni, għandna s-sens komun, għandna dik li l-Appostlu Pawlu jsejjaħ il-liġi t’Alla miktuba fil-qlub tagħna. Din il-liġi t’Alla mnaqxa fil-qlub tagħna tkellimna dwar diversi aspetti tal-ħajja personali tagħna kif ukoll tal-ħajja soċjali tagħna; tiddettalna wkoll il-verita dwar il-ħajja tal-familja mibnija fuq iż-żwieġ.

Id-dnub imur kontra t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu kif insibuh fil-Vanġelu. Għalhekk dak li għandna ċar fil-Vanġelu m’hemmx lok li jkollna dubji jew interpretazzjonijiet varji tiegħu; imma l-Kelma t’Alla, il-Kelma ta’ Ġesù li nsibu fil-Vanġelu ddawlilna l-kuxjenza tagħna biex nagħmlu dak illi fl-aħħar Ittra Pastorali li wassalnielkom sejjaħnielu l-pjan ta’ Alla, il-mappa ta’ Alla dwar kollox.

Fl-Ittra Pastorali tkellimna dwar il-qdusija taż-żwieġ u l-familja. Għal min irid jifhem, f’din l-Ittra hemm indikazzjonijiet ċari anke dwar din il-materja li qegħdin niriflettu fuqha, għaliex fost ħwejjeġ oħra aħna ngħidu li Alla tana l-libertà tal-għażla, jekk nagħżlux it-triq skont il-ħsieb tiegħu jew it-triq skont il-ħsieb tal-bnedmin. Hawnhekk nerġa’ nistaqsi allura x’inhu d-dnub: id-dnub huwa għażla skont l-għażliet tal-bnedmin li jikkuntrastaw mal-ħsieb ta’ Alla.

Fl-Ittra pastorali ngħidu wkoll li Alla għabbiena bir-responsabiltà, fis-sens li kull wieħed minna jrid jagħti kont ta’ għemilu. Hawnhekk jerġa’ jidħol id-dnub, għax jekk jiena nagħmel għażla tajba, jiena nkun responsabbli tat-tajjeb li għamilt u nimmerita għad-deċiżjoni li nkun għamilt skont ir-rieda t’Alla; imma jekk b’mod responsabbli nagħmel għażla li tikkuntrasta jew li tmur kontra l-ħsieb ta’ Ġesù’ Kristu, allura jiena wkoll irrid nerfa’ r-responsabilta tagħha.

Id-dnub mhux biss joqtol lil Alla imma huwa azzjoni suwiċida, fis-sens li b’għażla favur id-dnub inkunu nkiddu u noqtlu lilna nfusna – ninżgħu minn dak li jagħmilna bnedmin, aktar u aktar bħala mgħammdin: aħna nneżżgħu lilna nfusna mil-libsa li aħna rċevejna bħala wlied Alla. Id-dnub mhux biss huwa deiċida u suwiċida, imma wkoll fratriċida – joqtol lill-aħwa. Nista’ nsemmi diversi dnubiet li għandhom din id-dimensjoni soċjali, fosthom id-dnubiet kontra l-ħajja taż-żwieġ u tal-familja. Għaliex jekk jiena mmur kontra dak li jrid Alla f’din ir-realta, inkun noqtol il-parti l-oħra fiż-żwieġ, inkun ukoll infieri l-frott ta’ dik l-imħabba fiż-żwieġ. Ma nħallux l-eklissi tad-dnub tkompli tikber, iddallam u ttaqqlilna l-viżjoni tas-sabiħ u tal-veru li aħna naraw f’Alla l-imbierek!

Responsabiltà personali quddiem Alla

Jekk irridu nħarsu lejn id-dnub mil-lat pożittiv, dan inissel fina l-virtù tad-dixxerniment. Biex id-deċiżjoni tiegħi dwar il-ħajja tal-familja, dwar il-ħajja taż-żwieġ ma tmurx kontra dak li jrid Alla, inħossni mbuttat biex naħseb, niżen, inqis u nagħti attenzjoni għal dak li ngħid jew nagħmel peress li jista’ b’xi mod imiss in-natura ta’ Alla, in-natura tal-bniedem u n-natura tal-familja. Din ir-responsabiltà ma nistgħux nitfgħuha fuq ħaddieħor – la nistgħu nitfgħuha fuq il-kotra, lanqas fuq xi awtorità, jew fuq is-saċerdot. Din ir-responsabiltà ma nistgħu niddelegawha lil ħadd, imma kull wieħed irid jerfagħha hu personalment. Is-saċerdoti huma gwidi u għalliema tagħkom f’dak li huwa s-sewwa. Huma ministri tal-grazzja t’Alla; imma mbagħad, kull wieħed u waħda minna jibqagħlu r-responsabiltà tal-għażla, li tagħha jrid jagħti kont lil Alla.

Il-“mistika tad-dnub”

Anke jekk ir-roqgħa tal-ħażen tinfirex u joktru l-waqtiet fejn individwalment u kollettivament nagħmlu l-għażla tad-dnub, in-Nisrani xorta qatt m’għandu jaqta’ qalbu għaliex hija possibbli l-“mistika tad-dnub”, fis-sens li meta l-ħajja tal-midinbin tkun tant ħżienet illi tmiss il-qiegħ, huma jindunaw bil-vojt u jibdew ifittxu t-tajjeb, il-veru u l-ġmiel li hemm f’Alla. Fil-velja l-kbira tal-Għid, f’wieħed mill-innijiet tagħha, il-Knisja ssejjaħ id-dnub bħala “felix culpa” – għax kien minħabba li l-bniedem dineb li Kristu għadda mill-misteru tal-mewt u l-qawmien. Għaliex jista’ jkun li Alla jippermetti li l-bniedem tant jeħżien, illi mbagħad tiġih in-nostalġija tat-tajjeb, tal-veru, ta’ dak li hu sabiħ, u jibda tiegħla bil-mod il-mod ’il fuq biex kollox jerġa’ jiġi taħt Kristu l-feddej tagħna.

F’dan il-proċess kollu ma rridux ngħejjew, naqtgħu qalbna jew nitilfu t-tama. Għalkemm qed ngħixu f’Babel tal-lum, fejn il-bniedem ħa post Alla – u għalhekk id-diżordni kull ma jmur qed jiggrava u jmiss l-għerq tal-ħajja tal-bniedem u tal-familja – , irridu nittamaw u nistgħu nitkellmu mill-mistika tad-dnub fis-sens li l-ħtija tagħna tkun ukoll l-okkażjoni biex aħna niftħu għajnejna u naraw l-id ta’ Kristu feddej li trid terfa’ l-bnedmin .

Is-sagrament tal-Penitenza

Għall-bniedem li jidneb Kristu tana s-sagrament tal-Penitenza, li barra li huwa forġa li taħraq id-dnub, huwa okkażjoni ta’ “evanġelizzazzjoni personalizzata” u strument tal-grazzja li tgħin lill-bniedem jagħmel it-tajjeb. Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-sagrament, il-ħniena divina ta’ Kristu tixxerred fuqna, il-grazzja taħraq id-dnub ġewwa fina u timla dak il-vojt tad-dnub. F’dan il-mument sagru taċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni niftakru mhux biss fid-dnub tagħna imma niftakru wkoll fil-grazzja li Kristu kisbilna bil-mewt u l-qawmien tiegħu.

Inxandru l-ħniena ta’ Alla

Intenni l-appell li jagħmel San Ġakbu lejn tmiem l-ittra tiegħu: “Ħuti, jekk xi ħadd minnkom jitbiegħed mis-sewwa u xi ħadd ieħor iġibu lura, dan għandu jkun jaf li min iressaq mit-triq il-ħażina ’l xi midneb, jeħles ruħu mill-mewt u jostor kotra ta’ dnubiet” (5:19-20). Fi kliem ieħor, jekk intom kapaċi tgħinu lil xi ħadd jinfatam u jindem mid-dnub tiegħu jew tagħha, intom tiksbu l-ħajja ta’ dejjem u d-dnubiet tagħkom ikunu mistura, jinħafru. Din hija l-missjoni li nixtieq nagħtikom f’din iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali: x’ħin tmorru lura lejn il-komunitajiet tagħkom, tibqgħux lura milli xxandru l-Bxara t-Tajba. Għaliex jekk hawn il-misteru tal-ħażen madwarna, huwa ikbar il-misteru tal-ħniena t’Alla.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2011/03/19/pellegrinagg-penitenzjali-djocesan-2/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.