Eklissi tad-dnub

Waqt pellegrinaġġ penitenzjali djoċesan li sar fil-parroċċa ta’ Kerċem nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Marzu 2011, fl-omelija l-Isqof Mario Grech wassal dan il-messaġġ:

Qed ngħixu f’epoka fejn tlifna t-tifsira tad-dnub. Billi l-eklissi tad-dnub hija proporzjonata mal-eklissi ta’ Alla, fis-sens li daqskemm soċjetà tkun warrbet lil Alla, daqshekk ieħor tiftaqar  fis-sens tad-dnub, ir-Randan huwa żmien tajjeb biex l-Insara jerġgħu lura għand Alla u jiskopru l-ġmiel ta’ wiċċu  li deher fi Kristu Feddej. Mingħajr Alla, joktor id-dnub u tikber it-tbatija.

Skont il-Katekiżmu tal-Knisja, id-dnub huwa offiża kontra r-raġuni umana. Imżejjen bir-raġuni, il-bniedem suppost jiskopri “miktuba f’qalbu” l-liġi naturali. Jekk huwa jagħżel li jinjora jew imur kontra dak li tiddettalu l-liġi naturali, l-għażliet tiegħu jkunu ħżiena.

Id-dnub huwa offiża diretta lil Alla meta l-bniedem b’mod konxju u ħieles jikser il-liġi tiegħu kif waslitilna fil-Kotba Mqaddsa u mfissra mill-Knisja. Kristu jgħallem li min irid jidħol fil-ħajja ta’ dejjem, għandu jħares il-kmandamenti, fosthom dawk li jipprojbixxu l-gidba u l-adulterju.

F’għajnejn Alla l-adulterju jibqa’ dnub, anke jekk dan ikun protett mil-liġi tal-bnedmin.

Kif għidna fl-aħħar Ittra Pastorali, Alla jirrispetta r-rieda ħielsa tal-bniedem u tibqa’ responsabilità tal-bniedem jekk jagħżilx it-triq ta’ Alla jew it-triq kif jifhimha hu li tbiegħdu mit-triq ta’ Alla. Alla mhux biss jagħti din ir-responsabilità lill-bniedem, iżda jistaqsih għaliex ma jkunx wettaq il-pjan tiegħu.

Dan japplika wkoll meta nitkellmu dwar l-istabilità taż-żwieġ.  In-Nisrani jrid jagħti tweġiba u kont lil Alla jekk ikunx mexa fuq il-pjan tiegħu fil-ħolqien għal għaqda sħiħa bejn raġel u mara li jsiru “ġisem wieħed”, jew jekk ikunx favur it-tkissir ta’ din l-għaqda permezz tad-divorzju.

Il-possibilità li l-bniedem jidneb, timbuttah biex jikber fil-virtù tad-dixxerniment billi qabel jieħu xi deċiżjoni huwa jiżen, iqis u jgħarbel sewwa t-tajjeb mill-ħażin. Din ir-responsabilità ma nistgħu niddelegawha lil ħadd, imma kull wieħed irid jerfagħha hu personalment. Kull bniedem irid iwieġeb quddiem Alla għal għemilu.

Għall-bniedem li jidneb Kristu tana s-sagrament tal-Penitenza, li barra li huwa forġa li taħraq id-dnub, huwa okkażjoni ta’ “evanġelizzazzjoni personalizzata” u strument tal-grazzja li tgħin lill-bniedem jagħmel it-tajjeb.

Anke jekk ir-roqgħa tal-ħażen tinfirex, in-Nisrani xorta qatt ma għandu jaqta’ qalbu għaliex hija possibbli l-“mistika tad-dnub”, fis-sens li meta l-ħajja tal-midinbin tkun tant ħżienet illi tmiss il-qiegħ, huma jindunaw bil-vojt u jibdew ifittxu t-tajjeb, il-veru u l-ġmiel li hemm f’Alla.